OPR- It-Tnejn, 11 ta' Settembru, 2007
DISKORS MILL-EĊĊELLENZA TIEGĦU DOTT. EDWARD FENECH-ADAMI, PRESIDENT TA’ MALTA, WAQT PRANZU UFFIĊJALI MOGĦTI MILL-EĊĊELLENZA TIEGĦU S-SUR ABDELAZIZ BOUTEFLIKA, PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA DEMOKRATIKA POPOLARI TA’ L-ALĠERIJA,
FL-OKKAŻJONI TAŻ-ŻJARA UFFIĊJALI FL-ALĠERIJA
ALĠIERS - 11 TA’ SETTEMBRU 2007
Sur President,
Mistednin Distinti,
Sinjuri,
Nirringrazzjak għall-merħba u l-ospitalità li biha lqajtuni f’pajjiżkom. Huwa tassew ta’ pjaċir għalija li qed inżur l-Alġerija, pajjiż li miegħu għandna rabtiet ta’ ħbiberija u kooperazzjoni. Din hija okkażjoni sinjifikanti fl-istorja tar-relazzjonijiet bilaterali tagħna għaliex hija l-ewwel żjara li qatt saret fl-Alġerija minn Kap ta’ Stat ta’ Malta.
Eċċellenza,
Malta ilha mill-qedem f’salib it-toroq tal-Mediterran, waqt li tifforma pont bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tar-reġjun Mediterranju. L-Alġerija ukoll minn dejjem kienet meqjusa bħala post li jgħaqqad il-Lvant mal-Punent. Il-qagħda strateġika taż-żewġ pajjiżi influwenzat bil-kbir il-bosta esperjenzi tagħhom, kemm storiċi kif ukoll kulturali.
Iż-żewġ pajjiżi sofrew żminijiet twal ta’ ħakma minn qawwiet barranin. F’ġenerazzjonijiet aktar reċenti, l-Alġerija għaddiet minn konflitt ieħor. Sur President, nixtieq nieħu din l-opportunità biex nirrikonoxxi x-xogħol dedikat tiegħek għat-trawwim ta’ klima ta’ rispett lejn xulxin u fiduċja fost il-Poplu ta’ l-Algerija u għall-mod kif inti użajt l-Uffiċċju tiegħek biex tippromwovi l-paċi u r-rikonċiljazzjoni f’pajjiżek.
Eċċellenza,
Din iż-Żjara Uffiċjali tagħtina opportunità unika biex niskambjaw opinjonijiet dwar sfidi li ż-żewġ pajjiżi tagħna qed jiffaċċjaw f’dinja li qegħda tinbidel b’mod imgħaġġel. Għandi fehma sħiħa li r-relazzjonijiet ta’ ħbiberija bejn Malta u l-Alġerija għandhom il-potenzjal li joqorbu lejn xulxin kemm fl-isfera politika kif ukoll f’dik ekonomika u kulturali. Malta u l-Alġerija jistgħu jaqsmu aktar l-esperjenzi u t-tagħrif tagħhom, u b’hekk isaħħu l-ħila tal-pajjiżi tagħna biex jiffaċċjaw l-isfidi ta’ dinja moderna u globalizzata.
Ħadt gost nisma’ li l-Kummissjoni Konġunta Maltija-Alġerina se terġa’ tibda tiffunzjona ma ddumx, filwaqt li n-negozjati dwar numru ta’ ftehim bilaterali, fl-oqsma tat-taxxa doppja u l-kooperazzjoni ġudizzjarja huma mistennija li jibdew fil-futur qrib. Żviluppi ta’ din ix-xorta diġà qed iservu ta’ inċentiv għal aktar kooperazzjoni.
Eċċellenza,
Malta saret membru ta’ l-Unjoni Ewropea f’Mejju ta’ l-2004 u issa hija wkoll parteċipant attiv fil-Politika tal-Ġirien ta’ l-Unjoni Ewropea li għandha l-għanijiet li tevita li jitfaċċaw konsenturi ġodda ta’ firda bejn l-Ewropa kif kibret issa u l-ġirien tagħna, u li tissaħħaħ il-prosperità, l-istabbiltà u s-sigurtà fir-reġjun. L-impenn kontinwu u l-ħila tagħna li nifhmu r-reġjun tal-Mediterran jagħmluna kapaċi li nkunu vuċi fl-Unjoni Ewropea li hija sensittiva għar-realtajiet tal-ġirien tagħna fl-Afrika ta’ Fuq u tad-dinja Għarbija. Malta tkompli ssegwi l-vokazzjoni tagħha li tfittex l-interessi tal-Mediterran waqt li tiżgura li huma jkunu jiffurmaw parti integrali mill-aġenda ta’ l-Unjoni Ewropea.
L-Alġerija hija sieħba importanti għall-Unjoni Ewropea. Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Alġerija huwa b’hekk ukoll strument għar-relazzjonijiet bilaterali ta’ bejnietna. Aħna nixtiequ nkomplu niżviluppaw id-djalogu politiku bejn l-Unjoni Ewropea u l-Alġerija u nsaħħu s-sħubija bejn dawn it-tnejn, kif ukoll bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati littorali l-oħra tal-Mediterran. Aħna nħossu li l-Alġerija tista’ tiżvolġi rwol importanti billi tippromwovi stabbiltà politika u ekonomika fir-reġjun.
Eċċellenza,
Pajjiżek huwa sieħeb importanti fid-dimensjoni Mediterranea, li tippermetti kooperazzjoni konsiderevoli biex intejbu l-istat tar-reġjun tal-Mediterran. L-Alġerija hija involuta attivament fil-fora u l-inizjattivi Ewro-Mediterranji bis-saħħa ta’ l-isħubija tagħha fil-Proċess Ewro-Mediterranju ta’ Barċellona, fil-Forum tal-Mediterran, fid-Djalogu tal-Punent tal-Mediterran (Five-plus-five) u fl-Assemblea Parlamentari tal-Mediterran. F’dan ir-rigward ippermettili nesprimi l-apprezzament ta’ pajjiżi għall-fatt li l-Alġerija, flimkien mal-grupp Għarbi, għażlu lil Malta biex tilqa’ s-Segretarjat Eżekuttiv ta’ l-Assemblea Parlamentari tal-Mediterran.
Kif taf inti, Sur President, Malta pproponiet djalogu politiku bejn l-Unjoni Ewropea u l-Lega ta’l-Istati Għarab. Inħossni konvint li huwa biss permezz ta’ djalogu aktar viżibbli, strutturat u impenjat li nistgħu nitgħallmu minn xulxin u b’hekk immexxu ’l quddiem il-kooperazzjoni li għaddejja bejnietna u li niżviluppaw ftehim aħjar f’materji ta’ interess komuni.
Eċċellenza,
Ir-reġjun tagħna għaddej għal darb’oħra minn żmien ta’ prova. Il-konflitt kontinwu fit-Territorji Palestinjani, it-tensjonijiet dejjem jiżdiedu u l-ilħna ta’ l-estremiżmu dejjem jitqawwew huma fost l-akbar theddid li aħna lkoll jeħtieġ niffaċċaw b’ħeġġa kontinwa.
Kif għamlet konsistentement għal għexieren ta’ snin, Malta tibqa’ involuta u kommessa li taħdem ma’ sħabha u l-ġirien tagħha għas-soluzzjoni tal-kwistjoni Iżraelita-Palestinjana li tkun ġusta u dejjiema. Minn qalbi nawgura li x-xhur li ġejjin iġibu sforz ġdid min-naħiet kollha, imsaħħaħ mill-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi, biex tinħoloq perspettiva politika li twitti t-triq għall-paċi, l-istabbiltà u l-prosperità li l-Popli tar-reġjun tagħna ilhom jixtiequ minn zmien twil.
Sur President,
Il-pożizzjoni ta’ Malta fil-qalba tal-Baħar Mediterran tagħmilha sensittiva u vulnerabbli b’mod speċjali għall-pressjoni li tirriżulta mill-fenomenu ta’ l-immigrazzjoni irregolari. Aħna mħassbin ħafna dwar il-karba ta’ dawk l-individwi li jaqbdu l-vjaġġ perikoluż biex jaqsmu l-baħar Mediterran ħalli jippruvaw jilħqu x-xtut ta’ l-Ewropa, kif ukoll it-telf traġiku ta’ ħajjiet li jirriżulta minn żmien għal żmien.
Pajjiżi jibqa’, kif dejjem kien, impenjat bis-sħiħ biex jgħin lil dawk li għandhom bżonn il-protezzjoni, u b’hekk inkunu wkoll inżommu t-tradizzjoni ta’ eluf ta’ snin ta’ ospitalità. Madankollu, is-sitwazzjoni teħtieġ ukoll ħidma sfiqa biex inrażżnu l-attivita` kriminali internazzjonali fit-traffikar tal-bnedmin. Huwa ċar li din il-problema kkumplikata ma tistax tiġi solvuta biss minn mekkaniżmi difensivi purament nazzjonali u ta’ bejn l-Istati nfushom. Malta tkompli tappella għal azzjoni effettiva sabiex l-immigrazzjoni illegali titrażżan b’mod totali u dejjiemi u tixtieq issaħħaħ id-djalogu biex trawwem kooperazzjoni ma’ sħabha tan-Nofsinhar tal-Mediterran fuq din il-kwestjoni.
Eċċellenza,
Nixtieq insellem lill-awtur Alġerin, kittieb ta’ drammi, poeta u novellier Mohammed Dib, li ħajtu u x-xogħlu kkontribwew b’mod sinjifikanti biex qanqlu kuxjenza għal qawmien politiku fl-Alġerija, u ressqu għall-attenzjoni tad-dinja l-ġlieda Alġerina għall-indipendenza – xhieda dan mhux biss ta’ l-imħabba tiegħu lejn l-Alġerija iżda wkoll għall-impenn tiegħu favur id-dinja kollha kemm hi. Kien promutur ta’ l-ugwaljanza politika u kien jemmen li “l-affarijiet li jagħmluna differenti għandhom jibqgħu dejjem sekondarji”. Jien wkoll konvint li l-umanità komuni tagħna tegħleb anke d-differenzi l-aktar estremi.
Sur President,
Inħossni kuntent li jiena akkumpanjat minn delegazzjoni kummerċjali waqt din iż-Zjara Uffiċjali. Il-preżenza tagħhom hawnhekk tikkonferma l-potenzjal li jwiegħed progress għall-espansjoni tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-Alġerija u Malta.
Din iż-Żjara Ufficjali tidher li sa tkun katalist għal ħidma mġedda u intensiva bejn iż-żewg pajjiżi tagħna. Għandi fiduċja li din iż-żjara ser isservi biex tkompli ssaħħaħ ir-rabtiet u r-relazzjonijet bejn il-pajjiżi tagħna. Inħossni konvint li l-kooperazzjoni u l-ftehim huma l-aħjar garanzija ta’ futur komuni ta’ stabbiltà u prosperità.
Eċċellenza,
F’isem il-Poplu Malti nixtieqlek ħafna aktar snin ta’ tmexxija tar-Repubblika Demokratika Popolari ta’ l-Alġerija, nawgura ħbiberija dejjiema bejn iż-żewġ Popli tagħna, kif ukoll progress u prosperità liż-żewġ Nazzjonijiet tagħna.
|
HOME | GOV.MT | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |