OPR- Il-Ħamis, 26 ta' Ottubru, 2006
DISKORS MILL-EĊĊELLENZA TIEGĦU DR EDWARD FENECH-ADAMI, PRESIDENT TA’ MALTA,
WAQT PRANZU STATALI MOGĦTI MILL- EĊĊELLENZA TIEGHU S-SUR STJEPAN MESIĆ,
PRESIDENT TAL-KROAZJA, FL-OKKAŻJONI TAŻ-ŻJARA STATALI FIL-KROAZJA
ZAGREB - IL-ĦAMIS, 26 TA’ OTTUBRU 2006
Sur President,
Sinjura Mesić,
Mistednin Distinti,
Sinjuri,
Huwa ta’ unur u pjaċir kbir għalija li qed nżur il-Kroazja f’din il-Viżta Statali. Din l-ewwel viżta li qiegħda ssir fil-Kroazja minn Kap ta’ Stat ta’ Malta tixhed ix-xewqa tagħna t-tnejn li nsaħħu bejn iż-żewg pajjizi tagħna rabtiet dejjem akbar ta’ ħbiberija u li niżviluppaw iżjed djalogu.
Sur President,
Il-viżta tiegħi ħabtet wara l-ħmistax anniversarju ta’ l-indipendenza tal-Kroazja. Il-kisbiet li għamlet il-Kroazja f’dawn l-aħħar ħmistax-il sena kienu verament storiċi. Nixtieq infaħħar l-isforzi ta’ l-Eċċellenza Tiegħek li dejjem ridt in-negozjati u mhux il-konflitt armat, meta tkellimt biex il-forza ta’ l-argumenti titħalla tirbaħ fuq l-argument tal-forza. Nixtieq ukoll nifraħ lilek u lill-Poplu tiegħek għall-kisbiet tagħkom biex tikkonsolidaw id-demokrazija u l-ordni ġewwa pajjiżkom u biex timxu ’l quddiem bil-kostanza lejn integrazzjoni sħiħa fl-Ewropa. Il-Gvern u l-Poplu tal-Kroazja jistgħu jibqgħu ċerti li Malta qed tappoġġja lill-Kroazja fl-isforzi tagħha biex tingħaqad ma’ l-Unjoni Ewropea u li aħna lesti li niskambjaw magħkom l-esperjenza li ħadna mill-proċess għas-sħubija. Fil-fatt il-viżta tiegħi hawnhekk saret wara ż-żewġ viżti mill-Prim Ministru u mill-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin ta’ Malta.
Pajjiżek wasal fi stadju ta’ bidla deċiżiva fl-istorja tiegħu. Malta tifraħ meta tara l-passi kbar li l-Kroazja qiegħda tagħmel bil-għan li tilħaq l-oġġettivi tagħha u li tressaq lilha nfisha dejjem aktar qrib l-istrutturi Ewropej. Nieħu din l-opportunita` biex infaħħar lill-Kroazja talli qabdet it-triq tar-riforma, riforma li tassigura żvilupp demokratiku u orjentat lejn is-suq, b’kuraġġ, determinazzjoni u sens ta’ responsabbilta` - għax għalkemm l-għajnuna ta’ l-Ewropa u tal-Komunita` internazzjonali hija importanti, ma hemm l-ebda dubju li primarjament kienu l-Kroazja, il-Poplu u l-Gvern tagħha, li attivament stinkaw għar-riformi u ħadmu b’riżq il-ġid komuni.
L-Unjoni Ewropea hija rikonoxxuta bħala opportunita` storika u unika biex jinħoloq spazju Ewropew mimli paċi u prosperita`. Ninsabu konvinti li l-aspirazzjonijiet tal-Kroazja lejn integrazzjoni fl-Unjoni Ewropea jikkontribwixxu lejn l-istabbilta` fir-reġjun, u jkomplu jikkonsolidaw it-twettiq tal-ħolma tal-fundaturi ta’ dik li issa hija l-Unjoni Ewropea li jwarrbu l-konflitt għal dejjem mill-kontinent.
Eċċellenza,
Dwar il-qasam tar-relazzjonijiet ekonomiċi, huwa ċar li l-potenzjal għal skambji u kooperazzjoni kummerċjali jista’ jiġi sfruttat ferm iżjed. Għandi l-pjaċir li nkun akkompanjat f’din il-Viżta Statali minn delegazzjoni ta’ intraprendituri u nies tan-negozju. Il-preżenza tagħhom tikkonferma l-potenzjal li hemm biex nespandu r-rabtiet ekonomiċi bejn il-Kroazja u Malta. Aħna żewg pajjizi li qegħdin ma’ ġenb swieq kbar. Nistgħu għalhekk it-tnejn li aħna nservu ta’ passaġġi lejn pajjizi ġirien tagħna – Malta lejn l-Afrika tat-Tramuntana u l-Ewropa tan-Nofsinhar u l-Kroazja lejn il-parti ta’ l-Ewropa tax-Xlokk. Il-kuntatti li qegħdin nistabbilixxu hawnhekk ser ikunu ta’ benefiċċju u ser jikkontribwixxu għal relazzjonijiet aktar profondi bejn iż-żewg pajjiżi tagħna.
It-turiżmu huwa bla dubju fost dawk l-oqsma li għandhom potenzjal kbir biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn il-pajjiżi tagħna. Il-Kroazja hija magħrufa f’Malta għall-ġmiel naturali kbir tagħha, Zagreb bħala belt vibranti bil-bosta monumenti kulturali u storiċi tagħha, bil-mużewijiet u l-galleriji ta’ l-arti tagħha. Malta wkoll hija magħrufa għall-istorja antika tagħha u għall-arkitettura tagħha. Nispera li l-Kroazja ssir destinazzjoni turistika dejjem iżjed popolari għaċ-ċittadini Maltin, kif nispera li ssir Malta għall-Kroati.
Eċċellenza,
Il-viżjoni tagħna hija waħda ta’ Ewropa li fiha l-pajjiżi jżommu l-individwalita` tagħhom, kif espressa fil-wirt kulturali, fil-lingwa u fil-fatturi l-oħra li jiddefinuha. Hija wkoll Ewropa ta’ komunita` u ta’ appartenenza. Id-dinja ċkienet u d-distanzi ntgħelbu bħala riżultat ta’ l-avvanzi kbar li saru fit-teknologiji ta’ l-informazzjoni u l-komunikazzjoni. Waqt li aħna kburin bl-identita` tagħna, u waqt li nagħrfu u ngħożżu d-differenzi tagħna, għandna nirsistu wkoll biex niżviluppaw u nistandardizzaw dawn it-teknoloġiji li jippermettulna li nikkomunikaw aħjar, u b’hekk iressquna lejn xulxin. Id-distanza ġeografika li tissepara liż-żewg pajjizi tagħna hija wkoll megħluba mir-rabtiet diplomatiċi tagħna, mid-djalogu kostruttiv dejjem għaddej bejnietna u mill-aspirazzjonijiet komuni biex nikkonsolidaw il-paċi, l-istabbilta` u l-prosperita` fl-Ewropa, biex nibnu futur aħjar għall-popli tal-kontinent.
Sur President,
Minħabba l-valuri komuni tagħna, kif ukoll il-viżjoni komuni tagħna għall-futur, il-Kroazja u Malta ser ikunu kapaci jintensifikaw id-djalogu bejniethom u jsaħħu r-relazzjonijet eżistenti ta’ ħbiberija ta’ bejniethom. B’dawn il-ħsibijiet nitlobkom, mistednin distinti, biex flimkien miegħi tixorbu bis-saħħa ta’ l-Eċċellenza Tiegħu l-President tal-Kroazja u tas-Sinjura Mesić, kif ukoll b’riżq il-kuntentizza u l-prosperita` tal-Poplu tal-Kroazja, u l-ħbiberija u l-kooperazzjoni mill-viċin bejn iż-żewġ pajjiżi u l-Popli tagħna.
|
HOME | GOV.MT | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |