OPR- It-Tnejn 7 ta' Novembrru
DISKORS MILL-EĊĊELLENZA TIEGĦU DOTT. EDWARD FENECH ADAMI, PRESIDENT TA’ MALTA WAQT PRANZU STATALI MOGĦTI MILL-EĊĊELLENZA TAGĦHA Dr. Vaira Vike-Freiberga, PRESIDENT TAL-LATVJA
RIGA - IT-TNEJN, 19 TA’ ĠUNJU 2006
Sinjura President u Professur Freiberga
Eċċellenzi
Mistednin distinti
Huwa ta’ unur u pjaċir kbir għalija li qed nagħmel din iż-żjara statali fil-Latvja. Din l-okkażjoni hija sinifikanti għaliex hija l-ewwel żjara li qatt saret fil-Latvja minn Kap ta’ l-Istat ta’ Malta.
Eċċellenza
Kemm il-Latvja kif ukoll Malta huma mogħnija b’wirt kulturali varjat u rikk u t-tnejn għandhom sens qawwi ta’ identita` nazzjonali, kif ukoll rwol x’jiżvolġu fix-xena Ewropea u f’dik internazzjonali. Huma t-tnejn iħaddnu l-istess valuri u ideali supremi u impenn komuni biex fl-Ewropa jkollna prosperita` u sigurta`.
Malta qiegħda f’salib it-toroq tal-Mediterran, f’nofs triq bejn Ġibilta` u l-Kanal tas-Swez u bejn in-nofsinhar ta’ l-Ewropa u t-Tramuntana ta’ l-Afrika; il-Latvja qiegħda f’salib it-toroq ta’ l-Ewropa tat-Tramuntana u dik tal-Lvant. Dawn ir-rotot intużaw sa mill-qedem minn traffiku kontinwu ta’ negozjanti u ħakkiema, u ma satax jonqos li dawn iż-żewġ pajjiżi jsiru pedini fil-logħba tagħhom għall-kisba tal-poter. Il-pożizzjoni strateġika taż-żewġ pajjiżi influwenzat bil-kbir il-ġrajjiet storiċi u kulturali tagħhom.
Għalkemm mogħnija b’kultura Ewropea, iż-żewġ pajjiżi għandhom minsuġa fihom kwalita` li tolqtok meta tikkunsidra d-daqs ta’ l-art tagħhom. Huma għandhom esperjenzi u rabtiet storiċi li jixxiebħu: Malta li għaddiet minn perjodi twal ta’ ħakma minn potenzi barranin, il-Latvja bl-istorja twila tagħha ta’ invażjonijiet, okkupazzjonijiet u annessjoni furzata – it-tnejn bla ma qatt ċedew id-determinazzjoni tagħhom li jwettqu l-ħolma ta’ Stat sovran u indipendenti.
Eċċellenza
Il-Latvja u Malta ilhom aktar minn sentejn Stati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea. Matul dawn is-snin, ipparteċipajna fil-proċess ta’ l-iżvilupp ta’ l-Unjoni Ewropea. Irratifikajna t-Trattat tal-Kostituzzjoni Ewropea u b’hekk urejna fehmitna dwar il-futur ta’ l-Ewropa. Ħaddanna l-valuri fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, inklużi l-liberta` u s-sovranita`, il-paċi u s-sigurta` kif ukoll id-demokrazija, is-supremazija tal-Liġi u r-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem - U fihom sibna espressjoni tal-valuri fundamentali nazzjonali tagħna.
L-adozzjoni ta’ Trattat bażiku jew Karta għall-Unjoni Ewropea sa tkun pass fid-direzzjoni t-tajba biex insaħħu d-dimensjoni politika ta’ l-Unjoni. Aktar minn hekk din tiżgura l-kapaċita` biex l-istituzzjonijiet tagħha jiffunzjonaw b’mod effettiv u jifformulaw strateġiji koerenti kapaċi li jiffaċċjaw l-isfidi tat-tkabbir ekonomiku u tas-sigurta`.
Eċċellenza
F’Malta aħna nammiraw il-kisbiet kbar li għamel il-poplu tal-Latvja. Bilkemm għaddew ħmistax–il sena mindu ħadtu l-Indipendenza tagħkom mill-ġdid. Matul dan il-perjodu relattivament qasir, mill-elf disa’ mija u wieħed u disgħin ‘l hawn, il-Latvja rnexxielha ġġedded u tiżviluppa demokrazija stabbli, tittrasforma l-ekonomija tagħha f’ekonomija prospera b’suq ħieles u terġa’ tikseb il-post xieraq tagħha fil-familja tan-nazzjonijiet Ewropej.
Dan l-aħħar Malta wkoll għamlet bosta riformi fundamentali, mhux l-anqas bi preparazzjoni għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Jidhirli li l-Unjoni Ewropea kellha effett straordinarju bħala katalista li ħajret lill-pajjiżi jilqgħu r-riforma. Nixtieq nifraħ liż-żewġ pajjiżi tagħna kif ukoll lill-membri l-oħra ġodda ta’ l-Unjoni Ewropea talli għaddew b’suċċess minn din il-prova hekk diffiċli.
Eċċellenza
Ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Latvja resqu iżjed qrib xulxin f’dawn l-aħħar snin. Eċċellenza, fil-kliem li inti stess esprimejt waqt l-indirizz tiegħek waqt iż-żjara statali fi Frar ta’ l-elfejn u erbgħa “Bħala kollegi fil-vjaġġ komuni lejn sħubija fl-Unjoni Ewropea, il-Popli ta’ Malta u tal-Latvja saru jafu lil xulxin aħjar, biex jiskambjaw l-esperjenzi tagħhom u jappoġġaw lil xulxin fejn hemm bżonn.” Issa qegħdin bħal qatt qabel f’pożizzjoni biex ngħaqqdu l-isforzi tagħna ħalli nibnu Ewropa ġdida u aħjar.
Il-pajjiżi tagħna għandhom rwol x’jiżvolġu mhux biss fl-Unjoni Ewropea iżda wkoll fil-komunita` internazzjonali. Albert Einstein kien ġie kkwotat li qal li “ladarba naċċettaw il-limiti tagħna nistgħu mmorru lil hinn minnhom”. Naħseb li Malta u l-Latvja sebqu l-limiti tagħhom. Sewwa kien intqal li mhux il-kobor tat-territorju ta’ pajjiż jew tal-popolazzjoni tiegħu l-aktar li jgħoddu, iżda l-qawwa ta’ l-ideat tiegħu, iċ-ċarezza tal-viżjoni tiegħu u l-kwalita` tal-kontribuzzjoni tiegħu b’riżq il-ġid komuni.
Bl-aħħar tkabbir, l-Unjoni Ewropea wessgħet il-fruntieri u kisbet ġirien ġodda. Il-Latvja u Malta t-tnejn huma fuq il-fruntiera ta’ l-Unjoni Ewropea li ġeografikament jinsabu fit-truf nett ta’ l-Unjoni: Malta ssaħħaħ id-dimensjoni tan-nofsinhar ta’ l-Unjoni, waqt li l-Latvja tikkristallizza d-dimensjoni tat-tramuntana. Malta tara lilha nnifisha, u jarawha, bħala pont bejn l-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq, bħalma l-Latvja minn dejjem kienu jarawha bħala pont, bieb fejn il-lvant jiltaqa’ mal-punent.
Il-Latvja u Malta hemm tifridhom distanza ġeografika kbira. Il-Latvja tinsab f’pożizzjoni strateġika fuq ix-xtut tal-Baħar Baltiku u tagħti importanza kbira lill-kooperazzjoni dejjem iżjed mill-qrib bejn l-għaxar pajjiżi tar-reġjun tal-Baħar Baltiku u lit-tkabbir ta’ relazzjonijiet aktar viċini mal-ġirien tal-lvant ta’ l-Unjoni Ewropea. Malta tinsab fir-reġjun tal-Mediterran u taħdem għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet aktar mill-viċin mal-ġirien tan-nofsinhar ta’ l-Unjoni. Pilastru ewlieni tal-politika barranija tagħna huwa dak li nistinkaw għall-istabbilta` u s-sigurta` tar-reġjun Mediterranju. Għalhekk hija ħaġa ovvja li ż-żewġ pajjiżi tagħna jisħqu ħafna fuq il-Politika Ewropea tal-Pajjiżi Ġirien ta’ l-Unjoni Ewropea.
Malta u l-Latvja huma sħab ta’ min jorbot fuqhom biex tinbena Ewropa magħquda. Fil-fehma tiegħi mindu l-Latvja reġgħet kisbet l-indipendenza, il-politika ta’ l-integrazzjoni saret kwestjoni kardinali fil-politika interna tal-pajjiż. L-integrazzjoni kontinwa tad-diversi komunitajiet etniċi tagħha tiżgura li l-Latvja jkollha stabbilta` dejjiema u prosperita` għall-futur. Min-naħa l-oħra, l-isfida li qed tiffaċċja Malta, hija dik ta’ influss, li qatt qabel ma kellna bħalu, ta’ immigranti irregolari, li qed ipoġġi piż sproporzjonat fuq ir-riżorsi limitati tal-gżira tagħna. Dan il-fenomenu qed jittestja b’mod qawwi l-kapaċita` ta’ l-istati Ewropej tal-Mediterran biex ilaħħqu ma’ dan li jidher qisu influss ma jaqta’ xejn ta’ nies. Din hija sfida komuni għall-Ewropa li titlob sforz kollettiv u unit.
Din iż-żjara fil-Latvja wara l-istedina ġentili ta’ l-Eċċellenza Tiegħek tikkonferma r-relazzjonijiet eċċellenti ta’ bejnietna u l-fehma soda li għandna li nsaħħu r-rabtiet ta’ kooperazzjoni u komplimentarjeta`. Inħossni fiduċjuż li maż-żmien il-ħbiberija u l-għaqda li jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi tagħna ser jitkattru u jissaħħu.
B’dawn il-ħsibijiet nistedinkom, Eċċellenzi, Sinjuri, tixorbu bis-saħħa ta’ l-Eċċellenza Tagħha l-President Vaira Vike-Freiberga u ta’ żewġha l-Professur Freibergs u bis-saħħa tal-prosperita` u l-ħbiberija bejn il-Popli ta’ Malta u dak tal-Latvja.
|
HOME | GOV.MT | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |