Menu Arrow Home Menu Arrow Contact Menu Arrow Sitemap
 
  The President of Malta Official Website
 
The President of Malta
spacer
spacer
 
Spacer
Menu Arrow

The President of Malta

Menu Seperator
Menu Arrow

The Presidents

Menu Seperator
Menu Arrow

The Constitution of Malta

Menu Seperator
Menu Arrow

The Role of the President

Menu Seperator
Menu Arrow

Staff at the Office of The President

Spacer
Spacer
Spacer
Menu Arrow

The Republic of Malta

Menu Seperator
Menu Arrow

National Symbols

Menu Seperator
Menu Arrow

National Anthem

Menu Seperator
Menu Arrow

Virtual Tours

Menu Seperator
Menu Arrow

Ambassadors’ Room

Menu Seperator
Menu Arrow

Tapestry Chamber

Menu Seperator
Menu Arrow

Throne Room

Menu Seperator
Menu Arrow

Pages Room

Menu Seperator
Menu Arrow

The Presidential Palaces

Menu Seperator
Menu Arrow

The Palace, Valletta

Menu Seperator
Menu Arrow

San Anton Palace

Menu Seperator
Menu Arrow

Verdala Palace

Menu Seperator
Menu Arrow

Timeline of the History of Malta

Spacer
Spacer
Spacer
Menu Arrow

The Malta Community Chest Fund

Spacer
Spacer
Spacer
Home : Speeches : Diskors fi tmiem il-vizta tal-Papa

Diskors fi tmiem il-vizta tal-Papa

DISKORS FI TMIEM IL-VIŻTA APPOSTOLIKA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA BENEDITTU XVI MILL-EĊĊELLENZA TIEGĦU DOTT GEORGE ABELA, PRESIDENT TA' MALTA.  L-AJRUPORT INTERNAZZJONALI TA' MALTA ĦAL-LUQA. IL-ĦADD 18 TA' APRIL 2010

Santita,

Wasal il-ħin li tħallina imma l-ispirtu tiegħek jibqa' magħna biex jissokta jkabbrilna l-Fidi għal ħafna żmien.  Fl-Atti tal-Appostli, Luqa jgħidilna li meta wasal il-ħin biex Pawlu u sħabu jitilqu minn Malta, l-abitanti "Tawna minn kull xorta ta' ġid, meta ġejna biex nitilqu, għabbew fuq il-ġifen kull ma konna neħtieġu."  Iżda jkolli ngħid li din id-darba se tkun int, Santita-- li dalwaqt titlaqna - li tajtna l-ġid li neħtieġu, l-għotjiet li r-Ragħaj tagħna biss jista' jagħtina.

Il-barka tiegħek saħħet il-Fidi tagħna, l-imġieba ġentili tiegħek u kliemek ħanin kebbsulna qalbna, l-imħabba paterna tiegħek lejn iż-żgħazagħ tagħna ġagħlithom jersqu lejk, it-tagħlim ispirat tiegħek kien ta' għajnuna lilna lkoll biex nifhmu aħjar il-ġmiel tal-Karita Nisranija.  Il-preżenza tiegħek fostna u triqtek madwar il-parroċċi tagħna, bħala l-Vigarju ta' Kristu u s-Suċċessur ta' Pietru, se jissuktaw jimlew ħajjitna bil-ġid u, kif nittamaw, jagħmluna Nsara u ċittadini aħjar.

Fl-omelija tiegħek ta' dalgħodu, inti ġenerożament irrimarkajt:

L-ebda viżitatur f'Malta ma jista' jonqos li jibqa' mistagħġeb bid-devozzjoni tal-poplu tagħkom, bil-fidi ħajja murija fil-festi tagħkom, bil-ġmiel tal-knejjes u s-santwarji tagħkom.  Imma dan id-don irid jinqasam ma' oħrajn, irid jiġi mxandar.

Santita, inħossni żgur li l-Kattoliċi Maltin se jkomplu jipprofessaw apertament u elokwentement il-Fidi tagħhom u l-valuri Nsara ta' karita u solidarjeta mal-bnedmin u li se jagħmlu ħilithom sabiex jaqsmu dawn id-doni ma' oħrajn, mhux biss f'artna imma wkoll lil hinn minn xtutna bħalma jagħmlu ħafna missjunarji Maltin f'tant pajjiżi madwar id-dinja.

Bis-saħħa taż-żjara Appostolika tiegħek fostna, it-tama tagħna ġġeddet u tqawwejna sabiex niffaċċjaw il-futur b'aktar ċertezza saħansitra f'ħajjitna ta' kuljum.  Kif Inti tgħallimna tant tajjeb fit-tieni enċiklika tiegħek Spe Salvi: "Il-Fidwa tiġi offruta lilna fis-sens li ngħatajna t-tama, tama ta' min jorbot fuqha, li permezz tagħha nistgħu niffaċċjaw il-preżent: il-preżent, anki jekk diffiċli, jista' jingħex u jintlaqa' jekk iwassal għal tragward, jekk inkunu ċerti minn dan it-tragward, u jekk dan it-tragward huwa kbir biżżejjed biex jiggustifika l-isforz tal-vjaġġ".  U tkompli tfissrilna: "Li ssir tagħraf lil Alla - ‘l Alla veru - ifisser li tirċievi t-tama".

Aħna konna kommossi li nsiru nafu llum li Inti ltqajt personalment mal-vittmi tal-abbuż li talbu li jarawk u li sabu faraġ fi kliemek li nittamaw li jħaffilhom xi ftit mill-piż li ilhom iġorru għal bosta snin.  Is-sensibilita tiegħek għan-niket tagħhom timlina bil-hena.

Nittamaw, Santita, li tieħu miegħek tifkiriet sbieħ taż-żjara tiegħek fil-Gżira ta' San Pawl u l-Poplu tagħha u l-Fidi tiegħu u ta' dik l-ospitalita li aħna kburin li tissemma fl-Iskrittura Mqaddsa.

Aħna għalhekk infissru l-gratitudni tagħna lejk, nitolbu l-barka tiegħek u nixtiqulek il-vjaġġ it-tajjeb lejn il-Belt Eterna.

 

Disclaimer Footer Seperator Privacy Policy Footer Seperator Copyright Footer Seperator Accessibility Footer Seperator Help Footer Seperator Sitemap Footer Seperator Contact Us Footer Seperator Bookmark Site (Ctrl+D) Footer Seperator Home
 
GOV Logo Government of Malta
© The office of the Prime Minister
Developed by Alert Communications