OPR- Il-Ħamis, 13 ta' Diċembru, 2007
INDIRIZZ MILL-E.T. DOTT. EDWARD FENECH ADAMI, PRESIDENT TA’ MALTA, FL-OKKAŻJONI TA’ JUM IR-REPUBBLIKA – SALA TAL-GRAN KUNSILL, IL-PALAZZ, VALLETTA
IL-ĦAMIS, 13 TA’ DICEMBRU 2007
Ghal darb’ oħra qegħdin niltaqgħu f’Jum ir-Repubblika biex nagħtu ġieħ lil numru ta’ persuni bl-Investitura tagħhom fl-Ordni Nazzjonali għall-Meritu.
Jum ir-Repubblika huwa anniversarju ta’ meta l-Parlament Malti ddeċieda li l-forma repubblikana hija l-aħjar forma ta’ gvern biex jiġi amministrat pajjiżna b’kostituzzjoni demokratika aġġornata minn żmien għal żmien fl-aħjar interess taċ-ċittadini Maltin. Illum huwa t-tlieta u tletin anniversarju tal-proklamazzjoni tar-Repubblika; żmien biżżejjed li ta prova li l-għażla tal-Parlament Malti kienet għażla tajba.
Ir-Repubblika ta’ Malta hija mibnija fuq valuri u llum qegħdin nagħtu ġieħ għal darb’ oħra lil numru ta’ nies li ddistingwew ruħhom fit-tħaddim ta’ dawn il-valuri. Fost dawn il-valuri nsemmi: it-tkattir u d-dinjità tax-xogħol, l-għożża tal-kultura li tagħtina l-identità tagħna, l-edukazzjoni, ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem, is-solidarjetà, protezzjoni ta’ l-ambjent u, mhux l-anqas, il-familja.
L-okkażjoni tal-lum tfakkarna li dawn il-valuri m’għandniex noħduhom bħala mogħtija, iżda jixirqilhom is-sostenn bla waqfien tagħna mhux biss bħala Stat iżda wkoll b’mod personali u individwali: kull wieħed minna għandu jqis bħala dmiru l-prattika u d-difiża ta’ dawn il-valuri.
Ta’ min jistaqsi hawn: fid-dinja globalizzata tal-lum ir-rispett ta’ dawn il-valuri qiegħed isir aktar faċli jew aktar diffiċli? Wisq nibża’ li l-ħtieġa ta’ protezzjoni ta’ xi wħud minn dawn il-valuri qiegħda fil-prattika ssir aktar diffiċli.
Ma hemmx dubbju li x-xogħol u l-opportunitajiet għax-xogħol qegħdin jitkattru. Dan tixhdu statistika uffiċjali li turi li n-numru ta’ nies jaħdmu bi qligħ qiegħed dejjem jiżdied filwaqt li n-numru ta’ dawk jirreġistraw għax-xogħol qiegħed jonqos. Ta’ min jinnota wkoll li l-għaqdiet tal-ħaddiema għadhom b’saħħithom fis-salvagwardja tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-prattika tad-djalogu bejn il-partijiet soċjali tidher li qed tagħti frott. Iżda hemm il-periklu li numru ta’ persuni jitqiesu kważi mhux tajbin għax-xogħol, “unemployable”, u li xi wħud iqisu li kull ma għandu jagħmel l-Istat hu li jsostni lil dawn bis-servizzi soċjali. Ninkoraġġixxi li tali persuni jaħtfu t-taħriġ offrut lilhom u nappella lil min iħaddem juri fiduċja fihom. Din il-problema qiegħda tiġi indirizzata kemm f’livell nazzjonali kif ukoll mill-Unjoni Ewropea.
L-edukazzjoni f’kull livell hija miftuħa għal kulħadd, kif jixhed in-numru dejjem akbar ta’ żgħażagħ li jilħqu livell ta’ edukazzjoni terzjarja. Iżda għad hemm numru ta’ żgħażagħ li ma jirnexxilhomx jakkwistaw il-minimu meħtieġ biex ikunu tabilħaqq jistgħu jgħixu ħajja deċenti, mingħajr il-periklu li jiġu emarġinati.
Il-protezzjoni ta’ l-ambjent hija fuq fomm kulħadd, iżda wieħed għandu jinnota nuqqas ta’ rispett lejn l-ambjent b’inċidenti ta’ vandaliżmu u sfruttament ta’ artijiet u bini mhux konformi mal-valur ta’ l-għożża ta’ l-ambjent.
Il-familja għadha b’saħħitha f’Malta, forsi aktar milli f’pajjiżi oħra, iżda wieħed bilfors jinnota li anke f’Malta l-valur tal-familja qed jiddgħajjef minn sena għall-oħra. Indikazzjoni ta’ dan hija l-istatistika uffiċjali li turi li fl-2006 in-numru ta’ trabi li twieldu barra miż-żwieġ laħħaq aktar minn wieħed u għoxrin fil-mija tat-trabi kollha li twieldu dik is-sena.
Fil-qasam tad-drittijiet umani f’Malta għandna l-protezzjoni legali sħiħa u l-osservanza ta’ dawn id-drittijiet, iżda m’aħniex ħielsa mit-tentattiv li qiegħed isir u ġa sar f’pajjiżi oħra, li f’isem dawn l-istess drittijiet, jiġi legalizzat id-dritt għall-abort u għall-ewtanasja, fost affarijiet oħra. Malta ħabbtet wiċċha ma’ dawn il-problemi ta’ natura etika u morali fiż-żewġ konferenzi dwar drittijiet tan-nisa li saru fil-Kajr u f’Beijing fl-1994 u 1995 rispettivament. Il-mibki Papa ġwanni Pawlu II, fil-ktieb tiegħu Memorja u Identità jsaqsi jekk “twildetx Ideoloġija ġdida tal-ħażen li trid tinqeda saħansitra bid-drittijiet umani kontra l-istess bniedem u kontra l-familja.”
Għalhekk inħoss li filwaqt li għandna nifirħu u nkunu kburin li s-soċjetà Maltija għadha tgħożż il-valuri morali nsara li sawru l-identità tagħna, irridu nkomplu ngħassu biex ngħaddu lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna l-għożża ta’ dawn il-valuri.
Nifraħ u niżżuħajr lil dawk kollha li llum se jiġu onorati għall-kontribut li taw u li qed jagħtu lis-soċjetà Maltija.
|
HOME | GOV.MT | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |