OPR- Il-Ġimgħa, 11 ta' Jannar, 2008
Diskors mill-E.T. DOTT. Edward Fenech Adami, President ta’ Malta, waqt l-iskambju ta’ l-awguri għas-sena l-ġdida mal-Korp Diplomatiku - Il-Palazz, il-Belt Valletta
Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin,
Dekan tal-Korp Diplomatiku,
Eċċellenzi,
Membri tal-Korp Diplomatiku,
Għandi pjaċir nilqagħkom fil-Palazz biex inkomplu tradizzjoni sabiħa u personali: dik li nagħtu lil xulxin l-awguri fl-ewwel ġranet ta’ kull sena ġdida.
Nunzju Appostoliku,
Nixtieq nirringrazzja lilek, Monsinjur Tommaso Caputo, Dekan tal-Korp Diplomatiku, għall-kliem u x-xewqat sbieħ li għoġbok tagħmilli għas-Sena l-Ġdida. Ippermettili nesprimi lilek Monsinjur Caputo, kif ukoll lill-Korp Diplomatiku kollu, l-aqwa awguri tiegħi għas-Sena l-Ġdida. Nixtieq nitolbok testendi lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XVI, ix-xewqat sbieħ tiegħi flimkien mat-tislima tal-poplu Malti kollu.
Eċċellenzi,
L-ewwel xahar tal-kalendarju Ġuljan, Ianuarius, hu msejjaħ hekk għall-Janus – alla ruman li kien maħsub li kellu żewġt uċuħ: wieħed iħares ’il quddiem, u l-ieħor iħares lura. Ir-Rumani, li kienu surmastrijiet tal-prammatiżmu, kienu jafu eżatt fiex ifakkarna l-ewwel xahar tal-kalendarju: iġibilna stima istintiva u realistika ta’ dak li ġara fis-sena ta’ qabel flimkien u stima ottimista ta’ dak li għadu ġej fil-futur immedjat.
Meta nħarsu lura lejn is-sena 2007, Malta għamlet tliet kisbiet importanti. Fit-13 ta’ Diċembru, Malta, flimkien ma’ sħabna fl-Unjoni Ewropea, iffirmat it-Trattat ta’ Lisbona. Dan it-Trattat mistenni jagħti spinta ’l quddiem lis-sehem ta’ l-Unjoni Ewropea fid-dinja.
Kienet ilha tinħass il-ħtieġa li l-influwenza politika ta’ l-Unjoni Ewropea ssir tħabbatha mas-saħħa ekonomika li għandha. Jiena naħseb, li issa wasal iż-żmien li l-Unjoni Ewropea tafferma ruħha madwar id-dinja politikament daqskemm tafferma ruħha ekonomikament. Issa hu ż-żmien propizju li l-Unjoni Ewropea terfa’ r-responsabiltà politika flimkien ma’ pajjiżi stati oħra biex tfittex issolvi problemi ta’ natura politika li ilhom staġnati għal snin sħaħ, kif ukoll biex issolvi konflitti reċenti u kriżijiet umanitarji. Aħna tal-fehma li jekk ir-rwol politiku ta’ l-Unjoni Ewropea jikber dan hu fl-interess tal-pajjiżi kollha madwar id-dinja li ġenwinament jemmnu fil-kompromess bħala soluzzjoni.
It-tieni avveniment storiku tas-sena 2007, li seħħ fl-1 ta Jannar 2008, kien meta Malta bdiet tipparteċipa fis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u adottat il-munita ewro bħala l-munita uffiċjali ta’ pajjiżna. Dan huwa żmien li lilna jagħmilna kburin. Issa li niffurmaw parti miż-żona tal-pajjiżi li għandhom l-ewro bħala l-munita uffiċjali tagħhom, mhux biss se nkunu nużaw l-istess munita, iżda se nibbenefikaw aktar ma jgħaddi ż-żmien minn dik li qed issir munita internazzjonali. Mhux biss imma se nipparteċipaw fid-deċiżjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ materji ta’ natura finanzjarja u fiskali fiż-żona ta’ l-ewro. Din il-parteċipazzjoni ġdida tagħna fil-munita komuni taż-żona ewro qed tagħtina sens li aħna nagħmlu parti konsolidata mill-Komunità Ewropea fejn bl-istess munita aħna nistgħu nibdlu flusna fi prodotti u servizzi f’numru kbir ta’ pajjiżi membri.
Fil-21 ta’ Diċembru 2007, Malta laħqet mira oħra ma’ l-Unjoni Ewropea. Flimkien ma’ ħafna mill-istati li saru membri ta’ l-Unjoni Ewropea fl-2004, Malta aċċettat li tifforma parti mill-Ftehim ta’ Schengen li jirregola l-fruntieri kemm ta’ l-art kif ukoll tal-baħar. Bis-saħħa ta’ dan il-ftehim, il-fruntieri ta’ Schengen għar-residenti tal-Komunità Ewropea issa ġew estiżi sa Malta. Il-ftehim għandu japplika wkoll għall-fruntieri ta’ l-ajru sa Marzu 2008. Minn issa ’l quddiem, il-fruntieri tagħna huma l-aktar punt doganali meridjonali ta’ l-Unjoni Ewropea f’din il-parti tal-baħar Mediterran.
Aħna nħaddnu l-fehma sħiħa li s-sehem tagħna f’dan il-Ftehim hu ta’ benefiċċju għall-partijiet kollha. Ir-realtajiet ta’ l-attivitajiet kriminali jġegħluna nieħdu l-miżuri xierqa biex nipproteġu ċ-ċittadini tagħna u n-nies innoċenti li jgħaddu minn ħdejn xtutna mit-tbatija u t-theddid. Is-sħubija tagħna fil-Ftehim ta’ Schengen se ttejjeb bil-bosta s-sistemi tagħna ta’ informazzjoni u tgħinna biex nappoġġjaw l-isforzi tal-Komunità Ewropea fil-ġlieda tagħha kontra l-kriminalità organizzata, l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar internazzjonali ta’ sustanzi pprojbiti. Is-sehem tagħna fil-Ftehim ser jinkoraġġina ħafna u jagħtina x’nifhmu li issa m’għadniex weħidna kontra dan l-għawġ qalil.
Is-sħubija tagħna fil-Ftehim issiġillat iż-żewġ ħolqiet li kienu nieqsa fil-proċess ta’ l-għaqda tagħna ma’ l-Unjoni Ewropea. Issa nistgħu ngħidu: id-destin ta’ l-Ewropa hu d-destin tagħna lkoll.
Eċċellenzi,
F’Novembru tas-sena l-oħra, aħna lqajna l-inizjattiva ta’ l-Istati Uniti li tlaqqa’ flimkien l-istati kollha li għandhom interess fil-Lvant Nofsani għall-Konferenza ta’ Annapolis. L-iskop tal-Konferenza kien li tinstab it-triq sabiex jerġgħu jitkomplew in-negozjati għal soluzzjoni fil-Lvant Nofsani. Bħal ħafna mexxejja ta’ pajjiżi oħra, nispera li din id-darba, l-inizjattiva Amerikana tilħaq l-għan mixtieq tagħha.
Jiena nifraħ ukoll lill-Gvern Franċiż li ospita l-Konferenza tad-Donaturi għall-pajjiżi li kienu lesti jwiegħdu fondi biex jgħinu fl-iżvilupp ekonomiku tal-Palestina. Il-Konferenza kienet suċċess kbir billi fil-fatt il-pajjiżi donaturi kkommettew $7.4 biljun fuq perijodu ta’ tliet snin, kważi $2 biljun iktar milli l-Awtoritajiet Palestinjani kienu qed jistennew. Bħal ħafna mexxejja oħra, jiena wkoll nifraħ lil-Gvern Franċiż għas-suċċess tal-Konferenza, kif ukoll lill-pajjiżi kollha li wiegħdu l-kontribuzzjonijiet tagħhom.
L-isfidi politiċi u territorjali li qed jiffaċċjaw in-negozjaturi kemm dawk Iżraeljani kif ukoll dawk Palestinjani huma formidabbli daqs kemm huma magħrufa. Ix-xkiel ekonomiku biex jinħoloq stat Palestinjan huwa wkoll enormi, għalkemm il-pjan għall-fejqan ekonomiku mressaq mill-Prim Ministru Palestinjan Salam Fayyad, hu ċertament pass fit-triq it-tajba.
Hemm żewġ aspetti oħra li hemm bżonn jiġu indirizzati biex wieħed jiżgura li, din id-darba, l-għanijiet prinċipali jiġu milħuqa. Wieħed minn dawn l-aspetti huwa l-qawmien mill-ġdid tan-negozju u l-kummerċ. L-ekonomija tal-Palestina tinħtieġ l-investiment privat biex tqajjem in-negozju u tkabbar il-kummerċ mad-dinja. Dan jista’ jseħħ biss kemm-il darba jintlaħaq ftehim biex jitneħħew il-barrikati li qed jifirdu l-komunitajiet tax-Xatt tal-Punent minn xulxin u jkun hemm serħan il-moħħ li hemm biżżejjed sigurtà biex tippermetti t-tranżitu bla xkiel tal-merkanzija minn naħa għal oħra tal-fruntieri.
Hemm aspett ieħor meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet miftiehma. Hemm bżonn li l-programm ta’ għajnuna ekonomika jingħata importanza daqskemm tingħata importanza lill-isforz diplomatiku sabiex tintlaħaq soluzzjoni ġusta u aċċettabbli għaż-żewġ naħat. Jeħtieġ li jkollna fiduċja li soluzzjoni bbażata fuq il-kompromess skond il-konklużjonijiet adottati mill-Ġnus Magħquda, tkun l-unika triq fl-aħjar interessi ta’ kulħadd. Jeħtieġ li jkollna fiduċja li konċessjonijiet għal żmien qasir għandhom iwassluna għal rebħiet fit-tul. Din kienet il-karatteristika tan-negozjati kollha tal-paċi li saru fl-imgħoddi. U fl-opinjoni tiegħi hekk għandha tibqa’ sa llum. Hekk biss, għad nistgħu naraw kemm lill-Iżrael kif ukoll lill-Palestina jaslu fi stadju fejn it-tnejn ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet sovrani tagħhom, imexxu ’l quddiem it-tisħiħ ekonomiku u jkattru l-prosperità tal-popli tagħhom.
Eċċellenzi,
Bħalma tafu, hemm problemi li huma ferm aktar gravi mill-fruntieri nazzjonali tagħna, problemi li huma ferm relevanti għal kull bniedem; u minħabba f’hekk dawn il-problemi huma bil-wisq aktar importanti minn problemi oħrajn tal-ħajja li nħarsu lejhom b’kalkoli ekonomiċi jew ambizzjonijiet nazzjonali. Fil-ftit ħin li għandi għad-dispożizzjoni tiegħi, nixtieq naqsam magħkom xi ftit ħsibijiet dwar tnejn minn dawn il-problemi ta’ “bla fruntieri”. L-ewwel, kif sa nimmaniġġjaw it-taqlib tal-klima, u t-tieni, kif se nimblokkaw l-immigrazzjoni illegali bla rażan.
Nixtieq nibda billi nagħmel ftit kummenti dwar il-Konferenza tal-Pajjiżi Msieħba fil-Konvenzjoni Strutturata għat-Tibdil tal-Klima fi ħdan il-Ġnus Magħquda, liema Konferenza saret f’Bali, l-Indoneżja.
Konna qed nistennew qabel ma bdiet il-Konferenza, li sas-sena 2009 inkunu bdejna n-negozjati li kellhom iwassluna għal ftehim globali, komprensiv u effettiv tas-sena 2012 dwar kif se nimmaniġġaw it-tibdil fil-klima u nwaqqfu minn qabel aktar degredazzjoni fl-ambjent.
Jiena konxju li l-għanijiet oriġinali tal-Konferenza ma’ ntlaħqux għal kollox. Ma neħodhiex b’sorpriża li ċerti gruppi ta’ l-ambjent iddeskrivew il-ftehim bħala ‘opportunità mitlufa’.
Nista’ ngħid li jien, li ilni fil-politika għal żmien twil, naf tajjeb li fil-politika l-affarijiet jistgħu u ġieli jitbiddlu mil-lejl għan-nhar. Nispera li sadanittant nilħqu nibdlu l-opinjoni tagħna biex nassiguraw li ġenerazzjonijiet futuri jkunu jistgħu jgawdu l-pjaneta tagħna daqs kemm qed ingawduha aħna.
Eċċellenzi,
Ma jidhirlix li għandi nagħlaq l-indirizz tiegħi mingħajr ma nsemmi avvenimenti li seħħew qrib tagħna fil-Baħar Mediterran.
Għal ħafna żmien Malta saħqet li l-Unjoni Ewropea għandu jkollha politika dwar l-immigrazzjoni, liema politika jeħtieġ li tkun komprensiva u integrattiva ma’ dik ta’ Pajjiżi Membri biex tkun tista’ tilqa’ l-isfidi u tiggwadanja mill-opportunitajiet li ġġib magħha l-immigrazzjoni. Hemm bżonn li nimpenjaw ruħna fi ftehim politiku koerenti bejn il-Pajjiżi Membri kollha dwar politika ta’ immigrazzjoni qabel ma l-Unjoni tkun tista’ tħares u tegħleb sewwa d-diversi aspetti marbutin ma’ l-immaniġġjar ta’ kurrenti migratorji minn pajjiż għall-ieħor u mal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali.
Jiena tal-fehma li bil-mod resqin lejn l-għan tagħna. F’Novembru tas-sena l-oħra, il-Konferenza Ministerjali ta’ l-Euro-Med dwar il-Migrazzjoni għamlet progress ġmielu dwar il-kooperazzjoni prattika fl-aspetti kollha tal-migrazzjoni.
Barra minn hekk, it-Tieni Laqgħa bejn l-Afrika u l-Unjoni Ewropea identifikat il-migrazzjoni bħala prijorità għaż-żewġ naħat u qablu li għandhom jagħmlu kull sforz biex jintlaħaq ftehim. Il-Kunsill tal-Ministri ta’ l-Unjoni Ewropea għamel stqarrija uffiċjali dwar politika li żżomm il-bilanċ bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp. Malta minn naħa tagħha ilha ssostni din il-koerenza b’konformità mal-kundizzjonijiet iddikjarati fil-Ftehim ta’ Kotonou.
It-talba għal tluq tan-nies lejn l-Ewropa ġġib magħha ċaqliq mhux mixtieq ta’ migrazzjoni illegali. Dawn il-movimenti ta’ nies m’huma xejn mixtieqa għaliex la huma maniġġjabbli, la huma notifikati u lanqas iċċekkjati. M’hemm assolutament l-ebda mekkaniżmi dwar is-saħħa u l-ħarsien biex jipproteġu dawk li jridu jiġu emigrati. L-uniku għan huwa l-qligħ ta’ flus. Malta, bħala pajjiż ċivilizzat, jiddispjaċiha tara l-movimenti ta’ dawn in-nies speċjalment meta dawn jispiċċaw fi traġedji u mwiet. Ħajjiet ta’ nies qed jgħibu mingħajr traċċi ta’ fejn setgħu marru, familji qed jispiċċaw mifruda u jkollhom ifendu għal rashom mingħajr dħul ta’ flus jew inkella jiġu sfurzati jitilqu mingħajr preparazzjonijiet meħtieġa. Din hi sitwazzjoni traġika għall-popli tagħna llum fis-seklu wieħed u għoxrin.
Biex wieħed jikkontrolla b’mod sħiħ il-movimenti tan-nies hemm bżonn li l-Unjoni Ewropea tieħu ħsieb issaħħaħ l-amministrazzjoni tal-fruntieri tagħha. It-twaqqif tal-Frontex u s-sorveljanza li tagħmel fuq l-immigrazzjoni illegali fil-Baħar Mediterran kienet bla dubju pass ’il quddiem. M’hemmx dubju li l-immigrazzjoni illegali fil-Mediterran mhix l-unika rotta ta’ dħul ta’ immigranti illegali lejn l-Unjoni Ewropea. Daqskemm nifhem ukoll li t-tkabbir tal-Ftehim ta’ Schengen ħoloq iktar rotot ikkumplikati għall-immigrazzjoni illegali u qajjem il-kwestjoni ta’ aktar għarfien tal-ħtieġa li l-Pajjiżi Membri jrażżnu dawn il-movimenti. Iżda hawnhekk nixtieq nenfasizza li hemm bżonn li jiġu indirizzati ċerti pressjonijiet li l-istati membri qed iħabbtu wiċċhom magħhom.
Nixtieq ukoll nagħti ħarsa lejn aspett ieħor marbut ma’ l-immigrazzjoni illegali: it-tħaddim ta’ politika li tirregola d-dħul mill-ġdid kif ukoll ir-ritorn lejn pajjiżhom ta’ dawk li jabbużaw. M’hemmx triq oħra jekk irridu nwaqqfu l-kriminalità internazzjonali fit-traffikar tal-bnedmin u nevitaw traġedji jekk aħna, kemm il-Pajjiżi Membri ta’ l-Unjoni Ewropea kif ukoll il-pajjiżi terzi li minnhom jitilqu l-immigranti illegali, ma nikkoperawx dwar politika ta’ ritorn u dħul lura mill-ġdid. Meta naċċettaw politika ta’ dħul lura mill-ġdid, inkunu qed nagħtu sinjal ċar li l-immigrazzjoni hija politika possibbli, mixtieqa u effettiva u hi fl-aħjar interess ta’ kulħadd. L-immaniġġjar xieraq ta’ immigranti jgħin ħafna sabiex minn banda l-pajjiżi li jilqgħu dawn l-immigranti jkunu jistgħu jintegrawhom b’mod xieraq, u mill-banda l-oħra l-pajjiżi li jibagħtu l-immigranti jkunu jistgħu jibqgħu jgawdu minn dħul ogħla ta’ flus li dawn jibagħtu lill-familjari tagħhom.
Eċċellenzi,
Meta nħarsu ’l quddiem lejn is-sena 2008, nistennew li nerġgħu ngħaddu mill-proċess demokratiku fejn il-poplu Malti jaħtar gvern ġdid għall-ħames snin li ġejjin. Dan hu mument importanti ħafna fil-kalendarju tagħna peress li jagħtina ċ-ċans li nerġgħu nġeddu d-drittijiet individwali tagħna, inħarsu lejn il-futur tagħna u nagħżlu l-programm elettorali li għandu jitmexxa.
Eċċellenzi,
Ma baqagħli xejn ħlief li nawguralkom sena mimlija riżq u nispera li din is-sena tkun sena tajba għalikom personalment kif ukoll għal pajjiżkom.
|
HOME | GOV.MT | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |