OPR- It-Tlieta 4 ta' Lulju, 2006
DISKORS MILL-EĊĊELLENZA TIEGĦU DOTT. EDWARD FENECH ADAMI, PRESIDENT TA’ MALTA WAQT PRANZU STATALI MOGĦTI MILL-EĊĊELLENZA TIEGĦU S-SUR ZINE EL ABIDINE BEN ALI, PRESIDENT TAT-TUNEŻIJA - CARTHAGE PALACE, TUNEŻ
IT-TLIETA, 4 TA’ LULJU 2006
Eċċellenza
Mistednin distinti
L-ewwelnett nixtieq nibda billi nesprimi l-gratitudni profonda tiegħi lejk personalment u lejn il-Poplu tat-Tuneżija għal-laqgħa kordjali u ġeneruża li ngħatat lilna minn mindu wasalna fil-pajjiż sabiħ tagħkom. Iż-żjara tagħna hawnhekk tagħtini l-opportunita` biex nara b’għajnejja l-isforzi eċċezzjonali u r-riżultati li tmisshom b’idejk li inti ksibt bl-investiment ippjanat u kostanti fl-edukazzjoni u t-taħriġ immirat fir-riżorsi umani, li inti sewwa dejjem stqarrejt li huwa l-aktar riżors prezzjuż mir-riżorsi kollha, u l-uniku garanti ġenwin għall-iżvilupp uman.
Minn mindu inti żort Malta s-sena l-oħra, it-Tuneżija għandha biex tkun kburija b’ħafna stejjer ta’ suċċess li kisbet taħt it-tmexxija għaqlija tiegħek, fosthom ta’ min isemmi s-Summit Mondjali fuq is-Soċjetŕ ta’ l-Informazzjoni li ospitajtu b’suċċess f’pajjiżkom, in-nominazzjoni tat-Tuneżija biex tmexxi l-Organizzazzjoni Mondjali tat-Turiżmu, l-elezzjoni għall-Kunsill tad-Drittijiet Umani li għadu kemm ġie mwaqqaf, l-isforzi kontinwi tiegħek biex tagħti imbuttatura ġdida lill-Għaqda Għarbija tal-Maghreb u l-ewwel laqgħa tal-Five-Plus-Five dwar it-turiżmu li ġiet proposta minn Malta fl-aħħar laqgħa tal-Five-Plus-Five tal-Ministri ta’ l-Affarijiet Barranin fil-Belt Valletta f’Ġunju ta’ l-2005.
Eċċellenza
L-istorja u l-ġeografija taw lit-Tuneżija u lil Malta legat li jaqsmu flimkien li jinkludi l-wirt Feniċju u dak Kartaġiniż. Iż-żewġ pajjiżi tagħna jaqsmu bejniethom esperjenzi komuni – Malta u t-Tuneżija fittxew attivament politika biex tissaħħaħ il-paċi u l-istabbilita` fir-reġjun; aħna t-tnejn qed nippruvaw immexxu ’l quddiem l-aspirazzjonijiet tal-popli tal-Mediterran fil-fora internazzjonali, u naħdmu biex niksbu l-prosperita` u futur aħjar għall-popli tagħna.
Dan il-legat li naqsmu flimkien iġib miegħu responsabbilta` fuqna t-tnejn fil-Mediterran ċentrali, fl-ispazju Ewro-Mediterranju u fil-proċessi varji ta’ l-integrazzjoni reġjonali, bħal m’huma l-Proċess ta’ Barċellona u l-Five-Plus-Five. F’dan il-kuntest għandna nirsistu biex insawru proġetti konkreti flimkien fl-ambitu tal-Politika Ewropea tal-Pajjiżi Ġirien ta’ l-Ewropa u biex niżviluppaw sħubija tassew reġjonali bil-għan ta’ żvilupp soċjo-ekonomiku tar-reġjuni skond inizjattivi bħall-INTERREG. Hemm bżonn nidentifikaw soluzzjonijiet prattiċi li jaqdu l-interessi tagħna t-tnejn, bil-għan li nikkonsolidaw il-kooperazzjoni ekonomika Ewro-Mediterranja fil-baħar Mediterran.
Il-katastrofi traġika umana li qed naraw ta’ kuljum fil-Mediterran, fejn mijiet ta’ immigranti illegali mill-Afrika tas-sub-Sahara qed jaslu fuq xtutna, hija ’l bogħod ferm mill-ideal ta’ baħar ta’ paċi u stabbilta` li qed nistinkaw li jkollna fil-baħar li naqsmu bejnietna. Is-solidarjeta` trid tissarraf ukoll f’assistenza lill-pajjiżi fejn l-ewwel jaslu fihom l-immigranti biex ikunu jistgħu jlaħħqu ma’ dawn il-wasliet kbar li qegħdin jeżawrixxu r-riżorsi tagħna aktar milli nifilħu. Malta temmen f’politika ta’ immigrazzjoni olistika li tinvolvi sforz kollettiv tal-pajjiżi minn fejn joriġinaw minnhom l-immigranti, il-pajjiżi fejn jaslu, u l-pajjiżi li jkunu d-destinazzjoni aħħarija tagħhom. Aħna nemmnu li huwa biss billi nindirizzaw il-problemi tal-faqar estrem fl-oriġini tagħhom li l-iżvilupp veru soċjo-ekonomiku jista’ jiġi milħuq u jitwaqqfu dawn il-mewġiet ta’ migrazzjoni illegali.
Huwa b’ċertu sodisfazzjon illi nara l-mixja ta’ l-evoluzzjoni tal-mogħdija komuni li wegħedna li ż-żewġ pajjiżi tagħna jimxu fiha. Il-kummissjoni mħallta li ltaqgħet fit-Tuneżija fil-livell ta’ Ministri Barranin fi Frar li għadda kompliet tikkonsolida l-kooperazzjoni bilaterali tagħna fuq bosta livelli u din laħqet il-milja tagħha b’dikjarazzjoni komuni li nimxu ’l quddiem flimkien, biex infittxu f’liema żoni tal-blata kontinentali nistgħu nagħmlu esplorazzjoni u esplojtazzjoni miż-żewġ pajjiżi tagħna flimkien.
Il-ftehim ta’ kooperazzjoni li ffirmajna llum fl-oqsma tas-servizzi mediċi u tas-saħħa pubblika, l-artiġjanat, u t-teknoloġija ta’ l-informazzjoni u l-komunikazzjoni jkomplu jżidu ma’ l-għadd ta’ ftehim oħra li diġa’ jeżistu, fosthom il-kooperazzjoni fl-oqsma ta’ l-investimenti, il-kooperazzjoni kulturali, xjentifika u teknika, sajd u agrikoltura u l-ambjent. Dawn huma prova li l-pajjiżi tagħna huma kommessi għal sħubija strateġika fuq bosta livelli. Huma wkoll miżura tanġibbli tal-livell eċċellenti tar-relazzjonijiet ta’ bejnietna, kemm bħala ġirien kif ukoll bħala ħbieb. Din is-sena kienet waħda li rat diversi missjonijiet tekniċi kemm fit-Tuneżija kif ukoll f’Malta jimplimentaw dawn il-ftehim ta’ kooperazzjoni.
Sur President
Id-Dikjarazzjoni Konġunta tagħna ta’ Intenzjoni dwar l-Esplorazzjoni u l-Esplojtazzjoni taż-Żejt huwa ftehim ta’ tifsira sinifikanti li għandu jwassal għall-qabża fil-kwalita` tas-sħubija strateġika ta’ bejnietna. L-opportunitajiet ta’ investiment għaż-żewġ naħat żgur li se jintensifikaw issa li ġie maħluq il-Kunsill tan-Negozju Malta-Tuneżija. It-Trattat tagħna ta’ Ħbiberija, ta’ Bon Viċinat u ta’ Kooperazzjoni għandu jidħol fis-seħħ fi żmien qasir malli jiġi ratifikat mill-Kamra tad-Deputati tagħkom.
Ninsab konvint illi r-rabta tagħna għal sħubija strateġika bejn Malta u t-Tuneżija fiċ-ċentru tal-Mediterran, msejsa fuq il-passat li naqsmu flimkien u fuq it-twemmin ta’ ġejjieni komuni tagħna, hija kif għandna nipproċedu. Din l-isħubija strateġika hija ta’ valur kbir u mill-iktar sinifikanti għaż-żewġ pajjiżi.
Eċċellenza
Malta tħabrek sabiex tiżgura li l-Mediterran jokkupa l-post xieraq tiegħu fl-affarijiet internazzjonali u fl-aġenda ta’ l-Unjoni Ewropea. F’Malta għandek issib ħabib veru fl-Unjoni Ewropea, ħabib li jifhem ir-realtajiet tat-Tuneżija, il-preokkupazzjonijiet u l-aspirazzjonijiet tagħha. Aħna ninsabu konxji ħafna mill-fatt li l-komplessita` tar-Reġjun Ewro-Mediterranju jġiegħlna lkoll nieħdu deċiżjonijiet responsabbli fil-livell ta’ l-Unjoni Ewropea li jġibu flimkien u mhux ibegħdu kulturi diversi u komunitajiet ibbażati fuq valuri universali ta’ paċi, rispett lejn xulxin u solidarjeta`. F’dan ir-rigward nieħu din l-opportunita` biex infaħħar l-isforzi ma jaqtgħu xejn tiegħek li taħdem biex ikun hemm djalogu, toleranza u turija ta’ rispett lejn il-kulturi, iċ-ċiviltajiet u r-reliġjonijiet kollha permezz tas-Sedja li inti ħloqt għal dan il-għan.
B’dawn il-ħsibijiet, nistedinkom, Eċċellenzi, Sinjuri, biex nixorbu bis-saħħa tal-President tat-Tuneżija u b’riżq il-ħbiberija bejn il-Gvernijiet u l-Popli ta’ Malta u tat-Tuneżija.
|
HOME | GOV.MT | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |