OPR- It-Tlieta, 13ta` Dicembru, 2005

 


 

INDIRIZZ MILL-E.T. DOTT. EDWARD FENECH ADAMI, PRESIDENT TA’ MALTA,

 FL-OKKAŻJONI TA’ JUM IR-REPUBBLIKA - SALA TAL-GRAN KUNSILL,

IL-PALAZZ, VALLETTA  - IT-TLIETA, 13 TA’ DICEMBRU 2005

 

 


Jum ir-Repubblika jikkommemora l-fondazzjoni tar-Repubblika u huwa l-jum li fih il-Poplu tagħna jinġabar biex jifraħ b’dawk li permezz ta’ għemilhom spikkaw u kkontribwew biex iffurmaw l-identità tant dinjituża ta’ dan in-Nazzjon, identità iffurmata matul sekli sħaħ u msaħħa bil-qabża kuraġġuża li pajjiżna għamel minn kolonja dipendenti għal Stat indipendenti, Repubblika u, minn sena ’l hawn, Stat Membru fl-Unjoni Ewropea.  Ir-Repubblika ta’ Malta għandha sens qawwi ta’ identità simbolizzat fil-bandiera, fl-innu kif ukoll fl-ilsien uniku tagħha.

 

Il-poplu Malti huwa magħqud b’sens qawwi ta’ solidarjetà. Stinkajna biex ikollna soċjetà inklussiva li ma tħalli lil ħadd barra iżda li hi attenta għall-ħtiġiet ta’ dawk li huma dgħajfa u vulnerabbli.  Dan huwa rifless mhux biss fil-politika tal-Gvern iżda joħroġ ċar mix-xogħol diżinteressat li jitwettaq minn bosta Maltin fuq bażi personali u volontarja u li jiswa bis-sħiħ biex jinseġ tessitura morali u soċjali soda fost il-poplu ta’ Malta.

 

Is-sens ta’ solidarjetà li teżisti fostna testendi wkoll lil hinn minn xtutna, kif jidher mill-mod li bih il-poplu Malti ħenn u fittex li jagħti sehmu biex jgħin lil nazzjonijiet oħra li jew intlaqtu minn diżastri magħmula minn natura jew mill-bniedem, inkella li jeħtieġu ħafna min jgħinhom.

 

Aspett ieħor tas-sens ta’ solidarjetà li Malta għandha jidher fil-politika barranija tagħha li tisfrutta d-dimensjoni Mediterranja li Malta bniet fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-mod kif tistinka biex tagħmilha ta’ “pont” bejn il-qasmiet  kulturali.

 

Malta tagħti kontribut speċjali fil-qasam internazzjonali.  Hija pajjiż ikkaratterizzat miċ-ċokon tiegħu u għaldaqstant ma jitqiesx li huwa motivat minn xi ambizzjonijiet grandjużi jew li huwa maħkum minn xi “interess” meta jkun involut fi djalogu.  In-nuqqas ta’ interess tagħna m’huwiex id-distakk ta’ min joqgħod lura.  Iżjed jixbah lid-diżinteress li jeżisti bejn il-ħbieb.

 

Malta tinsab f’pożizzjoni ġeografika u kulturali mill-aħjar biex trawwem u tinkoraġġixxi spirtu ta’ djalogu, ftehim u komunikazzjoni miftuħa.  Fid-dinja tal-lum dan huwa essenzjali kemm f’livell lokali kif ukoll f’dak internazzjonali.  Fil-livell lokali nappella lill-Poplu ta’ Malta biex ikun miftuħ għad-djalogu, speċjalment ma’ dawk li huma differenti minna, kemm fit-twemmin politiku kif ukoll f’dak reliġjuż, jew ta’ xorta oħra, inkella fit-tradizzjonijiet, l-ambjent li minnu ġejjin u l-kulturi tagħhom.  Nixtieq nirrikonoxxi l-kontribut ta’ l-għalliema u l-edukaturi fil-livelli kollha tas-sistema edukattiva li jrawmu fost l-istudenti tagħhom il-gost li wieħed jieħu meta jiddibatti ma’ dawk li huma differenti minna, kontribut dan wisq importanti biex ifejjaq il-ġrieħi ta’ din id-dinja tagħna.  Nagħmel appell lill-Università u lill-istituzzjonijiet oħra ta’ l-edukazzjoni għolja biex jissoktaw ir-rwol tagħhom li jsawru soċjetà li taċċetta mod ta’ kif wieħed jirrelata ma’ ħaddieħor li ma jkunx wieħed ta’ konfrontazzjoni imma pjuttost wieħed li permezz tiegħu dak li jkun jirrealizza li jista’ jitgħallem xi ħaġa mingħand dawk li ma jaqbilx magħhom.

 

Fil-livell internazzjonali d-djalogu sinċier m’huwiex anqas importanti biex nevitaw “it-taqbida bejn iċ-ċiviltajiet” li tant nibżgħu minnha.  Il-laqgħa tal-Kapijiet tal-Gvernijiet tal-Commonwealth li Malta għadha kemm ospitat, serviet ta’ eżempju ta’ kif mexxejja li nġabru flimkien jistgħu jiddiskutu b’mod miftuħ u informali kwestjonijiet ta’ interess komuni għall-pajjiżi tagħhom.  Għalhekk dan huwa forum li jrawwem sens ta’ solidarjetà fost il-Gvernijiet u l-Popli tal-Commonwealth.  Hawnhekk nixtieq infaħħar l-isforzi fit-tul u koordinati ta’ dawk kollha li kienu involuti fit-tħejjija u l-organizzazzjoni tal-Laqgħa tal-Kapijiet tal-Gvernijiet tal-Commonwealth li ntemmet b’suċċess f’Malta x-xahar li għadda.

 

Illum qed nagħtu ġieħ lil ftit mill-ħafna individwi li b’impenn stinkaw b’riżq pajjiżna.  Minn hawn irrid insellem b’mod speċjali lil dawk kollha li mhux sa jiġu onorati b’rikonoxximent pubbliku iżda li mingħajrhom kien ikun jonqos qatra fl-oċean taċ-ċiviltà tagħna.

 


HOME  |  GOV.MT  |  PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP