OPR- It-Tlieta 18 ta' Jannar, 2005

 


DISKORS MILL-EĊĊELLENZA TIEGĦU DOTT. EDWARD FENECH ADAMI, PRESIDENT TA’ MALTA

WAQT ĊENA STATALI MOGĦTIJA MILL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA ĊEKA U S-SINJURA KLAUSOVÁ - PRAGA

IT-TLIETA 18 TA’ JANNAR 2005


Eċċellenza u Sinjura Klausová,

Sur Prim Ministru,

Eċċellenzi,

Sinjuri

 

Kien ta’ pjaċir kbir għalija li nilqa’ l-istedina li ġentilment għoġobkom tagħmluli biex inżur il-pajjiż sabiħ tagħkom.  Niftakar iż-Żjara Statali f’Malta tal-President Havel u s-Sinjura Havlova f’April 2002, meta ż-żewġ pajjiżi tagħna kienu għadhom fuq l-għatba ta’ l-Unjoni Ewropea.  Illum inħossuna kburin li aħna membri ta’ din il-familja Ewropea.

 

Eċċellenza,

 

Għalkemm Malta u r-Repubblika Ċeka huma mbegħdin minn xulxin, dawn jixiebħu hafna.  Iż-żewġ pajjiżi tagħna għandhom qagħda strateġika; pajjiżek fil-qalba ta’ l-Ewropa u pajjiżi f’nofs il-Mediterran.  Il-qagħda ċentrali tal-pajjiżi tagħna hija fattur importanti biex jinħoloq ftehim u djalogu.

 

Pajjiżek qatt ma qagħad lura milli jwettaq il-ħolma tiegħu li jsir stat sovran u indipendenti u fil-fatt dan ix-xahar huwa t-tnax-il sena mill-‘Firda tal-Bellus’ u t-twaqqif tar-Repubblka Ċeka.  Barra minn hekk, ftit xhur ilu pajjiżek iċċelebra l-ħmistax-il anniversarju tar-‘Rivoluzzjoni tal-Bellus’ li saret b’mod paċifiku u li wasslet, fl-1989, għat-tmiem ta’ epoka.  Ir-riżultat aħħari kien li r-rieda tal-poplu Ċek ġiet minn fuq u wasslet għall-prinċipji tad-demokrazija, l-ekonomija tas-suq ħieles u xegħlet mill-ġdid il-valuri li tgħożż l-Unjoni Ewropea.

  

Eċċellenza,

 

Is-sena li għadha kemm għaddiet kienet sena ta’ importanza u sinifikant kbir għal pajjiżi.  Din rat il-frott ta’ snin ta’ xogħol iebes, hekk kif pajjiżi bħar-Repubblika Ċeka sar parti mill-Unjoni Ewropea.  Jiena nħossni kuntent li rnexxielna nagħmlu dan il-pass storiku flimkien.

 

Għalkemm f’pajjiżna jista’ jkun hemm opinjonijiet diversi fuq il-benefiċċji ta’ sħubija fl-Unjoni, wieħed irid il-ħin kollu jżomm quddiem għajnejh li l-Unjoni Ewropea hija dik li nagħmluha aħna.  Ahna, iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea, irridu naħdmu flimkien biex nibnu fuq il-pedamenti li dawk ta’ qabilna kienu fasslu.  Il-futur tal-maison commune tagħna jiddependi minna.  Għax l-Unjoni Ewropea ssib il-leġġitimita` tagħha fir-rieda sovrana tal-Popli, fil-ħerqa tagħhom biex jaħdmu flimkien, filwaqt li jiskambjaw ideat u opinjonijiet.

 

Dan huwa l-bidu ta’ epoka ġdida ta’ kooperazzjoni.  Wara nofs seklu minn mindu twaqqfet, jiena konvint li l-arkitetti ta’ l-Unjoni, bħal Monnet, Schuman, Spaak u Adenauer għandhom ikunu kburin bit-tkabbir ta’ l-Ewropa.  Aħna rnexxielna nibdlu kontinent maqsum mill-ideoloġiji f’komunita` dejjem iżjed magħquda li tħaddan valuri u aspirazzjonijiet komuni.

 

Eċċellenza,

 

Li tkun parti mill-Unjoni Ewropea mhux se twassal lil Malta biex tinsa l-identita' Mediterranja tagħha.  Il-pożizzjoni ġeo-strateġika tagħna u r-rabtiet twal u storiċi li għandna mal-ġirien tagħna fl-Afrika ta’ Fuq jagħmluna aktar sensittivi u nifhmu l-problemi tar-reġjun.  Malta bħala parti mill-Unjoni Ewropea hija f’qagħda aħjar biex tippromwovi djalogu u ftehim fir-reġjun.  L-evoluzzjoni tal-Proċess Ewro-Mediterranju ma kienx mgħaġġel daqs kemm stennejna.  L-għan li tinħoloq Żona Ewro-Mediterranja ta’ Kummerċ Ħieles fil-paċi u l-prosperita` huwa relevanti aktar minn qatt qabel.  L-10 Anniversarju mill-Proċess ta’ Barcellona, għandu jagħtina opportunita` eċċellenti biex niddefinixxu l-oġġettivi mill-ġdid u nerġgħu nibdew il-proċess.  L-iżvilupp soċjo-ekonomiku huwa s-sigriet għal sigurta` u stabbilta` fir-Reġjun Ewro-Mediterranju.

 

Ftit tal-ġranet ilu rajna mexxej Palestinjan ġdid elett demokratikament - tama ġdida għal soluzzjoni paċifika fil-Lvant Nofsani.  Malta tappoġġa kull sforz li jista’ jwassal għal soluzzjoni ġusta tal-konflitti.  Il-mexxej Palestinjan ġdid, Mahmoud Abbas, għandu sfida iebsa quddiemu biex jipprova jwassal għat-tmiem tal-vjolenza u biex jinbeda d-djalogu mill-ġdid.  Huwa essenzjali li kemm Iżrael kif ukoll il-Palestina jagħmlu l-isforzi kollha neċessarji biex jerġgħu jirritornaw għall-Proċess ta' Paċi kif propost fir-Roadmap li finalment iwassal għat twaqqif ta' Stat Palestinjan li jgħix fil-paċi ma' l-Istat ta' Iżrael.

 

F'din l-era ta' globalizzazzjoni, il-multilateraliżmu qed isir aktar u aktar importanti.  Ir-rwol tan-Nazzjonijiet Uniti u l-adeżjoni ma’ l-Istatut tagħha mill-Istati huma ta' l-ikbar importanza biex jiġu koordinati l-isforzi ta' l-Istati biex jinstabu soluzzjonijiet konġunti għall-problemi li l-komunita` internazzjonali qed tiffaċċja llum, bħalma huma l-faqar, il-global warming u t-terroriżmu.

 

Eċċellenza,

 

Pajjiżek sar destinazzjoni preferita fost il-Maltin u m’hux ta’ min jiskanta li huwa hekk.  Pajjiżek jimpressjona bis-sbuħija tal-belt kapitali tiegħu, speċjalment it-taħlita unika ta' stili arkitettoniċi li jirrappreżentaw perjodi differenti ta’ l-istorja Ċeka.  Praga fil-fatt kisbet teżori arkitettoniċi uniċi li sabu l-post mistħoqq tagħhom fil-lista kulturali tal-UNESCO.

 

Xogħlijiet ta' letteratura minn awturi magħrufa Ċeki bħal Franz Kafka u Jaroslav Hasek huma eżempji ta' tradizzjoni rikka fil-letteratura Ċeka.  Il-mużika ta’ artisti famużi Ċeki bħal Antonin Dvorák, Bedrich Smetana u Leos Janácek affaxxinaw u influwenzaw Popli sħaħ madwar id-dinja kollha.  It-turiżmu, il-letteratura u l-mużika huma lingwi internazzjonali li bihom l-aħjar li nikkomunikaw.

 

Numru dejjem akbar ta' Ċeki qed iżuru pajjiżi.  It-turiżmu jrawwem ħbiberija, għarfien u opportunita' favur żieda fl-investiment fl-oqsma prinċipali.  M'hijiex haġa ta' l-iskantament li kumpanija internazzjonali Maltija issa għandha u tmexxi żewġ lukandi kbar fi Praga u għanda wkoll seba' lukandi oħra f'inħawi oħra tar-Repubblika Ċeka.  L-investiment Malti fir-Repubblika Ċeka kien investiment tajjeb għaż-żewġ naħat.  Jiena nemmen li aktar investiment Malti u Ċek fiż-żewġ pajjiżi jkun ta’ benefiċċju reċiproku.

 

Eċċellenza,

 

Minn meta ġew stabbiliti relazzjonijiet diplomatiċi, il-pajjiżi tagħna gawdew minn relazzjonijiet ta' ħbiberija.  Issa li ż-żewġ pajjiżi tagħna huma membri ta' l-Unjoni Ewropea, ir-relazzjonijiet tagħna jidħlu f'dimensjoni aktar profonda.  Jiena lest nikkollabora miegħek fis-snin li ġejjin biex inkabbru din il-kooperazzjoni u biex ngħinu ħalli jinbnew rabtiet aktar qawwija bejn il-Popli tagħna.

 

Jiena nirringrazzja lill-Eċċellenza tiegħek talli stedintni biex inżur pajjiżek fuq Żjara Statali kif ukoll tal-merħba li tajtuna.

 

B'dawn il-fehmiet fi ħsiebi, nistedinkom, Eċċellenzi, Sinjuri, biex nixorbu bis-saħħa tal-President Vaclav Klaus u s-Sinjura Klausová u bis-saħħa tal-ħbiberija bejn il-Gvernijiet u l-Popli ta' Malta u tar-Repubblika Ċeka.

 


HOME  |  GOV.MT  |  CIMU PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP