OPR- Il-Ħamis, 21 ta' Settembru, 2006
INDIRIZZ MILL-E.T. DR. EDWARD FENECH ADAMI, PRESIDENT TA’ MALTA, FL-OKKAŻJONI TAĊ-ĊERIMONJA TA’ L-INVESTITURA TA’ L-ORDNI NAZZJONALI TAL-MERITU F’JUM L-INDIPENDENZA
SALA TA’ L-AMBAXXATURI, IL-PALAZZ VALLETTA
IL-ĦAMIS, 21 TA’ SETTEMBRU 2006
Illum ninsabu hawn miġbura biex niċċelebraw it-tnejn u erbgħin anniversarju ta’ l-indipendenza ta’ Malta. L-istorja li qed niċċelebraw illum hija xhieda tal-kuraġġ u l-viżjoni tal-Poplu ta’ Malta li kien lest għall-isfida biex jieħu kontroll assolut u responsabbiltà għall-futur tiegħu.
Madanakollu, dawn l-aħħar tnejn u erbgħin sena huma biss mument qasir fil-ħajja ta’ nazzjon li l-istorja tiegħu tgħodd eluf ta’ snin. Malta, pajjiż żgħir imma prezzjuż, bi storja, kultura u identità li huma profondi daqskemm dinamiċi, ġiet ukoll deskritta bħala fortizza. Il-pożizzjoni strateġika tagħha f’salib it-toroq tal-Mediterran, f’nofs triq bejn Ġibiltà u l-Kanal tas-Swejz u bejn in-nofsinhar ta’ l-Ewropa u t-Tramuntana ta’ l-Afrika, kienet tfisser li Malta kienet fir-rotot li ntużaw sa mill-qedem minn traffiku kontinwu ta’ negozjanti u ħakkiema. F’dinja misjuqa mill-poter u s-saħħa, Malta bidlet l-idejn minn ħakkiem barrani għal ieħor, sakemm fl-aħħar daħal ordni dinji ġdid u Malta setgħet toħlom realistikament li tkun pajjiż sovran u indipendenti. Il-Maltin qamu fuq saqajhom filwaqt li t-tmexxija barranija majnat.
Jien, li – bħal ħafna oħrajn tal-ġenerazzjoni tiegħi – għext il-jiem ta’ l-elf disa’ mija u erbgħa u sittin, kif ukoll is-snin bikrija ta’ diffikultà u ta’ prova li ġew wara, ma nistax nieqaf nammira dak li rnexxielna nagħmlu minn dak iż-żmien ’l hawn fl-oqsma soċjali, kulturali u ekonomiċi, kif ukoll fir-relazzjonijiet barranin, fl-edukazzjoni, fix-xjenza, fil-liġi u fl-oqsma kollha tal-ħajja tagħna.
Malta stabbiliet ruħha bħala nazzjon indipendenti u sovran fix-xena internazzjonali, kif ukoll f’dik Ewropea, permezz tax-xogħol assidwu u l-impenn tal-mexxejja tagħha u tal-Poplu li appoġġja lil dawn il-mexxejja fi żminijiet prosperi kif ukoll f’dawk anqas prosperi. Ftit ’il fuq minn sentejn ilu Malta saret membru ta’ l-Unjoni Ewropea. Dan l-istadju importanti fl-istorja ta’ gżiritna kien l-inkurunazzjoni tat-triq twila li mxiet il-gżira fortizza tagħna minn dawk iż-żminijiet bikrija meta ħadet f’idejha r-riedni tal-ġejjieni tagħha.
Illum aħna nirrikonoxxu wkoll li dan kollu m’għamilniehx weħidna – kien hemm ukoll ħbieb ta’ pajjiżna li kkontribwew għall-ġid ta’ pajjiżna billi ħadmu biex mexxew ’il quddiem l-interessi tiegħu. Illum ħa nonoraw erbgħa minn dawn il-persuni li ddistingwew ruħhom bis-servizz tagħhom fil-promozzjoni u t-tkabbir tar-relazzjonijiet internazzjonali. Dan għamluh b’bosta manjieri, fosthom billi għenu biex jiġi konkluż ftehim bejn Malta u l-pajjiż taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, billi ppromwovew u żviluppaw rabtiet u relazzjonijiet kummerċjali u ta’ negozju bejn Malta u t-territorju li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, u bejn negozjanti Maltin u negozjanti oħra li qed joperaw f’dawn it-territorji u billi taw assistenza u għajnuna lil persuni Maltin f’diffikultà meta dawn kienu jinsabu fit-territorji msemmija. B’hekk huma kisbu bil-ħaqq kollu r-rispett u l-gratitudni tal-Poplu tal-Gżejjer Maltin.
Li tkun il-President ta’ Malta huwa ta’ ġieħ kbir, u daqstant ieħor huwa ta’ ġieħ kbir għalija li qiegħed hawn biex nilqagħkom u nixtiqilkom kull riżq u hena.
|
HOME | GOV.MT | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |