OPR- It-Tnejn, 11 ta' 26 ta' Ġunju, 2007

 


DISKORS MILL-EĊĊELLENZA TIEGĦU DOTT. EDWARD FENECH-ADAMI, PRESIDENT TA’ MALTA,

 WAQT PRANZU STATALI MOGĦTI MILL-EĊĊELLENZA TIEGĦU S-SUR TASSOS PAPADOPOULOS,

 PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TA’ ĊIPRU, FL-OKKAŻJONI TAŻ-ŻJARA STATALI F’ĊIPRU

NIKOSIJA - IT-TNEJN, 11 TA’ ĠUNJU 2007


Sur President, Sinjura Papadopoulou,

Mistednin Distinti,

Sinjuri,

 

Huwa ta’ pjaċir kbir għal marti u għalija li ġejna Ċipru għal Viżta Statali.  Għalhekk ippermettili nirringrazzjak ta’ l-istedina biex inżuru pajjiżkom li miegħu għandna ħafna rabtiet storiċi u kontemporanji. 

 

Sur President,

 

Aħna kellna l-unur li nilqgħuk f’Malta f’żewġ okkażjonijiet – l-ewwel waħda waqt il-Viżta Statali tiegħek f’Malta fi Frar ta’ l-2005, u mbagħad darba oħra f’Novembru ta’ l-istess sena, waqt il-laqgħa tal-Kapijiet tal-Gvernijiet tal-Commonwealth, li saret f’Malta. 

 

Malta u Ċipru għandhom affinita` qawwija bejniethom, imsejsa fuq l-istorja għanja u l-ġeografija tal-pajjiżi tagħna.  Aħna żewġ gżejjer nazzjon li ngħixu fit-truf ta’ l-Ewropa.  Aħna mdawrin bl-istess baħar, fattur ġeografiku li kkaratterizza kif ukoll sawwar l-istorja tagħna.  Fl-istorja reċenti ż-żewġ pajjiżi tagħna servew bħala bażijiet navali strateġiċi ta’ l-Imperu Ingliż, kisbu l-indipendenza kważi fl-istess żmien u saru membri ta’ l-Unjoni Ewropea fl-istess mewġa ta’ tkabbir. 

 

Sur President,

 

Il-wirt tal-valuri ta’ l-Ewropej huwa bbażat fuq ir-rispett tad-drittijiet umani, id-demokrazija u l-istat tad-dritt.  Ċipru u Malta t-tnejn għandhom dan il-wirt.  Aħna marbutin bi ħbiberija, b’valuri u ideali ’l fuq minn kollox u b’ impenn komuni għall-prosperita` u s-sigurta` ta’ l-Ewropa. 

 

Id-dħul tal-pajjizi tagħna fl-Unjoni Ewropea seddaq ir-relazzjonijiet tagħna b’dimensjoni aktar ġdida.  Għal Malta, is-sħubija fl-Unjoni Ewropea hija importanti politikament, ekonomikament u kulturalment.  Meta nqisu globalment it-tliet snin li ilna msieħba fl-Unjoni Ewropea, ir-riżultat huwa pożittiv.  Aħna bbenefikajna b’ħafna modi mill-fatt li aħna parti mill-Unjoni fejn dejjem ridna li nkunu involuti bis-sħiħ fl-attivitajiet kif ukoll fl-iżvilupp tagħha.

 

Is-sħubija fl-Unjoni Ewropea ma kinitx tfisser li nabbandunaw l-identitajiet nazzjonali tagħna.  Ir-rwol ta’ l-għeruq komuni tagħna kulturali, storiċi u filosofiċi biex l-Ewropa tingħaqad huma ċari, kif inhija wkoll ir-rieda tagħna biex nippreservaw il-kulturi nazzjonali distinti u d-diversita` lingwistika tagħna. 

 

Eċċellenza,

 

Malta u Ċipru m’humiex biss definiti mill-isħubija tagħhom fl-Unjoni Ewropea, iżda mir-realtajiet ġeografiċi tagħhom bħala Stati Mediterranji attivi fi ħdan l-Unjoni Ewropea. 

 

Malta u Ċipru huma t-tnejn parteċipanti attivi fil-Politka tal-Ġirien ta’ l-Unjoni Ewropea.  Ir-reġjun tagħna, il-Mediterran, huwa reġjun importanti ta’ kooperazzjoni.  Il-fatt li aħna impenjati favur u nifhmu r-reġjun tal-Mediterran jagħmilna kapaċi biex nikkontribwixxu b’mod pożittiv favur il-formulazzjoni ta’ attitudnijiet Ewropej.  Hemm ħafna mezzi biex nippromovu l-kooperazzjoni fir-reġjun tal-Mediterran li huma disponibbli għaż-żewġ pajjiżi tagħna, inkluża s-Sħubija Ewro-Mediterranja ta’ Barċellona, l-Assemblea Parlamentari tal-Mediterran u l-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja. 

 

Eċċellenza,

 

L-appoġġ taċ-ċittadini ta’ l-Ewropa huwa essenzjali għas-suċċess tal-proċess ta’ integrazzjoni.  L-Unjoni għandha tkun kredibbli f’għajnejn iċ-ċittadini tagħha u din il-kredibbilta` sseħħ biss jekk huma jħossu l-impatt pożittiv tagħha fuq ħajjithom.  Iż-żewġ pajjiżi tagħna rratifikaw it-Trattat Kostituzzjonali.  Malta tistenna b’ħerqa eżitu pożittiv tad-diskussjonijiet fil-livell ta’ Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern dwar it-trattat il-ġdid għall-Unjoni Ewropea waqt il-Kunsill Ewropew li se jitlaqqa’ aktar tard dan ix-xahar.  F’dan ir-rigward, Malta lesta tagħti l-impenn tagħha kollu biex jintlaħaq ftehim fost l-Istati Membri kollha għall-benefiċċju ta’ l-Unjoni u l-Popli tagħha kollha. 

 

 

Eċċellenza,

 

Il-kooperazzjoni u l-integrazzjoni Ewropea ppromoviet il-paċi, l-istabbilta` u l-prosperita` fil-kontinent tagħna.  It-tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropea biex tinkludi għaxar pajjiżi ġodda tliet snin ilu u tnejn oħra din is-sena juri l-qawwa ta’ l-integrazzjoni fuq skala kbira.  Il-proċess ta’ tkabbir ġab prosperita` u sigurta` għal medda dejjem akbar.  Il-lum, ħamsin sena wara t-Trattat ta’ Ruma, ma nistgħux ma naffermawx il-kontribut li tat l-integrazzjoni Ewropea għal din is-sitwazzjoni. 

 

Eċċellenza,

 

Il-futur ta’ l-Unjoni Ewropea jirrappreżenta sfida kbira għall-Ewropa u għaż-żewġ pajjiżi tagħna.  Għalkemm it-theddida ta’ gwerra konvenzjonali naqset fil-kontinent tagħna – l-aktar, grazzi għall-integrazzjoni Ewropea – sfidi ġodda b’bosta dimensjonijiet qed jerġgħu jitfaċċaw. 

 

Il-globalizzazzjoni, l-iżvilupp sostenibbli, il-bdil fil-klima u l-ambjent, is-sigurta` ta’ l-enerġija, it-terroriżmu u l-immigrazzjoni illegali huma affarijiet li ebda pajjiż ma jista’ jimmaniġġa waħdu.  Lanqas l-akbar pajjiżi ma jistgħu jiffaċċjaw waħedhom l-isfidi u theddid  dejjem jinbidel ta’ dinja li kull ma tmur qed issir dejjem iżjed globalizzata.  L-aħjar mezz biex niksbu riżultati pożittivi huwa li naġixxu flimkien.  Soluzzjonijiet sostenibbli għandhom ikunu komuni: Ewropej u globali.  Meta nkunu qed nieħdu sehem attiv fil-Ġnus Magħquda u f’organizzazzjonijiet internazzjonali oħra nistgħu naħdmu biex nippromovu żvilupp stabbli u dinja akar ġusta u sigura. 

 

Malta kienet diżappuntata illi d-dħul mixtieq ta’ Ċipru magħqud fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju, 2004 ma kienx possibbli.  Hija haġa ċara għalija li paċenzja, dedikazzjoni u rieda politika min-naħiet kollha huma bżonnjużi biex negħlbu l-legat tad-diviżjoni.  Id-djalogu huwa essenzjali, u r-rwol tal-Ġnus Magħquda huwa ċentrali.  Sur President, nixtieq nieħu din l-opportunita` biex pubblikament nirrikonoxxi l-isforzi tiegħek bla hedu fit-tfiċċija ta’ ftehim.  Il-Poplu ta’ Malta jistenna b’ħerqa l-jum ta’ rikonċiljazzjoni sħiħa u armonija fil-gzira ta’ Ċipru. 

 

F’dinja ddominata mill-konflitti u l-vjolenza, għandna nirsistu għal paċi, ġustizzja u demokrazija permezz ta’ soluzzjoni paċifika ta’ nuqqas ta’ ftehim bejnietna u rispett lejn l-istat tad-dritt internazzjonali. 

 

Eċċellenza,

 

Din iż-żjara f’Ċipru ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn il-pajjizi tagħna u r-rieda komuni li għandna biex inqawwu r-rabtiet ta’ kooperazzjoni, kummerċ, investiment, skambji kulturali u kuntatti inter-personali.  Nispera li n-negozjanti Maltin u Ċiprijotti jsibu kwantita` ta’ ideat ġodda u jagħmlu kuntatti ġodda bħala riżultat taż-żjarat tagħna. 

 

B’dawn il-ħsibijiet, nixtieq nistieden l-Eċċellenzi tagħkom, sinjuri, biex nixorbu bis-saħħa ta’ l-Eċċellenza Tiegħu l-President u s-Sinjura Papadopoulou u b’riżq il-prosperita` u l-ħbiberija  bejn il-Popli tagħna. 

 


HOME  |  GOV.MT  |  PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP