OPR- Il-Ħamis, 5 ta' Ottubru, 2006

 


DISKORS MILL-E.T. DR. EDWARD FENECH ADAMI, PRESIDENT TA' MALTA, WAQT ĊENA STATALI MOGĦTIJA F'GIEĦ L-E.T. S-SINJURA MARY MCALESSE U DOTTOR MARTIN MCALESSE

IL-PALAZZ, IL-BELT VALLETTA

5 TA OTTUBRU 2006


 

Sinjura President,

Dr McAleese,

Mistednin Distinti,

Sinjuri,

 

Marti u jien għandna l-pjaċir nagħtukom merħba minn qalbna f’Malta.  L-ewwel Viżita Statali f’Malta minn Kap ta’ Stat Irlandiż tixhed ir-relazzjonijiet tajba u d-djalogu kostruttiv li qegħdin jinbnew bejn iż-żewġ pajjiżi tagħna. 

 

L-Irlanda u Malta huma magħqudin b’rabtiet ta’ ħbiberija, valuri u ideali supremi u impenn komuni biex fl-Ewropa jkollna prosperità u sigurtà.  Bħala żewġ pajjiżi Ewropej imdawrin bil-baħar, kburin bl-indipendenza u l-wirt kulturali tagħhom, l-Irlanda u Malta qed jagħtu sehemhom fl-isforz favur il-ħolqien u l-konsolidazzjoni ta’ dinja b’aktar paċi, sigurtà u stabbiltà. 

 

Eċċellenza,

 

Ir-relazzjonijiet bejn l-Irlanda u Malta għandhom il-potenzjal li jissaħħu u jespandu fl-oqsma politiċi, kif ukoll f’dawk ekonomiçi u kulturali.  It-twaqqif reċiproku ta’ missjonijiet diplomatiċi permanenti, kif ukoll il-livelli preżenti ta’ skambji u kollaborazzjoni bejn il-pajjiżi tagħna huma xhieda ta’ l-iżvilupp kontinwu tar-relazzjonijiet li ż-żewġ pajjiżi tagħna qegħdin kulma jmur dejjem irawmu u jippromwovu. 

 

Malta saret membru ta’ l-Unjoni Ewropea fil-bealtaine, l-ewwel ta’ Mejju, tas-sena elfejn u erbgħa.  Bħalma taf int, f’dik il-ġurnata l-Poeta Lawreat Irlandiż Seamus Heaney kien qara poeżija fiċ-ċeremonja tat-tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropea. Huwa qal hekk: “Allura  dak il-jum li fih jaslu n-nies il-ġodda, Ejjew inqisuh bħala ritorn lejn id-dar...”.  Pajjiżi jħares lejn l-isħubija fl-Unjoni Ewropea bħala ritorn lejn id-dar tagħna, id-dar Ewropea li lilha nappartjenu.  Aħna ferħana u kburin li niffurmaw parti minn din il-familja ta’ ġnus li lilha ġiet fdata l-kostruzzjoni tal-blokki li jmiss f’din id-dar li hija l-Unjoni Ewropea.  Dak li nibnu aħna llum se jkun il-pedament li fuqu għad jibnu l-ġenerazzjonijet ta’ mexxejja u popli tal-futur.  Ejjew inħallu wirt sod lill-ġenerazzjoni tal-ġejjieni. 

 

Eċċellenza,

 

Is-sħubija fl-Unjoni Ewropea offriet liż-żewġ pajjiżi tagħna opportunitajiet ġodda kif ukoll sfidi ġodda li jeħtieġu metodi ġodda ta’ kif għandna nittrattawhom.  Aħna ħabrikna u għadna nħabirku, jiena ngħid b’suċċess, biex is-sħubija tal-pajjiżi tagħna fl-Unjoni Ewropea tirnexxi u se nkomplu nikkontribwixxu fil-bini ta’ Unjoni Ewropea li tirrendi valur miżjud lill-Istati Membri u liċ-ċittadini tagħha. 

 

 

Sinjura President,

 

Lilek sejħulek bennejja ta’ pontijiet u promotriċi tal-paċi.  Nixtieq nieħu din l-opportunità biex nesprimi l-ammirazzjoni tiegħi għax-xogħol dedikat tiegħek biex trawwem spirtu ta’ komunità kif ukoll spirtu ċiviku ma’ l-Irlanda kollha. Nammirak ukoll għall-mod kif użajt il-kariga tiegħek biex trawwem ir-rikonçiljazzjoni u tibni klima fejn il-Poplu jista’ jinqata’ mill-konflitti atroċi tal-passat. 

 

Bħala pajjiżi newtrali, l-Iranda u Malta huma kkwalifikati b’mod uniku għax-xogħol kruċjali u diffikultuż biex jistabbilixxu l-ftehim u l-fiduċja bejn il-qasmiet kulturali.  Malta hija pajjiż li kollu kemm hu huwa parti mill-Ewropa kif ukoll jinstab fil-qalba tal-Mediterran.  Għalhekk aħna wkoll infittxu li nagħtu sehemna fil-bini ta’ pontijiet tar-rispett u l-ħarsien reċiproku li huma tant meħtieġa biex jintemm iċ-ċiklu ta’ miżerja umana u jżomm id-dinja post ta’ sigurtà.  Malta tqis lilha nnifisha, u jqisuha, bħala pont bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar.  Għalhekk Malta tħabrek biex tikkontribwixxi għall-ħarsien, is-sigurtà u l-istabbiltà fir-reġjun tal-Mediterran u għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet mal-pajjiżi ta’ l-Afrika tat-Tramuntana. 

 

Eċċellenza,

 

B’sogħba kbira dawn l-aħħar snin il-baħar Mediterran għaddej minn traġedja umana fuq skala kbira fejn mijiet ta’ nies qed jitilfu ħajjithom waqt li jkunu jbaħħru biex jaslu fuq ix-xtut ta’ l-Ewropa.  Dan il-fenomenu qed jittestja b’mod qawwi l-kapaċità ta’ l-istati Ewropej tal-Mediterran biex ilaħħqu ma’ dan li donnu huwa influss ma jaqta’ xejn ta’ nies.  Din hija problema li Malta qed tiffaċċja b’mod serju minħabba l-influss li qatt ma kellna bħalu ta’ immigranti irregolari li qiegħed ipoġġi piż sproporzjonat fuq ir-riżorsi limitati tal-gżira tagħna.  Malta hija grata lejn l-Irlanda talli ħaddnet il-prinċipju tal-qsim tal-piżijiet u aċċettat li tgħin lil Malta billi tilqa’ numru ta’ rifuġjati fit-territorju tagħha.  Il-problema ta’ l-immigrazzjoni irregolari hija sfida komuni għall-Ewropa li tirrikjedi sforz kollettiv u kompatt.  B’danakollu l-Unjoni Ewropea ma tistax issolvi l-problema waħedha – trid tagħmel hekk b’mod komprensiv billi taħdem f’kollaborazzjoni mal-pajjiżi ġirien ta’ l-Afrika tat-Tramuntana u tinvolvi wkoll lill-pajjiżi Afrikani li minnhom ġejjin l-immigranti. 

 

Bħala Stati Membri tal-Ġnus Magħquda, l-Irlanda u Malta huma nvoluti b’mod attiv fil-proċessi ta’ l-organizzazzjoni.  Elementi ewlenin tal-politika barranija tagħna huma l-promozzjoni tal-paċi, tad-demokrazzija, tad-drittijiet umani u ta’ l-iżvilupp bħala l-unika bażi biex niksbu prosperità sostenibbli.  Malta tilqa’ u tħares ’il quddiem lejn l-opportunitajiet preżenti u futuri favur sforzi konġunti, speċjalment fi ħdan il-Ġnus Magħquda. 

 

Eċċellenza,

 

Illum l-Irlanda qed tgawdi suċċess kbir fil-qasam ekonomiku.  Il-kisbiet ekonomiċi ġabu prosperità u opportunità lill-Poplu tagħkom.  L-għaqda ta’ Malta ma’ l-Unjoni Ewropea ftit aktar minn sentejn ilu ġabet bidliet fl-ekonomija tagħna li għandhom iwasslu għal żvilupp ekonomiku pożittiv.  Għandi fiduċja li l-Irlanda u Malta qegħdin fuq it-triq it-tajba biex jiżviluppaw relazzjonijiet dejjem aktar mill-qrib fl-isfera kummerċjali, u b’hekk iżidu l-prosperità, joħolqu impjiegi ġodda u jsibu sħab ġodda fin-negozju, għall-ġid tal-Popli tagħna. 

 

Eċċellenza,

 

L-Irlanda hija magħrufa f’Malta għall-wirt kulturali tagħha, għall-arti, il-letteratura, il-mużika u l-folklor.  Dawk li jħobbu l-letteratura jistgħu jogħxew fuq ix-xogħlijiet ta’ l-awturi u l-poeti kbar Irlandiżi, bħalma huma x-xogħlijiet kbar ta’ James Joyce li jgħidu li qal li ried “jagħti stampa ta’ Dublin li kienet preċiża b’tali mod li kieku l-Belt kellha f’daqqa waħda tisparixxi minn wiċċ id-dinja, kien ikun possibbli li tiġi kostruwita mill-ġdid mill-ktieb tiegħi” u b’hekk jipparteċipaw fl-esperjenza u fil-perspettiva li ħaddieħor għandu  ta’ pajjiżkom. 

Inti sa tiskopri li Malta hija art li fil-karattru tagħha tispikka l-istorja antika u l-arkitettura tagħha, li nbniet matul ħafna sekli u fejn it-traċċi ta’ popli, kulturi u lingwi differenti jintisġu flimkien. 

 

Għal tlett elef sena, minn madwar ħamest elef u mitejn sena Qabel Kristu, l-arċipelagu kien abitat minn ċivilizzazzjoni unika ta’ bennejja ta’ tempji.  L-Ipoġew, li inti se żżur sakemm iddum hawn, huwa labirint ta’ kmamar taħt l-art li x’aktarx kienu jintużaw bħala post tad-dfin u bħala tempju.  L-Imdina, li inti żort illum, għandha l-oriġni tagħha li jmorru lura għal aktar minn erbat elef sena.  Il-Belt Valletta fejn ninsabu miġburin illejla hija belt fortizza li nbniet mill-Kavallieri ta’ San :wann u hija kapolavur tal-Barokk.  Nispera li ż-żjara tiegħek f’Malta tkun waħda ħienja u memorabbli.

 

Eċċellenza,

 

M’għandix dubju li, in vista tal-valuri, l-ideali u l-viżjoni tal-futur komuni tagħna, l-Irlanda u Malta se jżommu bejniethom relazzjonijiet bilaterali kontemporanji mill-aħjar kif ukoll se jiżviluppaw aktar u jintensifikaw rabtiet fl-oqsma kollha. 

 

B’dawn il-ħsibijiet nitlobkom, mistednin distinti, biex flimkien miegħi tixorbu bis-saħħa ta’ l-Eċċellenza Tagħha l-President ta’ l-Irlanda u Dr McAleese, kif ukoll b’riżq il-paċi u l-prosperità tal-Poplu ta’ l-Irlanda u l-ħbiberija dejjiema bejn il-Popli ta’ Malta u l-Irlanda.

 


HOME  |  GOV.MT  |  PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP