OPR- It-Tnejn 7 ta' Novembrru
DISKORS MILL-EĊĊELLENZA TIEGĦU DOTT EDWARD FENECH ADAMI, PRESIDENT TA’ MALTA, LIL MAESTÀ JUAN CARLOS TA’ SPANJA, WAQT ŻJARA UFFIĊJALI FI SPANJA
MADRID - IT-TNEJN, 7 TA’ NOVEMBRU, 2005
Ninsab ferħan li x-xorti misset lili biex nkun jien li nwettaq l-ewwel żjara uffiċjali ta’ Kap ta’ Stat Malti fi Spanja. Ninsab kuntent aktar u aktar li qed inżur dan il-pajjiż ħabib u akkoljenti ftit ġranet biss ’l bogħod mit-tletin anniversarju minn meta l-Maesta` Tiegħek ġie inkurunat Re ta’ Spanja.
Ġimgħatejn ilu, l-Altezza Tiegħu l-Prinċep Felipe, f’kelmtejn li għamel waqt il-25 edizzjoni ta’ l-Għoti tal-Premjijiet tal-Prinċep ta’ Asturias, raddlek ġieħ mistħoqq waqt li faħħar il-passi ta’ ġgant li għamlet Spanja f’dawn l-aħħar tletin sena. Kif qal tajjeb l-Altezza Tiegħu, Spanja hija llum pajjiż modern u miftuħ, li tgawdi l-ammirazzjoni ta’ ħafna popli minn kull rokna tad-dinja. Il-progress tan-nazzjonijiet ma jinkisibx biss bil-bżulija, bl-għaqal u bis-sens ta’ ordni li jħaddnu ċ-ċittadini, iżda jintlaħaq ukoll bir-rispett tal-popli lejn min ikun imexxihom. Jiena ċert li l-kwalitajiet personali ta’ ħidma bla heda u mħabba patrijottika tal-Maesta` Tiegħek għenu bil-kbir fit-tiswir ta’ Spanja bħala qawwa politika Ewropea importanti fir-reġjun tal-Mediterran.
Maesta`
Malta u Spanja ilhom midħla ta’ xulxin. Saħansitra, mill-1282 il-gżejjer Maltin iffurmaw parti mir-Renju ta’ Aragona u ta’ Spanja, sakemm f’Marzu ta’ l-1530 l-Imperatur Karlu V għadda l-gżejjer Maltin lill-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. Il-Kavallieri ta’ Malta, kif dawn huma llum magħrufa, kienu minn Spanja, il-Portugall, l-Ingilterra, il-Ġermanja, Franza u l-Italja - tista’ tgħid li dawn kienu il-predeċessuri ta’ l-Unjoni Ewropea tal-lum. Tmienja, minn tmienja u għoxrin Gran Mastru ta’ L-Ordni f’Malta kienu Spanjoli u dan il-fatt jirriżulta f’wirt kulturali Spanjol li għadu preżenti f’pajjjiżna sal-ġurnata tal-lum.
Tul iż-żminijiet Malta u Spanja kellhom bosta kuntatti ma’ xulxin u ġieli l-istorja ta’ pajjiżkom ixxebbilket ma’ dik ta’ pajjiżna. Kienu kartografi mill-gżejjer Baleariċi li pinġew uħud mill-eqdem mapep ta’ Malta. Sal-bidu tas-Seklu Dsatax, il-kummerċ tal-qoton Malti ma’ Spanja kien wieħed li kien jirrendi qliegħ tajjeb. Għadek tiltaqa’ ma’ bosta kunjomijiet Maltin fi Spanja, speċjalment fl-inħawi ta’ Valenzja, xhieda ta’ b’liema ħeġġa l-Maltin fi żminijiet imgħoddija kienu xeħtu l-egħruq tagħhom f’dan il-pajjiż, bħal tagħhom Mediterranju u akkoljenti. L-uniċi fosos għall-ħżin tal-qamħ taħt l-art li għadhom jeżistu fl-Ewropa huma f’Burjassot, fil-Komunita’ Valenzjana, u dawk ta’ Malta.
Ġeografikament, storikament, kulturalment u politikament, l-istorja taż-żewġ pajjiżi dejjem kienet marbuta mar-reġjun tal-Mediterran. Illum Malta u Spanja bħala membri ta’ l-Unjoni Ewropea jiżguraw dimensjoni Mediterranja. Fis-sena 1995 f’Barċellona tkebbset il-fjamma ta’ inizjattiva biex jitkattar il-ġid soċjali u ekonomiku f’ħidma għalenija bejn il-pajjiżi ta’ l-Ewropa u dawk tal-Mediterran. F’egħluq l-għaxar snin mit-tnissil ta’ dan il-Proċess l-istess belt ser terġa’ tlaqqa’ l-EuroMediterranean Partnership sabiex, b’ħarsa ’l quddiem, naraw kif tista’ tagħti riżultati aktar fejjieda. Nawgura li l-attivitajiet ta’ l-għaxar anniversarju ta’ dan il-Process daqstant importanti fil-Mediterran jkunu produttivi u jagħtu riżultat pożittiv.
Maesta`
Il-kooperazzjoni bilaterali bejn Malta u Spanja wkoll qiegħda toktor. Nieħdu pjaċir naraw investiment Spanjol f’Malta. Qed nilqgħu ġo pajjiżna lukandi, kumpaniji fil-qasam farmaċewtiku, fil-qasam ta’ tagħmir elettroniku, servizz ta’ trasport bl-ajru bejn il-gżejjer ta’ Malta u Għawdex, kollha b’interessi Spanjoli. Nixtiequ nħajru dejjem aktar studenti minn Spanja biex jiġu jistudjaw il-lingwa Ingliża. Fl-istess ħin qed ukoll jitrawwem interess dejjem aktar qawwi fost il-Maltin fl-istudju tal-lingwa Spanjola.
Il-kelma kooperazzjoni tintrabat ma’ l-imħabba għall-proxxmu. Xhieda ta’ dan hija l-għajnuna li dejjem tat Spanja kull meta kien hemm il-bżonn. Hawnhekk nixtieq ngħid kelma speċjali ta’ rikonoxximent b’ammirazzjoni għax-xogħol siewi tal-Maesta’ Tagħha r-Reġina Sofia fil-qasam umanitarju, għajnuna indirizzata biex ittaffi t-tbatija ta’ dawk l-anqas ixxurtjati, fil-ġlieda kontra l-mard u kontra t-trattament ħażin.
Maesta`
Nixtieq nirringrazzjak tal merħba li tajtuna ġewwa pajjiżkom u ta’ l-akkoljenza f’dan il-Palazz. Jiena ninsab fiduċjuż illi r-rabtiet li ssawru bejn Spanja u Malta tul is-sekli jkomplu jissaħħu u jiżviluppaw fil-futur. Intenni l-istedina sabiex il-Maesta` Tagħkom tiġu Malta, fi żmien qasir, sabiex dak li nbeda matul is-snin imgħoddija, jiżdied u jitkompla.
Nagħlaq billi f’isem marti u l-Poplu Malti nagħti l-isbaħ xewqat lill-Maesta` Tagħkom wara li l-ġimgħa l-oħra tħabbar it-twelid ta’ neputija oħra, l-Infanta Leonor, l-ewwel wild ta’ l-Altezza Tiegħu l-Prinċep Felipe u l-Prinċipessa Letizia, li kompliet tkabbar il-familja Rjali Spanjola.
B’dawn ir-riflessjonijiet nistedinkom, Eċċellenzi, Sinjuri, biex nixorbu bis-saħħa tal-Maesta` Tiegħu r-Re Juan Carlos u r-Reġina Sofia u bis-saħħa tal-ħbiberija bejn il-Popli ta’ Malta u ta’ Spanja.
|
HOME | GOV.MT | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |