Menu Arrow Home Menu Arrow Contact Menu Arrow Sitemap
 
  The President of Malta Official Website
 
The President of Malta
spacer
spacer
 
Spacer
Menu Arrow

The President of Malta

Menu Seperator
Menu Arrow

The Presidents

Menu Seperator
Menu Arrow

The Constitution of Malta

Menu Seperator
Menu Arrow

The Role of the President

Menu Seperator
Menu Arrow

Staff at the Office of The President

Spacer
Spacer
Spacer
Menu Arrow

The Republic of Malta

Menu Seperator
Menu Arrow

National Symbols

Menu Seperator
Menu Arrow

National Anthem

Menu Seperator
Menu Arrow

Virtual Tours

Menu Seperator
Menu Arrow

Ambassadors’ Room

Menu Seperator
Menu Arrow

Tapestry Chamber

Menu Seperator
Menu Arrow

Throne Room

Menu Seperator
Menu Arrow

Pages Room

Menu Seperator
Menu Arrow

The Presidential Palaces

Menu Seperator
Menu Arrow

The Palace, Valletta

Menu Seperator
Menu Arrow

San Anton Palace

Menu Seperator
Menu Arrow

Verdala Palace

Menu Seperator
Menu Arrow

Timeline of the History of Malta

Spacer
Spacer
Spacer
Menu Arrow

The Malta Community Chest Fund

Spacer
Spacer
Spacer
Home : Speeches : Diskors tal-Ftuħ tas-Sala ta' Sir Anthony Mamo

Diskors tal-Ftuħ tas-Sala ta' Sir Anthony Mamo

DISKORS MILL-EĊĊELLENZA TIEGĦU DOTT. GEORGE ABELA, PRESIDENT TA' MALTA FL-OKKAŻJONI TAL-FTUĦ TAS-SALA SIR ANTHONY MAMO. IL-PALAZZ TA' SAN ANTON.  IL-ĦAMIS 22 TA' APRIL 2010.

Kienet is-sena elf disa' mija u disgħa (1909).  Fuq it-tron tal-Gran Brittanja kien hemm ir-Re Dwardu VII, iben ir-Reġina Vittorja li kienet ilha li mietet tmien snin biss.  Il-qraba tiegħu l-Kaiser Wilhelm II u t-Tsar Nicholas II kienu għadhom fuq it-tron tagħhom.  L-Imperu Ingliż kien fl-aqwa tiegħu bl-Indja bħala l-akbar ġawhra tal-Kuruna.  L-Italja kienet ingħaqdet inqas minn ħamsin sena qabel u kien jirrenja fuqha r-Re Vittorio Emmanuele III.  Franza kellha imperu kbir fl-Afrika u t-Tuneżija u l-Alġerija kienu kolonji Franċiżi fejn kien hemm komunitajiet Maltin imdaqqsa mhux ħażin.

Malta kienet kolonja amministrata minn gvernatur Ingliż u l-Maltin ma kellhom kważi ebda influwenza fuq il-mixja tad-destin tagħhom.  Il-gżejjer Maltin kienu ftit aktar minn fortizza li taqdi l-istrateġija imperjali tal-Gran Brittanja u l-ekonomija tagħhom kienet tiddependi mill-ħtiġijiet tal-imperu.  Il-kundizzjonijiet soċjali tal-poplu Malti kienu batuti, l-edukazzjoni aċċessibbli għal sezzjoni żgħira.  L-ibliet madwar il-portijiet kellhom popolazzjoni densa waqt li l-irħula kienu aktarx rurali, toroq asfaltati ftit, karozzi tgħoddhom bi ftit mijiet.  Is-servizzi soċjali kważi ineżistenti.

F'Birkirkara titwieled tarbija, tifel lil koppja ta' mezzi modesti, Ġużeppi u Karla.  Ftit li xejn setgħu jobsru li dak it-tifel kellu jara matul għomru t-trasformazzjoni kompleta tad-dinja u ta' Malta, li minn kolonja ssir Repubblika indipendenti, li tagħha hu jkun l-ewwel President u li llum aħna inġbarna hawn sabiex ninawguraw sala iddedikata għalih, b'ġieħ u qima f'dan il-Palazz storiku fejn għex mal-familja tiegħu waqt li kien fil-kariga. 

Ninu Mamo twieled fid-9 ta' Jannar, elf disa' mija u disgħa (1909), fi ħdan familja magħrufa bħala "ta' Karla", familja  numeruża u ta' mezzi modesti ħafna.  Sa minn eta żgħira, Ninu mill-ewwel deher li kien se jipprometti u wera intelliġenza u dedikazzjoni għall-istudju, tant li ġibed l-attenzjoni tal-edukaturi tiegħu.  Kien tifel studjuż, iqatta' ħinu bejn l-iskola u l-mużew u kien midħla ħafna tal-Bażilika ta' Sant' Elena fejn kien korista u anki solista.  Kif jiftakru ħafna Karkariżi, meta kiber baqa' jattendi għall-festa għal ħafna snin u erħilu jitgħaxxaq bl-innijiet waqt li jiltaqa' u jitħallat ma' ħafna ħbieb li kien ilu jafhom sa minn tfulitu.

Meta Ninu kien għad għandu għaxar snin, f'Malta seħħew il-ġrajjiet tas-Sette Giugno li, aktar tard, aktarx li kellhom influwenza fuq il-Gran Brittanja biex tagħti lil Malta l-ewwel kostituzzjoni ta' self-government fl-elf disa' mija wieħed u għoxrin (1921), il-bidu ta' mixja twila li kellha twassal għall-Indipendenza, il-Kostituzzjoni Repubblikana u l-ewwel President Malti.

Ninu kellu rapport affettiv mal-familja tiegħu, partikolarment ma'ommu Karla li kien jaduraha. Ommu mietet ta' eta relattivament żgħira meta kien għadu adolexxenti.  Ħutu jirrakkuntaw li, xi ġranet wara mewtha, kellu jagħti eżami u, għall-unika darba f'għomru, weħel.

Wara li temm l-edukazzjoni primarja, daħal is-seminarju u mbagħad l-Universita peress li kien iħoss li kellu vokazzjoni saċerdotali.  Xi żmien wara, intebaħ li din ma kenitx il-vera vokazzjoni tiegħu u mill-Fakulta tat-Teoloġija mar f'dik tal-liġi.  Hu baqa', madankollu, dejjem qrib is-seminarju u kien jassisti għal okkażjonijiet importanti anki meta kien laħaq President. 

Għalkemm l-edukazzjoni li rċieva kienet essenzjalment bla ħlas, kellu dejjem bżonn is-sostenn anki finanzjarju ta' ħutu - sostenn li ngħata b'imħabba u ġenerosita kbira.  Sir Anthony baqa' tul ħajtu grat għal li kienu għamlu miegħu ħutu u dan kien manifest fir-rapport fratern intensiv bejnu u ħutu u l-familji tagħhom.  Hu dejjem wera interess kbir fihom u, fejn seta', kien ta' assistenza għalihom.

Sir Anthony ħa l-lawrja ta' avukat fl-elf disa' mija erbgħa u tletin (1934) u ġie l-ewwel fil-kors, tant li ngħata mill-Gvern, Travelling Scholarship u l-Bugeja Scholarship.  Għall-ewwel sena, huwa ħadem fil-prattika privata imma mbagħad beda l-karriera fis-servizz pubbliku.  Fl-elf disa' mija sitta u tletin (1936), inħatar membru tal-kummissjoni mqabbda biex tħejji edizzjoni riveduta tal-liġijiet taħt id-direzzjoni tal-Imħallef Harding. 

Fl-elf disa' mija disgħa u tletin (1939), Sir Anthony iżżewweġ lil Margaret Agius u kellhom tlett itfal - tifel u żewġt ibniet.  Hawn nieħu l-okkażjoni sabiex nirringrazzja lit-tliet uliedu, John, Josephine u Monica, tal-għajnuna ġeneruża li tawni mhux biss billi ikkomunikawli informazzjoni dwar il-ħajja familjari ta' Sir Anthony u Lady Mamo imma wkoll billi fornew ħafna materjal stampat, dokumenti privati u materjal ieħor li se jiġu ikkonservati fis-sala li se ninawguraw illum.

Meta faqqgħet il-gwerra, Sir Anthony kien ta' għajnuna lir-refuġjati u dawk milquta mill-effetti tal-attakki mill-ajru li kienu ta' kuljum jiżirgħu ħerba u mwiet.  Kien fl-elf disa' mija tnejn u erbgħin (1942) li huwa sar wieħed mill-avukati tal-Kuruna fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, fejn okkupa l-gradi kollha sakemm laħaq hu stess Avukat Ġenerali fl-elf disa' mija ħamsa u ħamsin (1955).

Minkejja l-pressjoni kbira tax-xogħol u r-responsabilitajiet, Sir Anthony dejjem kien raġel tal-familja u missier preżenti għal uliedu.  L-esperjenza tat-trobbija tiegħu fl-għożża ta' familja unita, Sir Anthony għaddiha lill-familja tiegħu.  Kif qalulna f'intervista li għamilna ma' wliedu, forsi kien xi ftit Vittorjan fl-atteġġjament tiegħu, imma huma jiftakru ħafna ġranet ta' kuntentizza u divertiment ma' missierhom u ommhom, divertiment sempliċi ta' dak iż-żmien; prinċipalment għawm fis-sajf u picnics fil-kampanja fix-xitwa.  Sir Anthony kien magħruf għas-sense of humour fin li kellu u lanqas ma kien jiddejjaq, speċjalment f'okkażjonijiet bħall-ewwel ta' April, jagħmel xi ċajta goffa fuq ħbiebu, l-iżjed dawk li kienu jinkeddu sew.

Sadanittant, Malta, bħall-bqija tad-dinja, kienet għaddiet minn ħafna tibdil u reġgħet ingħatat kostituzzjoni ġdida fis-sena elf disa' mija sebgħa u erbgħin (1947), li għall-ewwel darba, daħħlet is-suffraġju universali għal kull min għalaq il-wieħed u għoxrin sena.  Ġie elett self-government responsabbli għall-affarijiet interni.  Sir Anthony serva taħt erba' Prim Ministri tul il-karriera tiegħu u, bħala avukat ġenerali, kien jifforma parti mid-delegazzjonijiet uffiċjali li kienu jidħlu f'negozjati mal-Gvern Ingliż.

Fl-istess ħin, sa mill-elf disa' mija tlieta u erbgħin (1943), Sir Anthony kien inħatar Professur tad-Dritt Penali fl-Universita ta' Malta u dam hekk sal-elf disa' mija sebgħa u ħamsin (1957) meta sar Prim Imħallef u President tal-Qorti tal-Appell.  Naħseb li m'hawnx avukat f'Malta li ma studjax id-dritt penali bl-għajnuna tan-noti għall-istudenti li kiteb b'tant luċidita u erudizzjoni Sir Anthony.  Il-konnessjoni ta' Sir Anthony mal-Universita, ma kinitx biss bħala professur imma huwa kien ukoll għal ħafna snin President tal-Kunsill u Pro-Kanċillier tal-Universita.  Bħala rikonoxximent tal-kontribut li taha, l-Universita ikkonferietlu l-lawrja onorarja ta' Duttur fil-Letteratura (D.Litt.).

Sir Anthony kien partikolarment kburi li ibnu John segwieh fil-professjoni legali u għal darbtejn kellu x-xorti li jippresjedi ċ-ċerimonji tal-preżentazzjoni tal-lawrji lil ibnu stess.  (Jeżisti ritratt elokwenti fil-kollezzjoni li juri lil Sir Anthony b'demgħa fuq ħaddejh meta John kien qed jingħata il-warrant ta' Avukat).

Sir Anthony inħatar Honorary Queen's Counsel fl-elf disa' mija ħamsa u ħamsin (1955) u fl-elf disa' mija sebgħa u ħamsin (1957) ngħata l-OBE (Order of the British Empire) u sentejn wara ngħata t-titlu ta' Sir.  Meta ġiet effettiva l-Kostituzzjoni tal-elf disa' mija erbgħa u sittin (1964), huwa sar ukoll l-ewwel President tal-Qorti Kostituzzjonali.

Fil-fatt, sentejn qabel dan, fl-elf disa' mija tnejn u sittin (1962), nistgħu ngħidu li Sir Anthony beda jmidd ukoll l-ewwel passi lejn il-kariga li kellha tfisser l-apiċi tal-karriera twila tiegħu.  Lejn tmiem is-sena elf disa' mija tnejn u sittin (1962), meta l-Ammirall Sir Guy Grantham wasal fi tmiem il-ħatra tiegħu ta' Gvernatur ta' Malta, ir-Reġina, fuq parir tal-Prim Ministru Gorg Borg Olivier, ħatret lil Sir Anthony, Aġent Gvernatur sakemm wasal Sir Maurice Dorman.  Sussegwentement, Sir Anthony kien Viċi-Gvernatur u, wara l-Indipendenza, Aġent Gvernatur-Ġenerali sakemm, fit-3 ta' Lulju elf disgħa mija wieħed u sebgħin (1971), inħatar l-ewwel Gvernatur-Ġenerali Malti.

Ta' min isemmi hawnhekk li, kif spiss jingħad, flimkien ma' kull raġel kbir hemm mara li timxi ma' ġenbu u tagħtih is-sostenn tagħha.  Sir Anthony sab xortieh fiż-żwieġ ma' martu Margaret (Maggie).  Kellhom karattri totalment differenti u għalhekk kienu jikkumplimentaw lil xulxin perfettament. 

Dan ma jfissirx li ma kellhomx ħajja soċjali.  Sir Anthony u Lady Mamo kienu jippreferixxu jgħaddu ż-żmien liberu tagħhom mal-familja u ma' ħbieb antiki, uħud minnhom saħansitra ħbieb tal-iskola ta' Lady Mamo.

Naturalment, dak iż-żmien ir-riċevimenti uffiċjali ma kinux jonqsu u Sir Anthony u Lady Mamo kienu jieħdu pjaċir jiltaqgħu ma' ħbieb oħrajn, inklużi ħbieb barranin, li wħud minnhom baqgħu ħbieb tagħhom tul għomorhom.  F'dawn l-okkażjonijiet Sir Anthony u Lady Mamo kienu jkunu mfittxija ħafna bħala koppja interessanti, simpatika u dħulija.  Sir Anthony kien jirrappreżenta l-erudizzjoni u martu n-naturalezza, is-sens komun u l-prattiċita ta' omm tipikament Maltija.  Kien taħt id-direzzjoni ta' Lady Mamo, waqt il-Presidenza ta' Sir Anthony, li d-dħul mill-August Moon Ball, li kien beda jsir meta kien hemm il-Gvernatur Sir Robert Laycock, kien jingħata kull sena lill-istituzzjoni tal-karita jew filantropika, bħal-Malta Polio Fund, The Malta Memorial District Nurses Association u The Malta Playing-Fields Association.  Kien fis-sena elf disa' mija wieħed u sebgħin (1971) li twaqqaf "a chest fund for deserving cases" u li għall-ewwel darba d-dħul mill-August Moon Ball tqassam lil dawk l-organizzazzjonijiet li kellhom bżonn urġenti ta' għajnuna finanzjarja.

Sir Anthony u Lady Mamo kellhom ħajja twila miżżewġa, ikkaratterizzata minn imħabba u rispett reċiproku profond.

Dan ir-rispett u mħabba spikka l-aktar meta Lady Mamo, f'eta diġa' anzjana intlaqtet minn marda kiefra li inkapaċitata għal kollox.  Mill-ewwel mument tal-marda sal-mewt tagħha snin wara, Sir Anthony telaq kollox minn idejh biex ikun ma' martu lejl u nhar.  Id-dedikazzjoni li wera Sir Anthony lejn martu f'dawk is-snin ġibdu l-ammirazzjoni ta' kull min kien jafhom.

Sir Anthony kien iħobb isegwi l-isport in ġenerali, prinċipalment il-futbol.  Fi żmien l-Empire Stadium, ma kienx jonqos li jattendi, speċjalment meta t-tim tiegħu (Floriana) kien ikun se jilgħab xi logħba mportanti.

Kien isegwi wkoll il-futbol ta' barra speċjalment dak Ingliż.  Uliedu jiftakruh f'jum il-Cup Final bilqiegħda qabel tibda l-partita, akkanit li ma jitlifx il-kant tal-Abide with Me li qatt ma naqas li jikkommovih.

Sir Anthony kien ukoll jaqra assidwament.  Kien iżomm ruħu aġġornat b'letteratura u rivisti kontemporanji imma l-vera imħabba tiegħu kienu l-klassiċi li kien studja l-universita u li ħafna minnhom kien baqa' jirreċta bl-amment.

Kien fil-leġislatura tal-elf disa' mija wieħed u sebgħin (1971) - l-elf disa' mija sitta u sebgħin (1976) li bdew taħdidiet bejn il-partiti politiċi sabiex tinbidel il-kostituzzjoni tal-Indipendenza bil-għan ewlieni, fost oħrajn, li Malta minn monarkija ssir repubblika.  L-evoluzzjoni kostituzzjonali kienet waħda twila u l-ewwel kostituzzjoni li ikkonċediet self-government lil Malta kienet dik tal-elf disa' mija wieħed u għoxrin (1921) imma l-Kuruna Ingliża kienet irtirat il-kostituzzjoni lil Malta meta dehrilha hekk.  Il-Kostituzzjoni tal-elf disa' mija sebgħa u erbgħin (1947), kienet ibbażata fuq dik tal-elf disa' mija wieħed u għoxrin (1921) u l-Gvern Ingliż kien għadu jżomm l-hekk imsejħa reserved matters.  Kienet l-indipendenza li tat lil Malta rajha f'idejha imma l-Kap tal-Istat kienet baqgħet ir-Reġina Elizabetta II bħala Reġina ta' Malta.  B'hekk, inżammet ċerta rabta mal-Ingilterra u mal-kuruna Ingliża.  Malta ma kellhiex dinastija monarkika jew familja rjali Maltija. 

Biex isiru l-emendi kostituzzjonali proposti, kienet tinħtieġ maġġoranza ta' żewġ terzi u mhux kull deputat parlamentari kien jaqbel li minn monarkija Malta ssir Repubblika.  Waqt it-trattattivi bejn il-partiti politiċi, Sir Anthony offra li jlaqqa' hu ż-żewġ partiti.  Il-President Emeritus Dottor Ugo Mifsud Bonnici fil-ktejjeb tiegħu "Kif Sirna Repubblika" jirrakkonta hekk:

Darba minnhom, wara l-ħin tal-interpellanzi, waqt li l-Kamra kienet f'kumitat, konna madwar il-mejda, nitkellmu, fil-kamra ta' l-Oppożizzjoni.  Daħal Guido de Marco, li kien ġej mill-uffiċċju legali tiegħu, u mar dritt fuq Dottor Borg Olivier u qallu li iben Sir Anthony, John, illum Professur, iżda li dak iż-żmien kien qiegħed jagħmel il-prattika ma' Guido, kien wassallu messaġġ mingħand missieru, fis-sens li hu kien dispost ilaqqa' delegazzjonijiet miż-żewġ partiti biex jitkellmu dwar it-tibdil propost fil-kostituzzjoni.

Kull partit imbagħad innomina delegazzjoni għat-taħdidiet u dawn iltaqgħu San Anton "fil-kamra twila magħrufa bħala l-Blue Room", preċiżament dik li se tiġi inawgurata llum.  Sir Anthony ma llimitax ruħu li jospita d-delegazzjonijiet fir-residenza uffiċjali tiegħu imma kien ikun preżenti għad-diskussjoni u kien isemma leħnu billi jagħti pariri ta' natura kostituzzjonali u jesprimi l-veduti tiegħu.

Aktar tard, wara numru ta' laqgħat, it-taħdidiet ma baqgħux isiru għand Sir Anthony u d-delegazzjonijiet tal-partiti bdew jiltaqgħu l-Palazz tal-Belt.

Wara xi żmien, intlaħaq ftehim u l-kostituzzjoni nbidlet.  Bħala l-ewwel President tar-Repubblika, il-Parlament Malti għadda riżoluzzjoni biex jinħatar Sir Anthony Mamo.  Fl-aħħar, wara tant sekli, Malta setgħet tiftaħar li wieħed minn uliedha denji kien il-Kap tal-Istat u s-simbolu ta' l-unita Nażżjonali Maltija.  F'dik il-lejla ta' Diċembru tal-elf disa' mija erbgħa u sebgħin (1974), wara li ħa l-ġurament tal-ħatra, bix-xita nieżla u l-bard, Sir Anthony ħareġ fil-gallarija tal-Palazz flimkien mal-Prim Ministru u ma' għadd ta' Membri Parlamentari u indirizza l-folla kbira Maltija li kienet marret sabiex tifraħ miegħu li, sa fl-aħħar, Malta kienet saret f'kull sens "Malta Maltija".

Fid-diskors lill-folla fi Pjazza San Ġorġ, il-President Mamo irringrazzja lill-miġemgħa u qal: "Hemm mod wieħed, u mod wieħed biss, kif jien nista' nurikom l-għożża tiegħi u b'xi mod inpattilkom għat-tjubija ta' qalbkom.  U dan il-mod hu billi nwiegħedkom li da parti tiegħi nagħmel dak kollu li nista' biex inkun tassew nistħoqq it-turija ta' rispett u fiduċja tagħkom".  Issokta jgħid: "Aħna lkoll li qegħdin ngħixu f'din is-siegħa solenni aħna xhieda ta' ġrajja importanti fl-evoluzzjoni Kostituzzjonali tagħna li żgur titniżżel u tibqa' mfakkra fl-istorja ta' ġensna....filwaqt li, kif ta' sikwit sfortunatament naqraw jew nisimgħu fuq il-mezzi tal-komunikazzjoni, f'pajjiżi oħra tibdil kostituzzjonali spiss jagħti lok għal rewwixti, ġlied, u ħafna drabi anki tixrid ta' demm, hu ta' min jifraħ li f'pajjiżna, dan it-tibdil importanti sar fil-paċi, fl-ordni u bil-kwiet, bi spirtu ta' koperazzjoni reċiproka, kif titlob id-demokrazija".

Ta' min isemmi li, fost l-awguri minn kapijiet ta' Stati oħra, il-President Mamo irċieva messaġġ mill-Maesta Tagħha r-Reġina Elizabetta II li fissritlu l-isbaħ xewqat flimkien mas-sodisfazzjon tagħha li Malta kienet se tibqa' membru tal-Commonwealth.

Wara li temm il-perjodu tal-Presidenza u rtira mill-ħajja pubblika, Sir Anthony kien jieħu interess f'dak li kien qed jiġri f'Malta u l-iżviluppi li kienu qed isiru.  Baqa' jgħożż ħafna l-familja u l-hena tiegħu meta kien ikun ċirkondat bit-tfal tat-tfal.

Sir Anthony ħalla din id-dinja fl-eta ta' 99 (disgħa u disgħin) sena fl-1 ta' Mejju, 2008 (elfejn u tmienja).  L-aħbar malajr ġriet mal-gżejjer Maltin u barra minn Malta u dehru obitwarji mhux biss fil-ġurnali lokali imma wkoll f'oħrajn ta' barra.  Infetħu kotba ta' kondoljanzi fl-ambaxxati Maltin u ngħata, kif kien jixraqlu bis-sħiħ, funeral statali.  Sir Anthony kellu x-xorti jservi lil pajjiżu bl-aktar mod effettiv u dinjituż f'ħafna setturi tal-ħajja pubblika, inkluż l-ogħla kariga tal-pajjiż.  Tul is-seklu li għex, ra l-imperi jiżżarmaw, il-kolonji jsiru Stati ġodda, il-gwerra bierda tintemm u, fuq kollox, ra lil Malta tinbidel minn kolonja għal Repubblika indipendenti, tiżviluppa l-ekonomija tagħha, u tieħu postha fl-Unjoni Ewropea u tagħti xhieda lid-dinja li, minkejja ċ-ċokon tagħha, għandha x'toffri daqs kull pajjiż ieħor.

Sir Anthony jibqa' l-ammirazzjoni ta' kulħadd għall-korrettezza u r-rettitudni tiegħu.  Ma kienx jiġbed ir-rispett għax kellu forza politika partiġġjana imma għax kien mogħni b'awtorita morali perswadenti.  Ma laħaqx fejn laħaq minħabba li twieled f'xi familja influwenti jew għax xi ħadd ried jiffavorih u jagħtih dak li ma kienx jistħoqqlu imma unikament bil-kapaċitajiet u l-kwalitajiet straordinarji tiegħu.  Meta sar Prim Imħallef, waqt pranzu f'unuru, il-Professur Victor Caruana Galizia għamel apprezzament tiegħu li baqa' jinstema' bħal eku f'kummenti oħra tul il-karriera kollha kemm hi ta' Sir Anthony. Nikkwota d-diskors kif rapportat fit-Times of Malta: "Professor Mamo in fact, had reached the summit of his legal career not because of any accident of birth, family connections or political affiliation, but solely on the strength of his own personal merits.  It was because of this that his appointment to the Chief Justiceship had been received with unanimous praise and "plebiscitary approval".

Meta nħatar bħala l-ewwel Gvernatur Ġenerali Malti fl-elf disa' mija wieħed u sebgħin (1971), il-ġurnal Il-Ħajja ikkummenta: "Minbarra l-karriera sabiħa tiegħu, Sir Anthony għandu kwalitajiet personali kbar li jiddistingwuh.  Prinċipalment fost dawn, insibu l-umilta kbira tiegħu, mingħajr pretensjonijiet żejda, dħuli u lest jitkellem ma' kulħadd f'kull ħin.  Huwa bniedem li laħaq fejn laħaq bil-ħila tiegħu, u bil-ħila tiegħu biss, għaliex mhux ġej minn xi familja li setgħet imbuttatu ‘l quddiem fis-soċjeta".

Għall-istess okkażjoni tal-ħatra bħala Gvernatur Ġenerali, il-ġurnal In-Nazzjon Tagħna ikkummenta: "L-integrita hija innata f'Sir Anthony Mamo, hija integrita li ġejja minn konoxxenza profonda tal-liġi u esperjenza twila fil-ġudikatura".

Il-ġurnal Iż-Żmien qal hekk meta Sir Anthony nħatar Gvernatur Ġenerali: "Huwa bniedem maħbub u rispettat.  Huwa bniedem li mhux kburi.  Huwa bniedem li jaf jagħraf il-problemi ta' bniedem individwali u ta' komunita.  Iżda għalina l-ħaddiema, il-ħatra ta' Sir Anthony Mamo bħala l-ewwel gvernatur ġenerali Malti għandha timlina bil-ferħ għaliex Sir Anthony huwa wild il-ħaddiem, miżżewweġ lill-wild il-ħaddiem".

Malvolio fid-dramm ta' ShakespeareTwelfth Night' jgħid: "Some are born great, some achieve greatness and some have greatness thrust upon them".  M'hemmx dubju li Sir Anthony jidħol fit-tieni kategorija.

Huwa minħabba l-istima unanima u ġustifikata li jgawdi Sir Anthony min-naħa ta' kull settur tas-soċjeta Maltija li aħna dehrilna li jkun tassew xieraq li din is-sala, fejn saru l-ewwel taħdidiet bejn il-partiti politiċi sabiex jgħaddu l-emendi kostituzzjonali tal-elf disa' mija erbgħa u sebgħin (1974), tiġi dedikata lilu u li fiha jinżammu għall-posterita xi ftit mid-dokumenti u tifkiriet oħrajn sabiex iseddqu l-memorja ta' dan l-iben denju ta' pajjiżna.  Id-dokumenti miżmuma f'din is-sala qed jiġu katalogati u skenjati sabiex nagħmluhom aċċessibbli għar-riċerkaturi.  Naħseb li wasal iż-żmien li s-swali tal-palazzi tagħna jibdew jiġu magħrufa b'isem persunaġġi li tul l-istorja tagħna għamlu ġieħ lil pajjiżna.

Il-bniedem jgħaddi għall-ħajja oħra iżda t-tajjeb li jkun wettaq jibqa' bħala l-aħjar monument tiegħu.  Għal min jemmen, il-mewt mhix battalja mitlufa imma mirbuħa għax kif tgħid il-lirika Abide with Me li, kif qalilna l-Professur John Mamo, kienet għal qalb Sir Anthony:

Through cloud and shine, Lord, abide with me.

I fear no foe, with Thee at hand to bless;

Ills have no weight, and tears no bitterness;

Where is death's sting?  Where, grave, thy victory?

I triumph still, if Thou abide with me.

Nirringrazzjakom.

 

Disclaimer Footer Seperator Privacy Policy Footer Seperator Copyright Footer Seperator Accessibility Footer Seperator Help Footer Seperator Sitemap Footer Seperator Contact Us Footer Seperator Bookmark Site (Ctrl+D) Footer Seperator Home
 
GOV Logo Government of Malta
© The office of the Prime Minister
Developed by Alert Communications