|
Mistednin Distinti, Huwa ta’ pjaċir għalija illum li qed nippresjedi għall-ewwel darba, minn mindu dħalt fil-kariga ta’ President ta’ Malta, it-tnedija ta’ pubblikazzjoni ġdida. Għalija li ġej mill-qasam legali huwa iktar ta’ unur, li din l-ewwel pubblikazzjoni hija dik tal-poeżija tal-Prim Imħallef Emeritus, il-Professur John Cremona li jibqa’ magħruf għall-ħajja professjonali distinta tiegħu, kif ukoll għall-kitbiet estensivi tiegħu dwar l-iżvilupp kostituzzjonali f’Malta. Laqatni l-isem ta’ din il-pubblikazzjoni – Poesie, Poems, Poeżiji – titlu sempliċi imma b’sinifikat qawwi ħafna u li ma’ jistax jonqos tkun iddedikata a/for/lill-maħbuba martu, l-mibkija Beatrice. Dan juri li l-awtur ried iwassal ġabra ta’ poeżiji tiegħu bi tlett lingwi u jħalli lill-qarrejja jiskopru huma d-dinja u l-ħsibijiet tiegħu fl-esperjenzi sbieħ u koroh li jgħaddi minnhom fil-versi varji li kiteb. Wara kollox fil-poeżija li kiteb insibu rappreżentanza tas-sempliċita’ tal-aspetti kollha tal-ħajja. Ippermettuli nistaqsi x’valur għandha llum il-poeżija fid-dinja li qedgħin ngħixu fiha? Qed nistaqsi dan għaliex tabilħaqq il-poeżija hija riflessjoni tal-perjodu li fih tkun inkitbet. Saħansitra l-lingwa li ntużat biex inkitbet tagħti ħafna x’tifhem dwar l-awtur li filkas tal-ktieb tal-lum insibu kitbiet bi tlett lingwi f’pubblikazzjoni waħda. Fid-dinja tal-lum, fejn l-objettiv prinċipali huwa l-konsumeriżmu, il-materjaliżmu qed jimxi pass pass f’dinja globalizzata u mhux qed jħalli spazju biżżejjed għall-apprezzament tal-poeżija. Fil-fehma tiegħi, il-ġisem ma’ jistax jgħix mingħajr ir-ruħ. Mingħajr ma ninstema’ pessimist, nistaqsi jekk hux qegħdin nużaw bl-aħjar mod il-mezzi moderni biex inwasslu l-poeżija? Dan mhux biex inneħħu mill-mertu tal-pubblikazzjoni li f’dak li għandu x’jaqsam ma’ pubblikazzjonjiet Maltin naf li qiegħed dejjem jikber, anke għaliex jiena stess ta’ spiss niġi ippreżentat b’diversi kotba Maltin. Pero’ nemmen illi l-poeżija m’għandhiex tibqa’ ikkonfinata biss fil-ktieb. Il-pubblikazzjoni tabilħaqq għandha tkun il-bidu iżda għandha titkompla ukoll tinxtered permezz ta’ oqsma tal-media, bħal per eżempju programmi televiżivi u radjofoniċi. Dan għaliex il-poeżija, minbarra li għandha valur għall-interess personali tal-poeta stess, nemmen li għandha wkoll valur kollettiv, għalkemm il-priorita’ dejjem għandha tkun li tħares l-interess tal-poeta li wellidha.
Fil-fehma tiegħi, l-ordni kronoloġiku li fih inkitbu l-poeżiji bil-varji lingwi, isegwu wkoll ordni kronoloġiku tal-ġrajjiet storiċi li għadda minnhom pajjiżna u tal-ħajja professjonali akkademika u familjari tal-poeta. F’din l-antoloġija, li fiha nnifisha nistħajjilha awtobiografija tal-awtur, naraw ix-xogħlijiet ta’ poeta Malti. Fl-ewwel paġni nsibu il-poeżija x’aktarx ta’ żgħażugħ Malti li jikteb bil-lingwa Taljana meta kien il-bogħod minn xtutna, jistudja ġewwa Ruma, u nostalġiku għal pajjiżu bħal poeżiji:
CIELO STRANIERO nikkwota: “....questa notte, guardando il cielo, penso a Malta” NOSTALGIA DEL MIO MARE nikkowta: “e nostalgia stasera mi rimorde del mio gran mare, del possente mare” Poeziji oħrajn bħal MARE DI MALTA jikkonfremaw ir-rabta tal-poeta ma’ art twelidu u din il-fażi bikrija tal-poeżija tal-Professur Cremona kisbet il-popolarita’ għal dan il-poeta Malti fl-Italja stess. Fil-poeżiji bil-lingwa Ingliża laqtuni d-diversi poeżiji bħall-poeżija ħelwa bi ħsieb profond THE LITTLE THINGS u nikkwota: “The little things of your simple everyday life have now grown into monuments, evoked odd phrases into epitaphs, plain gestures into frozen marble statues in a locked corridor.” Insemmi poeżija oħra li laqtitni u li ma hemmx dubju li li qed titkellem fuq il-ġonna ta’ San Anton hija PUBLIC GARDENS: “On a gridiron bench by these long straight strong papyrus stems in a pond I share the dragonfly’s small watery world. Exotic tree-trunks are labelled in Latin, with Tropical habitats. There used to be a small Zoo in some section here. On Sundays, after mass, they used to bring the children from the Ursuline crèche to watch animals crouching in lone corners until, it seems they pined away. The day ends hanging on a bare branch like a wet unfolded handkerchief.” Poeżizji oħrajn jirriflettu r-rabta mal-gżira t’Għawdex, li fiha trabba il-poeta bħal: MNAJDRA NEOLITHIC TEMPLES, VILLAGE CHURCH GOZO U CITTADELLA u hawn nikkwota: CITTADELLA: “I climbed these steps before, but not alone, when time was on my side. The whole sky was aglow like a young face and night refused to fall.” Din it-tema tiżviluppa fil-poeżiji bl-ilsien għażiż tal-poplu tagħna. F’din it-taqsima tal-ktieb ma tonqosx il-poeżija lejn martu Beatrice li nemmen li minkejja li ħalliet din id-dinja tibqa ħajja fil-versi imnaqqxa bil-pinna dehebija ta’ żewġha. Sentiment ta’ dieqa ħassejt fil-poeżija CIKKA KELB TAL-KACCA: “Għalik inti biżżejjed illum u jien; għalija żejda d-diqa li jkolli f’siegħa li ma nafhiex nitilqek, bla m’int qatt tista’ tkun taf għaliex, warajja.” Mill-banda l-oħra, tbissimt naqra il-poeżija RICHMOND RIVERSIDE meta jitkellem fuq ir-russett: “u meta minn ħdejh jaqdfu firvoli l-papri ma nissugrax nersaq iżżejjed lejh għax ikellimni ħażin.”
Dawn kollha huma ħsibijiet personali b’temi universali u li jegħlbu kull żmien: l-għożża lejn art twelidek, in-natura, l-imħabba u l-esperjenzi li toffri l-ħajja. Ir-ruħ tal-poeta tieħu forma fil-versi ħfief, tabilħaqq qosra u profondi u l-qarrej bħal donnu jittieħed f’mawra ta’ ħsibijiet ċari bi kliem mirqum. Il-ġabra ta’ dawn il-versi jikkonfermaw għal darb’oħra l-kontribut li ta l-poeta Cremona lill-pajjiż, din id-darba mhux biss fil-qasam legali u l-iżvilupp kostituzzjonali iżda fil-qasam letterarju bħala il-poeta awtentiku ta’ żminijietu. Nagħlaq sabiex nirringrazzjak ta’ dak kollu li għamilt lejn pajjiżek għalhiex għaraft twassal u taqsam il-ħsibijiet tiegħek fis-sbuħija tal-kelma tal-poeżija.
|