OPR- Il-Ġimgħa, 19 ta' Jannar, 2007

 


Diskors mill-E.T. DOTT. Edward Fenech Adami, President ta’ Malta, waqt l-iskambju ta’ l-awguri għas-sena l-ġdida mal-Korp Diplomatiku - Il-Palazz, il-Belt Valletta


Eċċellenza, Dekan tal-Korp Diplomatiku,

Onorevoli Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin,

Eċċellenzi,

Membri tal-Korp Diplomatiku,

 

Waqt li nilqagħkom fil-Palazz fi dħul is-sena 2007, inwasslilkom ix-xewqat sbieħ tiegħi, u tal-Poplu ta’ Malta, xewqat ta’ paċi u hena għalikom, għall-għeżież familji tagħkom, kif ukoll ta’ paċi u prosperità għall-pajjiżi li intom tirrappreżentaw.  Nagħti merħba lill-ħbieb antiki  u merħba speċjali lil dawk li ġew akkreditati għal Malta fis-sena li għaddiet. 

 

Nirringrazzjak Mons. Del Blanco Prieto, għall-kliem ġentili li esprimejt bħala Dekan tal-Korp Diplomatiku akkreditat għal pajjiżi.  Nitolbok li twassal lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XVI, it-tislijiet sinċieri tiegħi u l-awguri tal-Poplu Malti.  Lill-Ambaxxaturi kollha, nitlobkom twasslu t-tislijiet tiegħi lill-Kap ta’  l-Istat tagħkom. 

 

Eċċellenzi,

 

Illum nixtieq infakkarkom f’dak li Malta tirrappreżenta fix-xena internazzjonali – Stat gżira li jinsab strateġikament fuq il-fruntiera kulturali bejn l-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq.  Il-viżjoni ta’ pajjiżi hija dik ta’ dinja fejn kulħadd ikun jista’ jgħix fil-paċi u s-sigurtà, dinja fejn id-drittijiet umani jiġu rrispettati u l-konflitti jiġu riżolti bi djalogu. 

 

Malta tħabrek biex twassal messaġġ ta’ paċi u kooperazzjoni.  Malta m’hix gżira (ħlief, kif ġa semmejt, fis-sens letterali).  F’dinja globalizzata, pajjiżna jiġi effettwat direttament mill-isfidi li l-umanità tħabbat wiċċha magħhom - kriżijiet ekonomiċi, perikoli ambjentali, kalamitajiet naturali, gwerer u kunflitti bl-armi, kulfejn dawn jinsabu.  Aħna ma ninjorawx dak li qed jiġri madwarna, iżda pjuttost infittxu li ninvolvu ruħna biex magħquda flimkien nissieltu favur aktar ġid komuni. 

 

Eċċellenzi,

 

Kif intom tafu Malta qiegħda taħdem biex tagħmel suċċess mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea u biex tagħti sehma fil-bini ta’ Unjoni Ewropea li tagħti valur miżjud lill-Istati membri u liċ-ċittadini tagħha.  Is-saħħa ta’ l-għaqda tagħna ġejja mill-valuri komuni, prinċipalment id-demokrazija, id-drittijiet umani u l-ekonomija tas-suq, u t-tamiet u l-aspirazzjonijiet komuni għall-futur, li lilu aħna lkoll nappartjenu. 

 

Nieħu din l-opportunità biex nagħti merħba lill-Bulgarija u lir-Rumanija li għadhom kemm daħlu fl-Unjoni Ewropea. 

 

Il-fundaturi ta’ dik li llum hija l-Unjoni Ewropea kellhom viżjoni – dik li jgħaqqdu l-Ewropa biex fil-futur tirrenja l-paċi u l-Ewropa teħles mill-ħruxija ta’ gwerra fil-kontinent tagħha stess.  Il-blokki li bnew fuqhom kienu ekonomiċi, iżda l-għanijiet tagħhom kienu politiċi.  Din il-viżjoni tibqa’ ta’ l-ikbar importanza għax hija din il-viżjoni li ser tirbaħ dejjem aktar il-qlub u l-imħuħ taċ-ċittadini tagħha.  Jiena nemmen bis-sħiħ li l-progress lejn il-viżjoni ta’ Ewropa magħquda jista’ jseħħ biss jekk il-viżjoni jkollha appoġġ popolari konsiderevoli.  L-Ewropa hija kontinent bi storja twila ta’ Nazzjonijiet Stati li jikkompetu ma’ xulxin, u għal din ir-raġuni, tista’ tingħaqad b’suċċess biss jekk l-opinjoni pubblika tkun lesta b’dibattitu demokratiku u jekk dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, grazzi għal din id-diskussjoni pubblika, ikunu jafu safejn u b’liema pass jistgħu jaslu.  Fl-opinjoni tiegħi, il-proġett tat-Trattat Kostituzzjonali għandu jibqa’ bħala prijorità ta’ l-Unjoni Ewropea. 

 

Eċċellenzi,

 

Malta tiddefinixxi l-politika barranija tagħha fuq il-bażi tar-realtajiet ġeopolitiċi tagħha.  Id-diversità kulturali, politika u reliġjuża fil-Mediterran hija aġent importanti biex nifformaw il-futur.  Din tiftaħ toroq għal skambji u kooperazzjoni fir-reġjun u ’l barra minnu.  Malta taħdem biex b’ħerqa twettaq il-parti tagħha u tħeġġeġ djalogu, paċi, stabbiltà u prosperità fir-Reġjun, inkluż il-Lvant Nofsani. 

 

Inħossni preokkupat meta, fis-sebħ ta’ din is-sena ġdida, naħseb fuq il-Lvant Nofsani, u nesprimi t-tama li naslu għal paċi ġusta u dejjiema li tirrispetta d-drittijiet umani fundamentali tal-popli li jgħixu hemm.  Ir-rispett għad-drittijiet umani u għal-liġi internazzjonali huma s-sisien indispensabbli li mingħajrhom ftehim dejjiemi ta’ paċi ma jistax ikun possibbli. 

 

Il-konflitti armati dejjem iwasslu direttament għal tbatija umana, nies maqlugħin minn arthom u konsegwenzi ekonomiċi koroh għall-pajjiżi li huma direttament effettwati.  L-istorja mqallba tal-Lvant Nofsani sa llum baqgħet storja ta’ tamiet imfarrka u ħolm bla temma.  Il-konflitt Iżraeli-Palestinjan jibqa’ mhux solvut u jkompli jikkawża tbatija enormi u wġigħ lill-popolazzjonijiet ċivili taż-żewġ naħat. 

 

B’xorti ħażina spiss wieħed jinduna kemm hu meħtieġ li l-paċi tingħata ċans meta jkun għaddej  xenarju ta’ mwiet, ta’ devastazzjoni u ta’ tbatija kbira.  Il-vjolenza li ħeġġet dan l-aħħar bejn il-Lebanon u l-Iżrael ħalliet warajha ħafna vittmi, distruzzjoni u inċertezza.  Nittama li l-mexxejja u l-Popli ta’ dawn il-pajjiżi jirrealizzaw li l-ostilità tista’ tiġi eradikata u r-relazzjonijiet jistgħu jinbnew mill-ġdid. 

 

Ir-rikostruzzjoni mistennija fl-Iraq fuq il-livell politiku, ekonomiku u soċjali hija biċċa xogħol komplessa, imtertqa bl-inċertezzi, bir-reżistenza u bi vjolenza dejjem tiħrax.  Kif nafu lkoll, is-sitwazzjoni hija tant diffiċli li xi drabi anke t-twassil ta’ għajnuna umanitarja hija problema.  Nittamaw li l-awtoritajiet responsabbli fir-reġjun jieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa kmieni biżżejjed biex tkun tista titreġġa’ lura l-iżvolta li ħadu l-affarijiet u wkoll biex il-komunità internazzjonali tkun tista’ tieħu parti attiva fir-rikostruzzjoni. 

 

Irridu nagħmlu dak kollu li nistgħu biex inħallu lis-soċjetajiet imtertqa bil-gwerra jitħallew jiksbu l-paċi u l-istabbiltà, biex jerġgħu jinġabru mill-ġdid, u fuq kollox, biex jagħtu lill-ġenerazzjonijiet żagħżugħa tagħhom futur lejn xiex dawn jistgħu jħarsu. 

 

Eċċellenzi,

 

Nieħu pjaċir ninnota l-iżviluppi inkoraġġanti li seħħew tul il-medda tas-sena li għaddiet fil-kamp tal-ġustizzja internazzjonali: ex-mexxej akkużat li ħa sehem fi krimini tal-gwerra qed jiġi pproċessat f’The Hague quddiem qorti speċjali tal-krimini tal-gwerra.  Qed jitfaċċa wkoll l-ewwel każ quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali li jindika individwi speċifiċi li jidhru li kellhom l-akbar responsabbiltà għall-krimini tal-gwerra u krimini kontra l-umanità mwettqa f’Darfur.  Jiena nżid il-vuċi tiegħi ma’ dawk ta’ bosta oħrajn billi nikkundanna l-vjolenza u t-twettiq ta’ krimini bħala mod kif wieħed jikseb il-miri tiegħu, u billi nitlob il-ħaqq għall-vittmi. 

 

Nitlob ’l Alla li f’Darfur u fl-Afrika kollha jkun hemm il-faraġ quddiem id-disperazzjoni ta’ dawk li qed iħabbtu wiċċhom mal-ġuħ u l-ħerba tal-konflitt endemiku, il-korruzzjoni, il-mard u l-faqar, u li l-passi li qed isiru lejn ir-rikonċiljazzjoni, id-demokrazija u l-iżvilupp ikunu msaħħa. 

 

Eċċellenzi,

 

Il-problemi li qed niffaċċjaw – faqar, diżastri ambjentali, terroriżmu u l-proliferazzjoni ta’ l-armi tal-qerda tal-massa – jistgħu kollha jkunu kawżi ta’ konflitti u vjolenza.  Jiena tal-fehma li l-aħjar triq għalina biex neħilsu minn konflitti u vjolenza hija li ninvolvu ruħna biex niskansawhom u li nirsistu biex ngħaqqdu l-isforzi tagħna flimkien.  Fl-aħħar mill-aħħar, l-interessi veri ta’ l-umanità, bħal m’huma s-sigurtà u r-riżq, huma bażikament l-istess għal kulħadd. 

 

Kwestjoni ta’ prijorità fl-aġenda ta’ Malta hija l-fenomenu ta’ l-immigrazzjoni irregolari.  Sfortunatament, il-Baħar Mediterranju qed jara sseħħ traġedja umana, li fiha eluf tilfu ħajjithom waqt li kienu qed jaħarbu minn pajjiżhom billi jippruvaw jivvjaġġaw mix-xtut ta’ l-Afrika ta’ Fuq biex jaqsmu l-Mediterran lejn l-Ewropa.  Hija ħaġa ċara li l-kwestjoni kumplessa ta’ l-emigrazzjoni ma tistax tissolva permezz ta’ mekkaniżmi difensivi li huma biss nazzjonali u bejniet l-Istati.  Hemm bżonn li lkoll nagħmlu l-għalmu tagħna flimkien biex innaqqsu l-pressjoni li tikkawża l-emigrazzjoni billi nfittxu li niksbu stabbiltà fis-sitwazzjoni politika, soċjali u ekonomika fil-pajjiżi ta’ l-oriġini. 

 

It-tmiem tal-Gwerra Bierda u tlugħ ras il-fenomenu tat-terroriżmu internazzjonali fetħu kapitolu ġdid fil-ktieb ta’ l-istorja dinjija.  Il-ġlieda kontra t-terroriżmu hija llum ta’ prijorità mill-akbar għan-Nazzjonijiet Uniti u punt permanenti fl-aġenda internazzjonali.  Dan huwa tabilħaqq hekk, għax it-theddida u l-attakki terroristiċi xeħtu verament dell ikrah fuq id-dinja tagħna, li rrendiena dejjem aktar beżgħana u insiguri. 

 

Fil-messaġġ tiegħu għall-Jum Dinji tal-Paċi, il-Papa Benedittu XVI qal hekk: “Meta nanalizzaw il-kawżi tal-fenomenu kontemporanju tat-terroriżmu,  għandha tingħata konsiderazzjoni mhux biss lill-kawżi politiċi u soċjali tiegħu, iżda wkoll lill-motivazzjonijiet kulturali, reliġjużi u ideoloġiċi aktar profondi tiegħu.”  Hu veru inkwetanti li taħseb li dawk l-istess reliġjonijiet maħsuba biex jiċċelebraw il-bniedem u l-ħajja u jservu l-kawża tal-paċi, jistgħu jkunu manipulati u mgħawġa biex jieħdu forma ta’ fanatiżmu li jispira u jinkoraġġixxi l-ħsieb u l-attività terrorista.  L-isfida l-kbira hija li nsegwu l-mogħdija li twassal għall-paċi b’kuraġġ u b’sabar.  Jalla nikkomunikaw il-verità tagħna, mhux billi nippruvaw nimponuha, iżda billi nipproponu dak li l-oħrajn jistgħu jaċċettaw minn jeddhom, u jalla aħna wkoll inkunu lesti naċċettaw dak li jikkomunikaw oħrajn u nifhmu l-perspettiva tagħhom.  Hekk biss nistgħu neħilsu lid-dinja mit-tixwix ta’ mibegħda u minn iżjed kawżi ta’ tensjoni.

 

Għalkemm kull pajjiż għandu l-interessi partikolari tiegħu, l-għan li nassiguraw li din il-pjaneta jkollha futur sostenibbli huwa wieħed li lkoll  kemm aħna nistgħu nħaddnu.  Il-kunċett ta’ l-iżvilupp sostenibbli, iż-żwieġ ta’ l-iżvilupp soċjali u ekonomiku mal-protezzjoni ambjentali, twieled f’Rio fl-1992.  Għamilna progress konsiderevoli minn dak iż-żmien ’l hawn.  Ejjew nittamaw li l-ideat tagħna favur soluzzjonijiet biex nersqu lejn l-għan tagħna jinbidlu f’azzjonijiet u jiġu tradotti f’riżultati, għall-ġid u s-sopravivenza tal-pjaneta tagħna. 

 

Fid-dinja globalizzata tagħna, tant interkonnessa u interdipendenti, anke problemi li jidhru li huma ’l bogħod minna jista’ jkollhom riperkussjonijiet diretti fuqna.  Għalhekk l-isforzi tagħna biex nagħtu l-għajnuna għandhom ukoll aspett totalment prattiku, minbarra l-aspetti morali u filosofiċi tagħhom.  L-Ewropa u l-pajjiżi żviluppati l-oħra tad-dinja għandhom bżonn jassiguraw li l-globalizzazzjoni jkollha anke aspett soċjali, inkella għad nispiċċaw ħażin.  Ejjew naħdmu flimkien biex nibnu ordni mondjali ġdid ibbażat fuq relazzjonijiet ekonomiċi etiċi u ġusti. 

 

Eċċellenzi,

 

Għaddiet sena oħra bil-kumplessitajiet u bl-iżvolti daqqiet mhux mistennija u daqqiet prevedibbli, avvenimenti li jikkaratterizzaw id-dinja moderna tagħna. Ippermettuli nesprimi lejkom l-apprezzament tiegħi, Ambaxxaturi distinti u membri tal-Korp Diplomatiku, lejn il-missjoni li twettqu biex isservu ta’ pont bejn popli b’firdiet maħluqin mill-bnedmin, mill-istorja u mill-ġeografija.  L-impenn tagħkom biex tqarrbu l-popli u l-gvernijiet b’xewqa li jikkooperaw fl-armonija, huwa ta’ min ifaħħru. 

 

Nawgura li s-sena 2007 tkun sena tajba, għalikom personalment u għall-pajjiżi tagħkom.

 


HOME  |  GOV.MT  |  PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP