OPR- Is-Sibt, 10 ta' Mejju, 2008

 


DISKORS MILL-EĊĊELLENZA TIEGĦU DOTTOR EDWARD FENECH ADAMI, PRESIDENT TA’ MALTA FL-OKKAŻJONI TAL-FTUĦ TAL-ĦDAX-IL PARLAMENT – VALLETTA, 10 TA’ MEJJU 2008


 

Sur President

Onorevoli Membri tal-Kamra tad-Deputati

 

Bħala President ta’ Malta għandi l-kompitu kostituzzjonali, li fil-ftuħ ta’ dan il-Parlament, nippreżenta l-programm li l-Gvern qed jipproponi għal-leġislatura li ġejja.  Dan il-programm, imfassal fid-dawl tal-proposti li tressqu quddiem l-elettorat, huwa maħsub biex pajjiżna jkompli jaħtaf l-opportunitajiet u jirbaħ l-isfidi li għandu quddiemu.

 

Din hija l-ewwel leġislatura li qed tibda b’pajjiżna bħala Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea, integrat b’mod sħiħ fil-familja Ewropea ffurmata minn sebgħa u għoxrin pajjiż.  Illum pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-proċess ta’ għaqda Ewropea: huwa parti mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja, juża l-munita komuni Ewropea - l-ewro - u jagħmel parti miż-żona ta’ ċirkolazzjoni libera Ewropea magħrufa bħala ż-żona Schengen.

 

F’dan il-qafas, il-Gvern qiegħed jiddikjara d-determinazzjoni tiegħu li, flimkien mas-soċjetà ċivili kollha, jaħdem biex ikabbar il-ġid komuni mibni fuq dawk il-valuri li sawru l-identità tagħna bħala Maltin tul is-sekli.

 

Il-qofol hu li naħdmu flimkien.  Il-koperazzjoni u r-rispett reċiproku huma l-pedament biex naffrontaw b’suċċess l-isfidi li għandna quddiemna.  Fost dawn l-isfidi, kif ilkoll nafu, hemm il-prezzijiet dejjem jogħlew ta’ ħwejjeġ essenzjali bħaż-żejt u ċ-ċereali.  Hemm il-kompetizzjoni dejjem tiħrax kemm fil-manifattura, fis-servizzi, kif ukoll fil-kisba ta’ l-investiment.

 

Ma tgħaddix ġurnata waħda li fl-aħbarijiet ma nisimgħux bl-isħab iswed li qed jinġema’ fuq ix-xefaq internazzjonali.  F’dawn il-ġimgħat il-kriżi kotrot u jidher li se tiggrava.  Madankollu l-Gvern huwa qalbu qawwija li l-poplu tagħna kapaċi jieħu ħsieb id-dar komuni tagħna kif għamel anki meta t-theddid kien aktar kiefer.

 

Ilkoll nafu li minħabba s-sinjali minaċċjużi li qed jidhru fuq l-orizzont internazzjonali, hawn anki xi industriji, u mhux mill-iżgħar, li qegħdin jibżgħu dwar il-prospetti tagħhom fil-ġejjieni qrib.  Din hi theddida li kulħadd qed jaffaċċja fid-dinja tal-lum.  Il-Gvern jemmen li kapaċi nirbħuha, mhux biss billi niżguraw produttività ogħla, imma wkoll billi nkunu kreattivi u dejjem lesti nibdlu l-prodotti u s-servizzi tal-lum b’oħrajn ta’ valur miżjud ogħla.

 

L-IŻVILUPP SOSTENIBBLI: MIRA EWLENIJA

 

F’din il-perspettiva, il-Gvern qiegħed jipproponi li jimplimenta programm politiku li jkollu l-iżvilupp sostenibbli bħala l-fus ċentrali li madwaru jdur kollox.

 

Għall-Gvern, it-tħaddim tal-proġett ta’ żvilupp sostenibbli hu proposta ta’ għażla fondamentali mill-poplu Malti u Għawdxi.  Hija għażla konxja li f’kull deċiżjoni ma nqisux biss l-interessi immedjati tagħna, iżda wkoll dawk tal-ġenerazzjonijiet futuri.

 

L-iżvilupp sostenibbli għandu tliet dimensjonijiet ewlenin – dik ekonomika, dik soċjali u dik ambjentali.  L-isfida għalina lkoll hi li niżguraw li l-iżvilupp ekonomiku jkompli għaddej, mgħejjun mill-iżvilupp ta’ l-edukazzjoni, il-mutur l-aktar qawwi ta’ l-iżvilupp soċjali, b’attenzjoni ferm akbar għall-ambjent.  Billi nqisu dawn it-tliet dimensjonijiet f’rabta bejniethom, inkunu qed inpoġġu l-persuna, kull persuna f’pajjiżna, fiċ-ċentru tal-ħidma kollha tal-Gvern.

 

Kwestjoni preliminari, iżda fondamentali, li tolqot l-aspetti kollha tal-kwalità tal-ħajja tal-poplu tagħna kif ukoll l-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna, hija l-ippjanar u l-użu ta’ l-ispazju tagħna: sew l-art, sew il-baħar kif ukoll l-ajru.  Il-Gvern fi ħsiebu jittratta din il-kwestjoni fl-aspetti kollha tagħha u fost ħwejjeġ oħra, se jwettaq żewġ riformi.

 

Waħda: L-użu ta’ l-artijiet li għandu f’idejh il-Gvern se jiġi ppjanat b’mod sistematiku skond il-prinċipji ta’ l-iżvilupp sostenibbli.

 

L-oħra: Jikkonkludi r-riforma meħtieġa fil-liġijiet li jirregolaw kirjiet ta’ propjetajiet bl-għan prinċipali li jsir l-aħjar użu minnhom, u filwaqt li tingħata protezzjoni lill-inkwilini preżenti fejn hi meħtieġa, issir ukoll ġustizzja mas-sidien.  Barra minnhekk, il-Gvern se jkompli bit-tisħiħ tal-politika biex ħafna aktar familji jsiru sidien ta’ djarhom, billi jirriforma l-iskemi eżistenti u jestendi l-iskemi ta’ għajnuna lill-koppji ġodda u lil dawk li qed jixtru l-ewwel dar tagħhom.  Se jkompli wkoll bil-programm ta’ l-Awtorità tad-Djar għall-bini ta’ djar u skemi oħra, inkluż bi sħubija mas-settur privat.

 

Marbut ma’ dan hemm ukoll l-importanza tas-settur agrikolu li għandu impatt dirett fuq l-ambjent ġenerali u fuq l-ispazji miftuħa fil-kampanja tagħna.  Għaldaqstant il-Gvern irid li l-bdiewa full-time jingħataw titolu aħjar fuq ir-raba’ tal-Gvern li jinsab f’idejhom bi qbiela ħalli jkun jista’ jiżdied l-investiment biex jintlaħqu livelli ogħla ta’ sostenibbilità.

 

It-territorju ta’ Malta jiġbor fih medda wiesgħa ta’ baħar u huwa mogħni b’portijiet mill-isbaħ u b’faċilitajiet li jistgħu jikkompetu sew mal-pajjiżi tal-madwar.  Għalhekk, il-Gvern se jkompli jisfrutta l-potenzjal kbir ta’ Malta bħala pajjiż marittimu b’ħidma effettiva u koordinata għall-iżvilupp u l-immaniġġjar ta’ l-ispazju marittimu, taż-żona kostali, u tal-portijiet.

 

L-iżvilupp sostenibbli jitlob li l-ekonomija, il-ġid soċjali u l-ambjent jintisġu b’mod bilanċjat f’kull livell tal-ħidma tal-Gvern.

 

ŻVILUPP EKONOMIKU

 

Il-pjan tal-Gvern għall-ekonomija għandu żewġ elementi ewlenin: tibdil fis-sistema tat-taxxi li għandu jistimola aktar attività ekonomika, u l-ħolqien ta’ aktar xogħol u xogħol aħjar.

 

Il-Gvern hu impenjat li sa l-aħħar ta’ l-2010 il-bilanċ finanzjarju tiegħu jispiċċa f’surplus u mhux f’deficit.  Din hi mira ambizzjuża partikolarment fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika internazzjonali li qiegħda tolqot ukoll lil pajjiżna.  Iżda hi mira li tista’ tintlaħaq jekk nibqgħu determinati li nkomplu nżommu l-finanzi tagħna fis-sod.  Għalhekk il-Gvern se jkompli jikkontrolla u jnaqqas l-ispiża pubblika kull fejn hu indikat.  Fl-istess ħin se jsir l-investiment kollu meħtieġ biex is-servizzi pubbliċi essenzjali jkunu aktar effettivi u aktar effiċjenti.  Il-Gvern se jaħdem biex kulħadd ikun jagħraf sew x’jiswew dawn is-servizzi għaliex ir-realtà hi li xejn mhu b’xejn; dak li jingħata b’xejn xorta għandu prezz li qed jaqa’ fuq kull min iħallas it-taxxi.

 

Il-bidliet fit-taxxi li l-Gvern se jintroduċi matul din il-leġislatura huma maħsuba biex tkompli tiġi stimulata l-attività ekonomika waqt li jiġi ppremjat ix-xogħol.  Fl-istess ħin il-Gvern fi ħsiebu jħarrax il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u kontra kull forma ta’ abbuż jew evażjoni kemm fiskali kif ukoll mill-benefiċċji soċjali.  Fost il-miżuri konkreti, il-Gvern fi ħsiebu:

 

•          Ikompli jnaqqas l-Income Tax;

•          Iżid l-inċentivi u l-miżuri biex iħajjar aktar nisa jidħlu u jibqgħu fid-dinja tax-xogħol;

•          Ikompli jneħħi t-taxxa tal-wirt;

•          Ineħħi t-taxxi tat-tluq bl-ajru, tal-credit cards, u tat-television;

•          Jibdel it-taxxa fuq il-karozzi;

•          Jestendi l-eżenzjoni mit-taxxa tad-dħul ta’ parti minn nefqa ta’ l-anzjani, persuni b’diżabilità, u l-familji tagħhom fuq servizzi residenzjali privati jew fuq servizzi f’darhom;

•          Jeżenta mit-taxxa tad-dħul il-kera ta’ propjetajiet li għandhom kirjiet residenzjali kontrollati.

 

Il-Gvern impenjat li jwettaq politika li toħloq aktar xogħol u xogħol aħjar, ħaġa li nistgħu nagħmlu biss jekk nagħrfu naddattaw għall- kompetittività globali filwaqt li nisfruttaw bis-sħiħ l-opportunitajiet fis-suq li nfetaħ għalina permezz ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea.  Fl-istess ħin, il-Gvern se jaħdem biex nersqu aktar viċin il-miri ta’ l-istrateġija ta’ Lisbona, strateġija li għalina primarjament tfisser:

 

•          Kompetittività akbar permezz ta’ produttività ogħla;

•          Sehem akbar għas-settur privat u b’mod speċjali għall-imprendituri u s-self employed iż-żgħar billi titnaqqas il-burokrazija, jitnaqqsu l-ispejjeż u tiżdied l-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi;

•          Poplu aktar edukat u mħarreġ aħjar;

•          Aktar xogħol, b’aktar nisa jaħdmu, u b’pagi u kundizzjonijiet aħjar għax naħdmu prodotti u servizzi b’valur miżjud ogħla mil-lum;

•          Aġġornament kontinwu ta’ l-oqsma ekonomiċi li nattiraw biex niżguraw li nkunu kompetittivi;

•          Ekonomija aktar miftuħa, b’anqas monopolji u b’anqas xkiel mill-Gvern jew mill-burokrazija.

 

Il-Gvern, permezz tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ, se jinvesti fi proġetti, bl-għajnuna tal-Fond Soċjali Ewropew, sabiex jiġi inċentivat ix-xogħol u jissaħħaħ it-taħriġ.  Il-Gvern irid li jkun aktar faċli għall-ħaddiema li jsibu xogħol jew li jerġgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol jekk ikunu spiċċaw bla xogħol.

 

Fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, il-Gvern se jintervjeni fejn ikun hemm prattiċi ħżiena ta’ xogħol, inkluż biex jiżgura li ma jintużawx aktar forom ta’ kuntratti ta’ impiegi li jwasslu biex iċaħħdu lill-ħaddiema minn kundizzjonijiet u benefiċċji li għandhom dritt għalihom.

 

Minkejja s-sehem relattivament żgħir tas-settur tal-biedja u s-sajd fl-ekonomija, il-Gvern jemmen li dawn huma żewġ setturi importanti, mhux biss għall-persuni li jaħdmu fihom, imma għall-pajjiż kollu.  Għandhom sehem strateġiku fil-kuntest tal-politika ġenerali tal-Gvern favur l-iżvilupp sostenibbli u anki fid-dawl tal-kriżi internazzjonali ta’ l-ikel.  Għaldaqstant, il-Gvern se jkompli jsostni investimenti fi strutturi li jħaddmu l-bdiewa, raħħala u sajjieda anki permezz ta’ għajnuna minn fondi ta’ l-Unjoni Ewropea.

 

Meta t-turiżmu jmur tajjeb iħalli effett pożittiv fuq ħafna oqsma ekonomiċi oħra.  Il-Gvern se jibqa’ jinkoraġġixxi l-investiment f’dan is-settur – investiment li hu primarjament Malti – u jħaddem politika għat-tkabbir tas-swieq tagħna billi niddiversifikaw il-prodott li noffru u s-swieq li nattiraw lejn pajjiżna permezz ta’ politika ta’ trasport li, waqt li tinċentiva l-akbar numru ta’ konnessjonijiet bl-aħjar prezzijiet, tiżgura li l-Air Malta  tibqa’ ass strateġiku għal pajjiżna.

Il-Gvern jemmen li m’għandux jidħol f’attività jew setturi ekonomiċi li jistgħu jirregolaw lilhom infushom bir-regoli tas-suq u bl-inizjattiva privata.  Il-Gvern iqis li l-irwol ta’ l-istituzzjonijiet hu li jappoġġjaw il-kummerċ.  Bħala regolatur u koordinatur, il-Gvern se jappoġġja s-settur privat b’kunsens bejn il-partijiet soċjali, speċjalment il-unions u l-korpi kostitwiti.

 

ŻVILUPP SOĊJALI

 

Mingħajr koeżjoni u ġid soċjali ma jistax ikun hemm tkabbir ekonomiku, u wisq anqas żvilupp sostenibbli.

 

Il-Gvern jemmen li l-ġid soċjali ta’ pajjiżna hu mibni fuq il-familja u jqis il-vokazzjoni ta’ min jidħol għaliha patrimonju mill-aktar prezzjuż tas-soċjetà tagħna.  Filwaqt li l-Gvern jibqa’l-ħin kollu impenjat biex iħares id-drittijiet fondamentali u naturali ta’ kull persuna fis-soċjetà  tagħna, irid li jagħti l-aqwa importanza lis-saħħa, l-iżvilupp u l-ħarsien tat-tfal, kemm jista’ jkun fi ħdan familja stabbli u b’saħħitha mibnija fuq iż-żwieġ.

 

Ma nistgħux, iżda, ma naffrontawx ċerti realtajiet li qed niltaqgħu magħhom fis-soċjetà llum.  Għalhekk il-Gvern bi ħsiebu jipproponi leġislazzjoni bil-għan li jiġu mħarsa minn kull sfruttament persuni li jgħixu flimkien barra mir-rabta taż-żwieġ.

 

Il-Gvern se jkompli jaħdem, flimkien ma’ l-imsieħba soċjali, biex joħloq l-aħjar ċirkostanzi għall-bilanċ bejn il-familja u x-xogħol billi jkompli jippromwovi dawk il-miżuri fuq il-postijiet tax-xogħol li jagħtu kas il-bżonnijiet tal-familja.  F’dan ir-rigward il-Gvern irid li jaħdem b’mod pożittiv sabiex in-nisa u l-irġiel jiksbu opportunitajiet aħjar ta’ edukazzjoni, taħriġ u xogħol fl-istess waqt li jkunu jistgħu jidħlu għal responsabbilitajiet fil-familja.

 

Waqt li se jkompli jnaqqas l-abbuż fis-servizzi soċjali, il-Gvern fi ħsiebu:

 

•          Ikompli jissussidja l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, b’aċċenn partikolari fuq familji li huma l-aktar fil-bżonn;

•          Jieħu l-passi meħtieġa biex isaħħaħ ir-regolatur responsabbli mill-Protezzjoni tal-Konsumatur u mill-Kompetizzjoni u jinkorpora fih ir-responsabbilità tal-monitoraġġ tal-prezzijiet, partikolarment dawk essenzjali, bħall-ikel u mediċini;

•          Isaħħaħ l-iskemi favur l-anzjani biex jibqgħu jgħixu f’darhom, isaħħaħ u jtejjeb il-pensjonijiet, u jkompli l-immodernizzar tar-Residenza San Vinċenz de Paule u djar oħra;

•          Jiżviluppa skemi ġodda biex ħafna aktar persuni b’diżabilità jsibu jaħdmu u jibqgħu jgħixu fil-komunità, jinforza aktar ir-regoli dwar l-aċċessibilità, u jirratifika l-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità;

•          Jaġġorna l-istruttura ta’ appoġġ soċjali, diġà b’saħħitha, biex jibqa’ jiġi assigurat li ħadd ma jaqa’ lura u fejn kull persuna tiġi mgħejjuna tintegra ruħha b’mod sħiħ fis-soċjetà.

 

F’pajjiżna kiber il-fenomenu ta’ nies barranin li jiġu hawn mhux bħala turisti iżda biex ifittxu ħajja aħjar fl-Ewropa jew kenn mill-persekuzzjoni.  Il-Gvern se jkompli jindirizza l-isfida ta’ l-immigrazzjoni illegali b’politika bilanċjata li tkun ħanina ma’ min   ħaqqu l-għajnuna u iebsa ma’ min m’għandux jedd li jibqa’ hawn Malta.

 

Is-saħħa hija l-kundizzjoni ewlenija għall-iżvilupp ta’ kull persuna.  Il-Gvern se jaħdem biex jassigura li l-Isptar Mater Dei iservi ta’ xprun biex ngħollu l-kwalità u l-livell tas-servizz tas-saħħa, li jibqa’ b’xejn.  Iżda issa l-Gvern se jiffoka b’aktar prijorità, l-ewwel, fuq l-edukazzjoni u l-promozzjoni dwar stili ta’ ħajja li jagħtuna saħħitna u jgħinu nżommu l-mard ’il bogħod minna u mill-familji tagħna, u, it-tieni, fuq il-kura primarja ħalli naslu għal sistema ta’ saħħa aktar organizzata li taqdi l-pazjenti aħjar u mill-viċin.

 

Fost il-miżuri konkreti l-Gvern fi ħsiebu:

 

•          Jinseġ il-kliniċi tat-tobba tal-familja u ċ-ċentri tas-saħħa flimkien f’katina ma’ Mater Dei u jifrex l-iskema ta’ l-Ispiżjar ta’ l-Għażla Tiegħek;

•          Isaħħaħ il-programm ta’ screening bikri dwar l-istat ta’ saħħa fiżika u intellettwali tat-tfal;

•          Jindirizza b’aktar qawwa l-ġlieda lill-mard tal-kanċer, kemm fil-prevenzjoni kif ukoll fit-trattament;

•          Jikkontrolla dejjem aħjar il-prezzijiet tal-mediċini;

•          Jintroduċi skemi biex jattira aktar żgħażagħ lejn karriera fil-qasam tas-saħħa;

•          Jibni Ċentru ta’ Rijabilitazzjoni bil-Faċilitajiet kollha meħtieġa għall-persuni li jkunu qed jirkupraw minn mard jew trattament serju;

•          Jenfasizza l-iżvilupp tas-servizzi dwar saħħa mentali fil-komunità u jkompli l-programm ta’ modernizzar u bini ta’ faċilitajiet ġodda fl-Isptar Monte Carmeli.

 

Il-Gvern jibqa’ jqis l-edukazzjoni s-sies ta’ kollox, l-aqwa għodda biex tgħin u tixpruna lill-poplu tagħna lejn żvilupp sħiħ ta’ kull persuna u lejn progress ekonomiku, soċjali, kulturali u ambjentali.

 

Fil-qasam ta’ l-edukazzjoni l-mira tibqa’ li uliedna jirnexxu lkoll, skond it-talenti tagħhom, u li jiżviluppaw valuri umani b’saħħithom, mentalità kritika, kapaċità ta’ riċerka, u abbilità li joħolqu soluzzjonijiet u ideat ġodda.  L-użu tal-computer u l-internet, li diġà jibda mil-livell ta’ l-iskola primarja, jissaħħaħ fil-livelli kollha skond Kurrikulum rivedut mibni fuq l-istrateġija diġà adottata ta’ e-Learning.

 

Il-Gvern irid iwassal ir-riforma mibdija fl-edukazzjoni fil-livelli kollha tagħha sal-milja tagħha, mill-iżvilupp l-aktar bikri sa l-edukazzjoni ogħla u vokazzjonali f’qafas ta’ tagħlim tul il-ħajja.

 

Fost il-miżuri konkreti, il-Gvern fi ħsiebu:

 

•          Ipoġġi fuq sisien b’saħħithom is-sistema li beda tal-Kulleġġi ta’ l-Istat;

•          Jiftaħ aktar ċentri tat-Tfal (Child Care Centres);

•          Isostni r-riżorsi meħtieġa biex studenti bi bżonnijiet edukattivi speċjali jkunu jistgħu jkomplu jistudjaw u jitħarrġu wara li jtemmu l-edukazzjoni obbligatorja filwaqt li tiġi estiża s-sistema ta’ appoġġ speċjali anki għall-ġenituri li jibagħtu lil uliedhom fi skejjel privati;

•          Jiġi offrut programm edukattiv, kreattiv u sportiv wara l-ħin ta’ l-iskola għal tfal u studenti fl-iskejjel tal-Kulleġġi ta’ l-Istat;

•          Ikompli l-programm ta’ bini, tkabbir, manutenzjoni u tisbiħ ta’ l-iskejjel;

•          Jara li l-edukazzjoni timxi id f’id mat-teknoloġija avvanzata u li l-istudenti u l-għalliema jħaddmu t-teknoloġiji tal-komunikazzjoni u l-informatika skond l-istrateġija ta’ l-e-Learning;

•          Isostni u jaġġorna s-sistema ta’ l-istipendji u ta’ l-scholarships;

•          Jipproponi liġi biex l-Università ta’ Malta tkun tista’ twettaq ir-riformi meħtieġa;

•          Jibda jitwettaq il-Master Plan għall-bini ta’ kampus ġdid tal-kulleġġ MCAST;

•          Bħala parti mill-proċess edukattiv u ta’ promozzjoni ta’ stili pożittivi ta’ ħajja l-Gvern jibqa’ impenjat favur l-isport filwaqt li l-isport jingħata spazju akbar fil-formazzjoni ta’ l-istudenti f’kull livell.

 

Il-Gvern se jkompli jaħdem favur l-arti u l-patrimonju kulturali tal-poplu tagħna.  F’din il-ħidma l-Gvern se jkompli bil-proġetti tiegħu ta’ tisbiħ tal-pajjiż, tiswija tas-swar, il-bini ta’ villaġġ għall-arti, u tisbiħ u riġenerazzjoni tal-Belt Valletta.

 

ŻVILUPP AMBJENTALI

 

Matul il-ħames snin li ġejjin, il-Gvern irid li jpoġġi l-ambjent, aktar minn qatt qabel, fil-qalba tal-politika tiegħu.  L-ambjent irid ikun prijorità ewlenija għall-Gvern u għal pajjiżna kollu kemm hu.  F’kollaborazzjoni sħiħa mas-settur privat u mas-soċjetà ċivili, il-Gvern se jaħdem biex ikompli jkattar kuxjenza favur il-ħarsien ta’ l-ambjent f’kull aspett tiegħu mill-imħabba għall-indafa sar-riċerka xjentifika.

 

Biex il-proġett nazzjonali ta’ żvilupp sostenibbli jkun jista’ jitwettaq fil-prattika, il-Gvern ħa deċiżjoni strateġika li jiddedika parti sostanzjali mill-fondi tal-Unjoni Ewropea biex jiġu finanzjati numru ta’ proġetti u inizjattivi.  Tul din il-leġislatura l-Gvern se jalloka mat-tliet mitt miljun ewro ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea u fondi oħra pubbliċi biex, fost miżuri konkreti oħra, jittieħdu dawn l-inizjattivi ewlenin:

 

•          Jirriforma l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex iġib effiċjenza, jassigura trasparenza, titkattar il-konsistenza fid-deċiżjonijiet, u jsaħħaħ l-infurzar;

•          Jaħdem għal livelli ta’ kwalità dejjem aħjar fl-oqsma tat-tniġġis ta’ l-arja, l-ilma u l-baħar, l-immaniġġjar ta’ l-iskart u l-ħarsien aħjar tar-residenti mill-impatt ta’ l-industrija tal-kostruzzjoni;

•          Jagħti sehmu fl-isfidi li qed iġib miegħu t-tibdil fil-klima billi jadotta dawk il-miżuri u inċentivi meħtieġa ħalli nużaw b’mod aktar effiċjenti u għaqli l-enerġija minn sorsi tradizzjonali u ninvestu f’sorsi alternattivi ta’ enerġija nadifa, kif ukoll naħżnu aħjar l-ilma tax-xita;

•          Jappoġġja proġetti ta’ riċerka dwar innovazzjoni ekoloġika, sorsi ta’ enerġija nadifa, u teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet u li jkunu adattati għaċ-ċokon ta’ pajjiżna;

•          Jaħdem sabiex sa l-2020 innaqqsu l-emissjonijiet ta’ dijossidu karboniku (CO2) b’20% u nilħqu l-mira li 10% ta’ l-enerġija tkun iġġenerata minn sorsi alternattivi;

•          Jibni l-impjant tat-trattament tad-drenaġġ fin-Nofsinhar ta’ Malta  li jwassal biex ma jintrema l-ebda drenaġġ mhux trattat fil-baħar;

•          Ikompli jtejjeb l-ispazji urbani u jagħti nifs l-ibliet, l-irħula u l-kampanja tagħna; iwettaq pjanijiet ta’ mmaniġġjar ta’ siti li jaqgħu taħt Natura 2000, jiġu identifikati żoni ġodda għall-afforestazzjoni, u jiġi żgurat aċċess akbar għall-kampanja li titħalla għat-tgawdija tal-pubbliku u tal-ġenerazzjonijiet futuri;

•          Ikompli bil-ħidma fl-immodernizzar tat-toroq kollha;

•          Isaħħaħ is-servizz tat-trasport pubbliku, u jwettaq strateġija nazzjonali dwar l-immaniġġjar tat-traffiku, anke biex jiġi kkontrollat aktar it-tniġġiż ta’ l-arja;

•          Iwettaq aktar miżuri favur il-ħarsien ta’ l-annimali.

 

GVERNAR TAJJEB U XIERAQ

 

L-ebda progress ekonomiku, soċjali jew ambjentali mhu tassew possibbli mingħajr qafas sod ta’ gvernar tajjeb u xieraq kif ukoll tmexxija soda u għaqlija tal-pajjiż minn naħa ta’ l-istituzzjonijiet politiċi, regolatorji u ġudizzjarji.

F’pajjiżna, iċ-ċittadini diġà jgawdu livell għoli ta’ garanzija ta’ serħan tal-moħħ bil-ħarsien tal-liġi, tal-libertajiet ċivili u istituzzjonijiet sabiex kulħadd iħoss li huwa protett u jsib il-wens meta jeħtieġ. 

 

Il-Gvern se jkompli jkun Gvern miftuħ u trasparenti, Gvern li jisma’ u jikkonsulta, Gvern li jagħti kas kulħadd.  Il-Gvern se jsaħħaħ il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali u se jaħdem ma’ l-għaqdiet li jirrapreżentaw is-soċjetà ċivili biex iwessa’ d-djalogu magħhom.

 

Meta jidħol fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona ta’ l-Unjoni Ewropea, il-Parlament Malti jrid jevolvi fi struttura aktar impenjata fit-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea.  Il-Gvern irid li nkomplu nsaħħu d-demokrazija u t-trasparenza u fi ħsiebu jaħdem ma’ l-Oppożizzjoni biex il-Parlament jiġi msaħħaħ filwaqt li jiżdidulu r-riżorsi.

 

Barra minnhekk, biex isaħħaħ is-sistema u l-prattika tajba ta’ iggvernar, il-Gvern se jipproponi:

 

•          Liġi dwar l-Amministrazzjoni Pubblika;

•          Liġi dwar Investigatur Speċjali fi ħdan il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni;

•          Liġi dwar il-Libertà ta’ l-Informazzjoni;

•          Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Whistleblowers;

•          Liġi biex l-Uffiċċju ta’ l-Ombudsman jingħata r-responsabbilità li jikoordina l-proċessi dwar l-ilmenti amministrattivi fis-settur pubbliku kollu;

•          Liġi dwar il-Finanzjament tal-Partiti Politiċi;

•          Liġi li, f’kuntest ta’ reviżjoni tal-Kostituzzjoni, tkompli ttejjeb is-sistema elettorali;

•          Liġi li ssaħħaħ l-issikkar fuq konflitti ta’ interess ta’ Membri Parlamentari;

•          Liġi biex il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari jpoġġu fi Blind Trusts l-interessi kummerċjali u n-non-fixed/public investments.

 

Sistema ta’ ggvernar tajjeb hi wkoll essenzjali fil-livell tal-Kunsill Lokali.  Il-Gvern se jibqa’ jgħin lill-Kunsilli Lokali biex jiffunzjonaw dejjem aħjar, inkluż b’aktar użu ta’ fondi ta’ l-Unjoni Ewropea.  Il-Gvern se jiftaħ ukoll diskussjoni pubblika bl-iskop li jkun konsidrat għandhiex tinbidel is-sistema ta’ elezzjoni kull sena għal terz tal-Kunsilli Lokali.

 

SIGURTà

 

Il-Gvern ikompli jsaħħaħ is-sigurtà għaċ-ċittadini tagħna billi jieħu miżuri li jipprevjenu u jikkontrollaw il-kriminalità u l-ksur tal-liġijiet.  Fost il-miżuri li fi ħsiebu jieħu l-Gvern se jwaqqaf laboratorju tad-DNA, jintroduċi tags elettroniċi fuq persuni akkużati b’reati serji, u jwaqqaf reġistru tal-ħatja ta’ reati sesswali.

 

Il-Gvern ikompli jaħdem biex il-Korp tal-Pulizija jibqa’ b’saħħtu, modern, effiċjenti u mħarreġ fil-ħarsien tal-liġi u l-ġlieda kontra l-kriminalità.  Sabiex isaħħaħ aktar ir-rispett u l-infurzar tal-liġi, il-Gvern se jeżamina l-possibbilità li diversi awtoritajiet ta’ infurzar f’pajjiżna (bħal wardens, l-enforcement officers ta’ l-ADT, tal-MEPA, il-Green Wardens  u oħrajn) jiġu magħquda f’korp wieħed.

 

F’dan il-kuntest, l-Armata ta’ Malta se tkompli tkun modernizzata, b’enfasi prinċipali fuq it-taħriġ u opportunitajiet ta’ speċjalizzazzjoni fl-oqsma l-aktar relevanti għal pajjiżna.

 

VIŻJONI 2015

 

Matul l-istorja tiegħu l-poplu Malti wera l-ħila u r-rieda li jsawwar u jwettaq viżjoni li għamlitna wieħed mill-popli ż-żgħar li l-aktar irnexxew fid-dinja.  Ispirat minn din il-fiduċja li għandu fil-poplu Malti, il-Gvern għażel seba’ oqsma li fihom hu fiduċjuż li sa l-2015 il-poplu kapaċi jikseb l-ogħla kwalità possibbli u jiddistingwi ruħu minn ħaddieħor.

Il-Gvern jemmen li din hi viżjoni mħaddna mill-Maltin u l-Għawdxin kollha.  Biss, il-Gvern se jagħti spazju speċjali għal Għawdex, gżira reġjun, biex jgħin lill-Għawdxin jegħlbu l-isfidi partikolari tagħhom u jgawdu sehem sħiħ fis-suċċess tal-pajjiż kollu.

 

L-ewwel hemm is-settur tas-servizzi finanzjarji.  Dan is-settur kiber b’rata mgħaġġla, mijiet ta’ kumpaniji barranin irreġistraw f’Malta u nħolqu eluf ta’ impiegi.  Illum, is-settur diġà jlaħħaq madwar 12% tal-prodott gross domestiku.  Il-Gvern se jieħu l-miżuri meħtieġa biex isaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta bħala ċentru finanzjarju ewlieni fir-reġjun Ewro-Mediterranju b’mod li sa l-2015 il-poplu jkabbar is-sehem ta’ dan is-settur fil-prodott gross domestiku u jħaddem ferm aktar ħaddiema.

 

It-tieni, it-teknoloġija ta’ l-informatika u l-komunikazzjoni (ICT).  SmartCity hija simbolu ta’ fejn irid jasal il-Gvern f’dan il-qasam.  Proġett li se joħloq eluf ta’ impiegi, li l-maġġoranza tagħhom huma impiegi għall-Maltin kemm fis-settur ta’ l-informatika, tal-media, kif ukoll fi snajja’ u ħiliet oħra.  Biss hemm kisbiet oħra li ġabu ġid kbir lill-poplu u l-ekonomija tagħna.  Biżżejjed ngħidu li f’dan is-settur is-sena li għaddiet kellna investiment ta’ madwar biljun ewro filwaqt li fil-qasam ta’ l-e-government aħna diġà meqjusin bħala t-tieni pajjiż l-aktar żviluppat fl-Ewropa kollha.

 

Il-Gvern irid jiżgura s-suċċess ta’ SmartCity u jestendi l-kunċett fuq skala nazzjonali għal SmartMalta.  B’hekk nattiraw għadd kbir ta’ kumpaniji ġodda lejn xtutna fil-qasam ta’ l-informatika u noħolqu għadd kbir ta’ impiegi ta’ kull tip.

 

Il-pjan tal-Gvern fl-informatika jiżgura li l-poplu kollu jikseb l-għarfien, il-kapaċità u r-riżorsi biex ħadd ma jitħalla barra mill-benefiċċji tal-komunità elettronika.

It-tielet, it-turiżmu.  Sa l-2015, is-settur tat-turiżmu tagħna se jkollu sfidi ġodda quddiemu.  Sa dak iż-żmien, ikun hemm destinazzjonijiet ġodda, prodotti ġodda, operaturi ġodda u fornituri ġodda ta’ servizzi turistiċi.  Jeħtieġ li nkunu ppreparati għal din iż-żieda fil-kompetizzjoni. Mhux hekk biss, irridu ndawru dawn l-isfidi f’opportunitajiet biex ikollna aktar suċċessi.

 

Il-Gvern se jaħdem biex nagħmlu lil Malta u lil Għawdex destinazzjoni speċjali fil-Mediterran. Il-prinċipji ta’ sostenibbiltà u ta’ strateġija li tintegra t-turiżmu fl-oqsma kollha tal-ħidma tal-Gvern għandhom jikkaratterizzaw il-viżjoni tagħna tat-turiżmu għall-2015.

 

Fost diversi miżuri, uħud diġà msemmija,  il-Gvern  fi ħsiebu:

 

•          Jaġġorna b’mod kontinwu, u jwettaq l-Istrateġija u l-Pjan Nazzjonali dwar it-Turiżmu id’ f’id mas-settur privat;

•          Jgħolli l-ammont tad-dħul mhux taxxabbli lill-familji li jospitaw studenti barranin;

•          Iwettaq programm vast ta’ investiment f’żoni turistiċi u restawr tas-swar;

•          Iwettaq il-proġett għall-Port il-Kbir u l-Port ta’ Marsamxett, inkluż il-Baċir Nru 1 u joħloq promenades kontinwi mill-ponta ta’ l-Isla sa Sant’ Anġlu, u mill-Pietà sa Qui-si-Sana. 

 

Ir-raba’, is-settur tal-manifattura u s-servizzi marbuta magħha.  Il-Gvern jemmen li l-ħaddiema tagħna huma kapaċi jidħlu għall-isfida biex jagħmlu minn Malta ċentru reġjonali ta’ l-ogħla kwalità f’ċerti oqsma ta’ l-industrija li joffru mhux biss aktar impiegi iżda wkoll impiegi aħjar, li jrendu pagi ogħla.  Dawn jinkludu l-farmaċewtika, il-bijo-teknoloġija u l-manifattura bbażata fuq it-teknoloġija avvanzata kif ukoll l-industrija tas-servizzi marbuta mal-manifattura.

Fost il-miżuri li l-Gvern se jwettaq hemm aktar għajnuniet diretti taħt il-liġi għall-promozzjoni ta’ l-industrija u investiment qawwi għall-iżvilupp ta’ żoni industrijali u ta’ fabbriki ġodda f’{al Far, fil-Mosta Technopark u fil-Villaġġ Artiġjanali Ta’ Qali.

 

Il-Gvern se jestendi l-Business Incubation Centre ta’ Kordin biex noffru spazju u opportunitajiet akbar lill-imprendituri ġodda.  Il-Gvern se jniedi wkoll skemi, finanzjati mill-Unjoni Ewropea, għall-intrapriżi sabiex jinċentivahom jinvestu fl-innovazzjoni u r-riċerka, fl-imprenditorija u fl-iżviluppi ambjentali, fost oħrajn.

 

Il-Gvern se jaħdem bis-sħiħ biex jisfrutta il-pożizzjoni naturali ta’ pajjiżna biex insaħħu f’Malta r-rabtiet industrijali u tas-servizz li jiġu mill-qasam marittimu, fejn diġà għandna isem, u nħaddmu politika li tipprova anke mill-ispazju ta’ l-ajru tagħmel dak li diġà qed nagħmlu mill-baħar.

 

Il-ħames, is-saħħa. Billi jkompli jibni fuq servizz ta’ l-ogħla kwalità li jista’ jkollu kwalunkwe pajjiż  bis-saħħa ta’ l-Isptar Mater Dei, il-Gvern ikun qed joħloq il-bażi biex Malta ssir ċentru ta’ l-ogħla kwalità anke f’dan is-settur.  B’hekk waqt li jiżgura għall-poplu tagħna l-aqwa servizz u servizz b’xejn, il-Gvern jimmira li jiġbed pazjenti barranin f’oqsma speċjalizzati, anke bi sħubija mal-privat.  B’dan il-mod, jikkontribwixxi wkoll għas-sostenibbiltà tas-servizzi li l-Gvern se jkompli jagħti lill-Maltin u l-Għawdxin kollha.

 

Is-sitta, l-edukazzjoni u l-kultura.  Fuq il-bażi ta’ sistema edukattiva tassew inklussiva li qed tinbena għalina l-Maltin, nistgħu u għandna wkoll nibnu oqsma ta’ kwalità għolja, fejn nistgħu noffru spazji għat-tagħlim u għar-riċerka li jkunu fost l-aqwa għallinqas fir-reġjun tagħna.  Dawn il-miri nistgħu nilħquhom fejn għandna vantaġġi u wirt storiku, bħal ngħidu aħna, fl-istudji dwar il-baħar, il-kontribut li għamilna lil-Liġi Marittima u t-tradizzjoni tat-Tarznara.

 

Fl-istess ħin il-Gvern irid li anke s-settur privat joffri servizzi edukattivi, partikolarment dawk li jistgħu jiġbdu studenti barranin, filwaqt li jkompli jħajjar istituzzjonijiet edukattivi barranin jiftħu jew joffru korsijiet ta’ kwalità u rikonoxxuti hawn Malta.

 

Is-seba’, Għawdex, Gżira Ekoloġika.  Għawdex huwa wkoll element essenzjali tal-Viżjoni 2015.  Il-Gvern jemmen f’Għawdex b’riżorsi umani ta’ kwalità, b’ambjent naturali, pajsaġġ u wirt kulturali uniċi, destinazzjoni turistika distinta, komunità li toffri servizzi soċjali u mediċi mill-aqwa, soċjetà fejn il-persuna u l-kwalità tal-ħajja huma fiċ-ċentru ta’ kull żvilupp.

 

Il-Gvern jemmen li ma jistax iħares lejn Għawdex mill-lenti ta’ Malta biss.  Il-progress soċjali u ekonomiku ta’Għawdex huwa frott ta’ tmexxija li tagħraf li ma tistax tmexxi lil din il-gżira daqs li kieku kienet biss distrett f’Malta.

 

F’Għawdex il-Gvern se joħloq ukoll l-opportunitajiet ta’ xogħol billi jimplimenta pakkett ta’ miżuri.  Fosthom tingħata prijorità lill-ambjent u lill-agrituriżmu; isir żvilupp ta’ mużewijiet ħajjin dwar snajja’ tradizzjonali, trejqiet fil-kampanja, portijiet tas-sajd u tas-sajd artiġjanali, faċilitajiet għall-cruise liners u għat-turiżmu sportiv. Il-patrimonju Għawdxi, b’mod partikolari ċ-Ċittadella u l-:gantija, se jiġu mħarsa.  Il-mira hija li Għawdex ikun mudell ta’ żvilupp sostenibbli.

 

MALTA, GŻIRA IMMA MHUX IŻOLATA

 

Fil-politika barranija tiegħu l-Gvern ikompli jimpenja ruħu bis-sħiħ fir-reġjun Ewro-Mediterranju.  Irid juża l-pożizzjoni strateġika u ġeografika tagħna u l-isħubija fl-Unjoni Ewropea bħala strument għall-paċi u l-prosperità fir-reġjun.  Ir-rabta speċjali tagħna bħala pajjiż membru ta’ l-Unjoni Ewropea mal-pajjiżi ġirien tkompli tissaħħaħ fl-interess ta‘ pajjiżna f’oqsma differenti bħall-immigrazzjoni u t-tfittix għaż-żejt.

 

It-tradizzjoni marittima tagħna fir-reġjun toffri lil pajjiżna opportunitajiet kbar li jipproponi t-twaqqif ta’ strutturi għal kooperazzjoni u ggvernar fir-reġjun Ewro-Mediterranju fl-oqsma tas-sajd, rotot tal-passaġġi tal-vapuri u attivitajiet marittimi oħra.

 

L-għan tal-Gvern hu li Malta tiżboq iċ-ċokon b’sehem kreattiv f’dinja li saret raħal wieħed.

 

Il-Gvern iqis li l-pajjiż għandu sfidi kbar u serji quddiemu.  Huwa determinat li b’responsabbilità ma jaħrabx mir-realtà iżda li jiffaċċjahom b’determinazzjoni. Il-Gvern jemmen bis-sħiħ li jkun jaqbel lill-pajjiż jekk jissawwar kunsens dwar kif għandhom jiġu indirizzati dawn l-isfidi.  Għaldaqstant, qiegħed minn issa jiftaħ il-bieb tiegħu għal kull min irid jaħdem miegħu favur l-aħjar interess tal-pajjiż.  Fil-ħidma tiegħu, il-Gvern irid ikun il-Gvern ta’ kulħadd u Gvern għal kulħadd.

 

Il-Gvern iqis li l-pajjiż jinsab fid-direzzjoni t-tajba u f’pożizzjoni tajba li jisfrutta aktar u aħjar il-benefiċċji ta’ l-għażliet li diġà għamel, ewlenin fosthom l-għażla ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea.  Fuq din id-direzzjoni, il-Gvern poġġa quddiemu viżjoni ċara iżda ambizzjuża ta’ fejn irid iwassal il-pajjiż sas-sena 2015. Minn issa tibda l-ħidma biex din il-viżjoni tintlaħaq u tissarraf f’realtà.

 

Din il-viżjoni trid tiġi mlaqqma mill-għażla fundamentali favur żvilupp sostenibbli.  Żvilupp sostenibbli biss huwa żvilupp veru, żvilupp li jwassal sabiex kull persuna tkun tista’ tilħaq il-milja tagħha. Il-Gvern jixtieq jistieden lil kulħadd sabiex jissieħeb f’patt għall-iżvilupp sostenibbli.

 

Il-ħidma ta’ din il-leġislatura, li qed tibda llum, hija ħidma iebsa u twila. Iżda hija ħidma li, jekk naħdmu flimkien, bħala poplu wieħed, bħala familja waħda, għandha twassal biex anki l-aktar sfidi iebsa jintgħelbu u l-aktar miri ambizzjużi jsiru possibbli.

 


HOME  |  GOV.MT  |  PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP