OPR- L-Erbgħa, 13 ta' Diċembru, 2006

 


INDIRIZZ MILL-E.T. DOTT. EDWARD FENECH ADAMI, PRESIDENT TA’ MALTA, FL-OKKAŻJONI TA’ JUM IR-REPUBBLIKA – SALA TAL-GRAN KUNSILL, IL-PALAZZ, VALLETTA

L-ERBGĦA, 13 TA’ DICEMBRU 2006


Huwa pjaċir għalija li qed nindirizzakom fil-jum li fih Malta qed tiċċelebra Jum ir-Repubblika, jum li jġegħelna nħarsu lejn dak li aħna u dak li jagħmilna Maltin. 

 

Malta tinsab strateġikament fiċ-ċentru tal-Baħar Mediterranan, imdawwar kif inhu bl-art u mimli storja.  Ir-realtajiet ġeografiċi u storiċi ta’ Malta kellhom influwenza profonda fuq il-gżira tagħna. L-espressjoni etnika lingwistika tagħna, kif ukoll il-wirt kulturali u arkitettoniku tagħna huma mera li tirrifletti ċar il-ħakkiema barranin tal-gżira u l-kulturi ġirien li jiċċirkondawha. 

 

L-istorja tal-gżira tagħna tinfirex miż-żminijiet bikrija tal-preistorja sal-perijodi li ġew aktar tard u saż-żminijiet moderni. Il-mezzi li bihom il-bniedem esprima ruħu f’dan il-pajjiż iħaddnu firxa li testendi matul iż-żminijiet għal perijodu ta’ madwar sitt elef sena.  Il-ħafna Popli li ħakmu jew inkella għexu fil-gżira tagħna ħallew l-impronta tagħhom.  Id-diversità kulturali tagħhom hija riflessa fil-wirt arkitettoniku uniku ta’ Malta – it-tempji Megalitiċi tagħha, li huma Siti ta’ Wirt Mondjali ta’ l-UNESCO, id-djar, l-istrutturi militari, il-palazzi, il-knejjes, il-kappelli u n-niċeċ votivi umli tagħha.

 

Is-soċjetà Maltija hija magħquda flimkien b’sens ta’ komunità, imsejsa fuq valuri, kultura u tradizzjonijiet Kristjani mħaddna minna lkoll.  Huwa dan l-ispirtu ta’ komunità li joħloq fost il-Maltin l-interess f’xulxin u fil-futur tal-gżira tagħna. 

 

F’bosta okkażjonijiet pajjiżna ġie msejjaħ biex jieħu xi pass qalbieni u li jidħol għal xi vjaġġ ambizzjuż.  L-storja reċenti ta’ pajjiżna tiċċelebra tliet ġrajjiet importanti   –  dak meta l-mexxejja u l-Poplu ta’ pajjiżna b’kuraġġ qabdu t-triq li wasslet biex Malta ħadet l-istatus ta’ l-indipendenza fl-1964, kisba li ġiet imsaħħa meta fl-1974 Malta saret Repubblika u nħatar l-ewwel President tar-Repubblika.  Aktar tard għal darba oħra, meta, ftit aktar minn sentejn ilu, il-Poplu Malti għażel f’referendum nazzjonali li jingħaqad ma’ l-Unjoni Ewropea u b’hekk rabat il-futur ta’ pajjiżu  ma’ dak ta’ din il-komunità ta’ Stati bbażata fuq valuri komuni – rispett għad-drittijiet umani, id-demokrazija, is-solidarjetà fost il-popli u s-suq ħieles mibni fuq il-valuri soċjali.  Ftit wara l-Parlament Malti ta vot unanimu favur Trattat Kostituzzjonali għall-Istati Membri kollha. 

Meta Malta ngħaqdet ma’ l-Unjoni Ewropea, din ma kisbitx biss drittijiet u vantaġġi imma refgħet ukoll sehem mir-responsabbiltà Ewropea.  Jiena nistħajjel l-umanità bħala komunità kbira u waħda, u huwa minn din il-komunità u s-solidarjetà li toħroġ ir-responsabbiltà tagħna lejn ħaddieħor.  Għandi fehma sħiħa li ma nistgħux u m’għandniex nibqgħu nimmaġinaw li dak li sejjer ħażin f’parti oħra tad-dinja ma jolqotx lilna wkoll. 

 

Malta għandha identità Ewropea, kif ukoll dimensjoni Mediterranja.  Iċ-ċokon karatteristiku u l-qagħda ġeografika strateġika ta’ pajjiżna juru li aħna qegħdin f’pożizzjoni tajba biex nagħmluha ta’ interlokuturi biex inrawmu u nippromwovu spirtu ta’ djalogu miftuħ, komunikazzjoni u ftehim bejn diversi pajjiżi u diversi Popli.  Pajjiżna, il-mexxejja u l-Poplu tiegħu, ħadmu u għad ikomplu jaħdmu b’determinazzjoni modesta u umli iżda qawwija biex jassiguraw futur aħjar. 

 

L-iżviluppi fit-teknoloġiji moderni bidlu d-dinja li ngħixu fiha.  It-teknoloġija ta’ l-informazzjoni u l-komunikazzjoni għamlu rivoluzzjoni fil-mod kif aħna nikkomunikaw.  Il-media twasslilna fi djarna trasmissjonijiet diretti minn postijiet imbiegħda.  Il-mobbiltà żdiedet.  In-nies jivvjaġġjaw jew jaħarbu minn pajjiżhom u jiġu ffaċċjati b’mod dirett ħafna bid-diversità ta’ l-oħrajn li tista’ tirriżulta f’diversi tensjonijiet u problemi.  Hawnhekk nappella lil kulħadd biex nirrispettaw kwalunkwe ħaġa li tagħżel Popli u kulturi minn oħrajn, biex b’hekk nitgħallmu minn dawk li huma differenti minna, aktar milli dawk id-differenzi nagħmluhom bħala ħitan ta’ firda u nuqqas ta’ ftehim. 

 

Kemm-il darba lmentajna dwar id-diskrepanza li teżisti bejn dak li wieħed jixtieq jagħmel u dak li wieħed jasal biex jagħmel?  Illum qed nagħtu ġieħ lil ftit mill-ħafna individwi li impenjaw ruħhom biex għelbu dak li jifred ix-xewqa mit-twettiq u li stinkaw biex irnexxew fl-għan tagħhom.  Nieħu din l-opportunità biex insellem b’mod speċjali lil dawk li l-kontribut uniku tagħhom lejn l-evoluzzjoni ta’ gżiritna mhux qed jiġi rikonoxxut illum, biex napprezzaw l-isforzi tagħhom u nagħrfu r-responsabbiltà tagħna li nissalvagwardjaw u nippreservaw il-wirt tagħhom għall-ġenerazzjonijiet futuri.  Nixtieq ukoll nirrikonoxxi l-kontribut lejn is-soċjetà tagħna minn dawk l-individwi umli iżda qawwija li niltaqa’ magħhom fiż-żjarat tiegħi fl-ibliet u l-irħula ta’ Malta u Għawdex, li jiddedikaw ruħhom biex jgħinu lil dawk li jeħtieġu għajnuna, bħalma huma dawk bi bżonnijiet speċjali, l-anzjani u dawk li għaddejjin minn żminijiet diffiċli fil-familji tagħhom.  Il-kontribut ta’ kull individwu, kemm jekk rikonoxxut formalment kif ukoll jekk le, huwa rigal prezzjuż għalina u għas-soċjetà tagħna.


HOME  |  GOV.MT  |  PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP