Menu Arrow Home Menu Arrow Contact Menu Arrow Sitemap
 
 
 
spacer
spacer
 
Spacer
Menu Arrow

The President of Malta

Menu Seperator
Menu Arrow

The Presidents

Menu Seperator
Menu Arrow

The Constitution of Malta

Menu Seperator
Menu Arrow

The Role of the President

Menu Seperator
Menu Arrow

Staff at the Office of The President

Spacer
Spacer
Spacer
Menu Arrow

The Republic of Malta

Menu Seperator
Menu Arrow

National Symbols

Menu Seperator
Menu Arrow

National Anthem

Menu Seperator
Menu Arrow

Virtual Tours

Menu Seperator
Menu Arrow

Ambassadors’ Room

Menu Seperator
Menu Arrow

Tapestry Chamber

Menu Seperator
Menu Arrow

Throne Room

Menu Seperator
Menu Arrow

Pages Room

Menu Seperator
Menu Arrow

The Presidential Palaces

Menu Seperator
Menu Arrow

The Palace, Valletta

Menu Seperator
Menu Arrow

San Anton Palace

Menu Seperator
Menu Arrow

Verdala Palace

Menu Seperator
Menu Arrow

Timeline of the History of Malta

Spacer
Spacer
Spacer
Menu Arrow

The Malta Community Chest Fund

Spacer
Spacer
Spacer
Home : Speeches : Book launch by Stephen Green : ĠLIEDA KONTRA L-FAQAR U L-ESKLUŻJONI SOĊJALI.

ĠLIEDA KONTRA L-FAQAR U L-ESKLUŻJONI SOĊJALI.

DISKORS MILL-EĊĊELLENZA TIEGĦU DOTT. GEORGE ABELA, PRESIDENT TA' MALTA FL-OKKAŻJONI TAL-FTUĦ UFFIĊJALI TAS-SENA EWROPEA GĦALL-ĠLIEDA KONTRA L-FAQAR U L-ESKLUŻJONI SOĊJALI.  MUŻEW NAZZJONALI TAL-ARKEOLOĠIJA, IL-BELT VALLETTA.  L-ERBGĦA 3 TA' FRAR 2010.

Onorevoli Ministru,

Eċċellenzi,

Sinjuri,

Fil-21 ta' Jannar, il-Kummissjoni Ewropea u l-Presidenza Spanjola nidew is-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali.  Din is-Sena Ewropea, għandha l-għan li tqajjem aktar kuxjenza tal-kawżi u l-konsegwenzi tal-faqar u l-esklużjoni soċjali fl-Ewropa, kemm fost il-gvernijiet u s-sħab soċjali u kemm fost il-pubbliku.  Għandha wkoll l-għan li timmobilizza lil dawn fil-ġlieda kontra l-faqar; issaħħaħ l-integrazzjoni u l-inklużjoni soċjali u li tinkoraġġixxi impenn ċar għat-tfassil ta' policies, sabiex jindirizzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali kemm fuq livell komunitarju u kemm fuq livell nazzjonali.

Għaxar snin ilu, mexxejja Ewropej ippromettew li jeliminaw il-faqar bħala obbjettiv tal-pjan ta' tkabbir u ħolqien tax-xogħol - l-hekk imsejħa, Strateġija ta' Lisbona - sas-sena 2010.  Imma dan ma seħħx. Hu ttamat li s-Sena Ewropea għall-ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali isservi sabiex iżżomm ħajja din il-ġlieda sakemm jintlaħaq l-obbjettiv mixtieq.

Fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea, il-metodi u l-istrateġiji kif wieħed jiġġieled kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali huma mħollija għall-Istati Membri individwalment.  Li tagħmel l-Unjoni huwa li tipprova tiġġenera aktar kuxjenza, tagħrif u skambju ta' strateġiji u esperjenzi bejn l-Istati Membri dwar kif tista' tiġi indirizzata l-problema tal-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Naħseb li hija inizjattiva f'waqtha u ta' min ifaħħarha għax inħoss li l-Unjoni Ewropea għandha tersaq aktar qrib taċ-ċittadini tagħha u mhux tibqa', għal ħafna nies, astrazzjoni fi Brussell li mhux kulħadd jifhem x'inhi.  U t-temi tal-faqar u l-esklużjoni soċjali ċertament huma temi li l-Popli jifhmu x'inhuma, imissu l-effetti tagħhom fil-ħajja ta' kuljum u jixtiequ li ssir xi ħaġa konkreta dwarhom.

X'inhu faqar u x'inhi esklużjoni soċjali?  Fi kliem sempliċi, persuna fqira hi dik li d-dħul finanzjarju tagħha ma jservihiex biex tgħix, jaqa' taħt il-livell minimu biex jippermetti lilha u l-familja tagħha jgħixu ħajja deċenti skond il-kundizzjonijiet tal-ħajja fis-soċjetà fejn jgħixu.  Il-livell minimu jissejjaħ komunement "il-linja tal-faqar" u din il-linja tvarja fiż-żmien u fl-ispazju.  Dak li jitqies faqar illum, mhux bil-fors kien ikkunsidrat faqar fl-imgħoddi u dak li jfisser faqar f'pajjiż mhux bilfors li jfisser faqar f'pajjiż ieħor.  Il-faqar hu, sa ċertu punt, ħaġa relattiva imma jeżisti minimu li hu faqar f'kull post u f'kull żmien.  Il-mankanza ta' ikel u ilma suffiċjenti għall-għajxien kien, għadu u jibqa' fl-imgħoddi, fil-preżent u fil-futur l-agħar forma ta' faqar possibbli.  Hu l-faqar li jista' jċaħħad lil persuna mid-dritt uman l-aktar sagrosant li hu dak tal-ħajja. 

It-terminu "esklużjoni soċjali" ġie addottat mill-Unjoni Ewropea fl-aħħar tas-snin tmenin u l-bidu tad-disgħinijiet.  Xi gvernijiet tal-lemin ma kinux jirrikonoxxu li kien hemm il-faqar f'pajjiżhom filwaqt li xi kummentaturi tax-xellug kienu mħassba dwar  iż-żieda fil-polarizzazzjoni bażata fuq inegwaljanza fid-dħul finanzjarju ta' klassijiet soċjali differenti.  It-terminu "esklużjoni soċjali" beda jintuża f'dan l-aspett u sar is-suġġett ta' dibattitu fuq il-politika soċjali fuq livell Ewropew.

Għalkemm hu rikonoxxut li huma l-individwi emarġinati li jsofru l-esklużjoni, il-kawżi jistgħu jkollhom l-oriġini tagħhom fuq livell domestiku jew anki ta' komunità.

Nistgħu ngħidu mela, li hemm esklużjoni soċjali meta individwu, komunita' jew anki reġjun sħiħ, isofru minn taħlita ta' problemi soċjali bħal qgħad, nuqqas ta' ħiliet li jippermettu lil dak li jkun li jsib xogħol, dħul finanzjarju baxx, housing taħt il-livell aċċettabbli jew saħansitra nuqqas ta' akkomodazzjoni, problemi ta' saħħa, ambjent ta' kriminalità u droga jew prostituzzjoni, u familji mifruda.  Il-fenomenu, mela, ma jfissirx biss faqar ekonomiku imma kumplessità ta' problemi soċjali.  Anzi huwa possibbli li wieħed ikun eskluż mingħajr ma jkollu problema akuta ta' faqar u, mill-banda l-oħra, wieħed jista' jkun f'riskju ta' faqar mingħajr ma jħossu eskluż.  Kultant dawn il-fenomeni jistgħu jkunu temporanji imma jistgħu jkunu wkoll permanenti bħal, pereżempju, pensjonanti li jridu jgħixu bi dħul mhux adegwat għall-ħajja.  L-esklużjoni soċjali tista' titfisser bħala diffikultà għall-aċċess fil-ħajja soċjali u politika fil-komunità minħabba xi raġuni jew oħra.

Il-medja ta' dawk f'riskju ta' faqar fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, l-aktar reġjun ekonomikament b'saħħtu tad-dinja, hija ta' 16 fil-mija li tfisser mat-80 miljun ruħ. F'Malta, sar survey fl-2007 mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fejn il-linja tal-faqar ("poverty line") ġiet iffissata bħala 60 fil-mija tal-medja nazzjonali tad-dħul ta' kull persuna li tiġi Euro ħames t'elef erba' mija u sebgħa u sebgħin (5477) fis-sena.  Id-dħul jinkludi ħlasijiet minn servizzi soċjali.  Fi kliem ieħor, ġie deċiż li min għandu dħul inqas minn din is-somma jinsab fil-faqar.  Ir-riżultat tas-survey wera li l-perċentwali ta' dawk f'riskju ta' faqar ilaħħaq 14 fil-mija li hu inqas mill-medja Ewropea u f'termini ta' numri dan ilaħħaq sebgħa u ħamsin elf erba' mija u erbgħa u erbgħin (57,444) persuna li jinsabu f'riskju ta' faqar f'Malta.  Għaliex dawn in-nies jissejħu "f'riskju ta' faqar" u mhux "fqar", la darba jinsabu taħt il-minimu, mhux ċar ħafna għalija.  Jidher, madankollu, li din hija s-sistema u t-terminoloġija li tintuża mal-Ewropa kollha mhux f'Malta biss.

Malta tiġi t-tnax-il waħda fil-klassifika tal-pajjiżi tal-Unjoni.  L-aktar li huma f'riskju ta' faqar huma l-persuni li għandhom età żgħira li ma taqbiżx is-17-il sena u anzjani li qabżu l-65 sena.  Teżisti wkoll disparità bejn naħat differenti tal-Gżejjer Maltin.  L-akbar riskju ta' faqar jinsab Għawdex fejn il-medja titla' għal 18 fil-mija u mbagħad hemm id-distrett tan-naħa t'isfel ta' madwar il-port fejn ir-riskju ta' faqar huwa ta' 17 fil-mija imqabbel ma' 12 fil-mija għan-naħat tal-punent ta' Malta fejn hemm l-anqas riskju.  Dawn il-figuri, irrid intenni, huma tal-2007 u għadna ma nafux eżatt jekk il-kriżi ekonomika u finanzjarja mondjali kellhiex effett fuqhom.

Jiena nistaqsi: x'inhuma r-raġunijiet li għalihom jeżistu dawn id-differenzi konsiderevoli f'pajjiż tant ċkejken bħal Malta?  X'jeħtieġ iżjed isir u x'qiegħed isir biex ikun hemm anqas disparità fil-livell tal-ħajja tal-Maltin li joqogħdu f'lokalitajiet differenti?  Din il-problema umana qegħda tiġi indirizzata bil-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħna?  Qegħdin nimmobilizzaw biżżejjed ir-riżorsi kollha tagħna, kemm statali u kemm dawk tal-volontarjat, sabiex niġġieldu din il-problema?

Ħareġ mis-survey tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tal-2007 li l-faqar finanzjarju hu relatat mal-livell tal-edukazzjoni.  Meta l-opportunitajiet għall-edukazzjoni huma, fil-prinċipju, ugwali għal kulħadd, għaliex sezzjoni taż-żgħażagħ Maltin m'humiex qed jagħmlu użu minnhom u b'hekk jaqgħu fir-riskju tal-faqar?  Kulħadd jaf kemm l-Istat Malti investa bil-qawwa fl-edukazzjoni - mela nistaqsi: fejn stajna morna aħjar fl-isforzi tagħna biex ħadd ma jibqa' ‘l bogħod minn edukazzjoni li tippermettilu għajxien aħjar?

Wieħed irid, fuq kollox, jipproponi mezzi u metodi kif persuni bħal dawn jistgħu jiġu megħjuna sabiex joħorġu mis-sitwazzjoni ta' esklużjoni soċjali.  Jistgħu jsiru programmi ta' edukazzjoni biex jitħarrġu dawn in-nies f'xi sengħa li tippermettilhom isibu xogħol.  Jistgħu jsiru proġetti sabiex dawn in-nies jingħataw taħriġ anki kif jamministraw d-dħul tagħhom bil-għan li jużawh aħjar.  Fejn hu possibbli, tista' tiġi provduta akkomodazzjoni b'kera sussidjata, kif f'xi każi qed isir, li jkunu jistgħu jlaħħqu magħha u dan jista' jsir anki b'mod temporanju sakemm is-sitwazzjoni titjieb.

Hu sewwa li l-faqar ġie abbinat mal-esklużjoni soċjali f'din il-kampanja għax il-faqar kif rajna, huwa wieħed mill-forom tal-esklużjoni soċjali.  U minħabba f'hekk, il-faqar isir kwestjoni ta' defiċit fid-demokrazija wkoll.  Li tkun fqir ma jfissirx biss li ma jkollokx biex tgħix materjalment imma wkoll li ma jkollokx il-mezzi sabiex tipparteċipa pjenament fis-soċjetà bħala membru ugwali tagħha kif mistenni f'demokrazija.  Il-livell ekonomiku u l-abilità li tipparteċipa bis-sħiħ fis-soċjetà aktarx imorru flimkien.

Is-sitwazzjoni preżenti tal-faqar fl-Ewropa mhix fenomenu ġdid u ftit kien hemm bidla fl-aħħar għaxar snin.  Jista' jkun, li minħabba l-kriżi ekonomika tal-aħħar sentejn, is-sitwazzjoni marret għall-agħar f'għadd ta' Stati Membri.  Il-kriżi ġabet aktar prekarjetà fl-impjiegi u ċerti kategoriji bħan-nisa, l-immigrati u dawk li jixtiequ jidħlu fid-dinja tax-xogħol għall-ewwel darba huma l-aktar milquta.

Kull Stat Membru, kif għidna, hu mistenni li joħroġ bi strateġija kif se jikkumbatti l-faqar u l-esklużjoni soċjali.  Valur kardinali tal-Unjoni huwa s-solidarjetà.  Forsi wieħed jista' jistaqsi jekk wasalx iż-żmien li jkun hemm aktar solidarjetà bejn l-Istati Membri f'dan ir-rigward sabiex jitnaqqsu l-inegwaljanzi li jeżistu fis-soċjetajiet differenti tal-Unjoni.

Normalment, meta nitkellmu fuq il-faqar, aktarx jiġuna f'moħħna pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw fl-Afrika jew l-Asja fejn jonqos l-ikel u l-ilma nadif.  Imma anki fl-Ewropa jeżistu l-faqar u l-esklużjoni soċjali għalkemm forsi mhux fuq l-istess skala ta' miżerja u kalamità li nsibu f'xi kontinenti oħra. B'danakollu, xorta waħda mhix sitwazzjoni aċċettabbli.  Jekk irridu li kull individwu jirrealizza l-potenzjal kollu tiegħu, l-isfidi tal-faqar u l-esklużjoni jinħtieġ li jiġu affrontati iżjed bil-qawwa u b'aktar solidarjetà.

Din il-kampanja tidher li qed tikkonċentra fuq il-ġlieda kontra l-faqar fl-Ewropa u rriżulta li perċentwali mill-foqra fil-kontinent Ewropew huma immigrati.  Toħroġ spontanja l-mistoqsija jekk hux possibbli niġġieldu l-faqar fl-Ewropa mingħajr, fl-istess ħin, ma nagħmlu l-istess ġlieda kontra l-faqar fil-bqija tad-dinja.  Għaliex jekk il-pjaga tal-faqar se tibqa' miftuħa fl-Afrika u fl-Asja, il-foqra ta' dawk il-pajjiżi se jibqgħu jagħmlu pressjoni biex jemigraw għall-Ewropa sabiex ifittxu ħajja aħjar u allura jinħoloq ċirku vizzjuż fejn il-problema ma tista' tinħall qatt għax il-foqra se jibqgħu jidħlu fl-Ewropa u jingħaddu mal-foqra ta' dak il-kontinent.  Jekk qed nitkellmu fuq ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, kif nistgħu neskludu lill- pajjiżi mhux Ewropej minn din il-kampanja?  Fil-fehma tiegħi, il-kampanja trid issir bħala ġlieda kontra l-faqar kullimkien, għax aħna qed ngħixu f'dinja waħda bħala umanità waħda u jkun inutli li nippruvaw insolvu l-problema tal-faqar f'darna biss, jekk wara biebna se jibqa' jkun hemm il-fqar li jippreferu jfittxu futur f'pajjiżi Ewropej.

L-umanità hija waħda.  Kif jgħid John Donne: "No man is an Island, entire of itself....any man's death diminishes me, because I am involved in Mankind; And therefore never send to know for whom the bell tolls; It tolls for thee."

Hija tassew tebgħa fuq l-umanità li fi żmienna, meta għandna għad-dispożizzjoni tagħna mezzi teknoloġiċi fl-agrikultura biex nipproduċu ikel għall-popolazzjoni mondjali kollha kemm hi, għad hawn miljuni li m'għandhomx biżżejjed x'jieklu u ħafna saħansitra jmutu minħabba nuqqas ta' ikel.  Il-bniedem minn dejjem kellu r-riskju li jkun vittma tan-nixfa jew diżastri naturali oħra li kien ikollhom l-effett li l-art ma tkabbarx biżżejjed ikel u tinħoloq karestija, imma llum, fejn mhux daqshekk diffiċli t-trasport tal-ikel minn pajjiż għall-ieħor, huwa ta' għajb li nies li m'għandhomx biżżejjed ikel mhux dejjem jirċievu l-għajnuna fil-ħin u b'mod adegwat.

X'jista' wieħed jipproponi sabiex jiġu affrontati l-fenomeni tal-faqar u l-esklużjoni soċjali?  Nistgħu nikkunsidraw xi suġġerimenti u dan anki mill-esperjenza personali tiegħi bħala Chairman tal-Malta Community Chest Fund.  Wieħed jista' jħeġġeġ koinvolġiment u impenn akbar minn kull settur tas-soċjetà, inklużi l-NGO's, fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali; li tingħata vuċi  liċ-ċittadini li huma affettwati mill-faqar u l-esklużjoni soċjali; li titneħħa kull stigma assoċjata ma' dawn in-nies f'każi fejn, ngħidu aħna, kienu suġġetti għal piena ta' priġunerija jew kienu vittmi tad-droga; li nippromovu iżjed soċjetà fejn kulħadd ikollu l-istess opportunitajiet; li tissaħħaħ is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet sabiex il-membri aktar vulnerabbli bħat-tfal jew l-anzjani isibu sostenn minn dawk aktar b'saħħithom.

Il-faqar jista' jitnaqqas jekk inpoġġu fiċ-ċentru tal-istrateġiji tagħna l-persuna umana.  Il-filosofija preżenti tas-suq globalizzat hija bażata fuq il-kunċett tal-kompetizzjoni li, skond il-fehma ta' ħafna, issarraf f'aktar effiċjenza u vantaġġi għall-konsumatur.  Iżda wieħed jista' jiddiskuti jekk dan hux qed ikollu effett mhux mixtieq fuq dawk l-aktar vulnerabbli jew hux qed ikun għall-benefiċċju ta' kulħadd.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-problema tal-faqar u l-esklużjoni soċjali hija, fil-fehma tiegħi, waħda ta' ġustizzja soċjali.  Il-ġustizzja soċjali hija fondata fuq il-prinċipji tad-drittijiet umani u l-ugwaljanza u dan jinkludi aċċess ugwali għall-opportunitajiet; hija l-mod kif id-drittijiet umani jiġu manifestati fil-ħajja ta' kuljum fuq kull livell.  Il-valur ta' kull persuna huwa inestimabbli u kull persuna jixirqilha l-akbar dinjità għas-sempliċi fatt li tagħmel parti mill-umanità.  L-Istat u kull wieħed minna għandu d-dover li jippromwovi l-ġustizzja soċjali u l-protezzjoni tad-drittijiet.  Naħseb li t-test ta' kull soċjetà ċivilizzata huwa kif hija tittratta l-membri tagħha l-aktar vulnerabbli.

Imma wieħed jistaqsi:  Il-ġlieda kontra l-faqar tista' tintrebaħ?  Kristu qal: "Il-foqra dejjem issibuhom magħkom..." (Gw, 12:8).  Imma ma waqafx hemm, saħaq li hemm bżonn li tingħata l-għajnuna lil min jeħtieġha: "... kull m'għamiltu ma' wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi"  (Mt, 25:40) u jkompli "...dak li m'għamiltux ma' wieħed minn dawn iż-żgħar, anqas miegħi ma għamiltuh" (Mt, 25:45).  Mela li teradika l-faqar mhix fantasija minkejja d-diffikultajiet li jeżistu.  Fi kliem l-ekonomista Jeffrey Sachs: "Ours is the first generation in the history of the world with the ability to eradicate extreme poverty.  We have the means, the resources and the know-how.  All we lack is the will.  Għalhekk, irridu nkunu u naġixxu bħas-Samaritan it-tajjeb għaliex kif stqarr tant tajjeb Teilhard de Chardin "Only when we are One are we one".

Ma teżistix soluzzjoni mirakoluża għall-problema tal-faqar fid-dinja.  L-isforz biex neradikaw il-faqar irid jiġi minn kulħadd: mill-istati, mill-għaqdiet tal-volontarjat u minn kull individwu.  Ir-riżorsi planetarji huma suffiċjenti għal kulħadd imma jridu jitqassmu b'ġustizzja, irid ikun hemm distribuzzjoni ekwa.  Il-pajjiżi sinjuri jistgħu jibżgħu li l-pajjiżi l-fqar jistgħu jxekkluhom milli jistagħnew iżjed għax il-ħtiġijiet tal-fqar huma tant kbar li kieku kellu jinqasam il-ġid tad-dinja ugwalment ma' kulħadd, il-pajjiżi għonja jkollhom inaqqsu mill-ħajja li qed jgħixu llum.  Imma din hi viżjoni dejqa jekk mhux ukoll individwalista ta' kif għandna naffrontaw din il-pjaga soċjali.

Is-soluzzjoni tal-problema tal-faqar tiddependi minn tmexxija soda u rieda politika qawwija li jirriżultaw fi tkabbir ekonomiku tal-pajjiżi foqra.  Eżempju storiku ta' rieda politika u tmexxija determinata niħduh mill-President Harry Truman u mis-Segretarju tal-Istat George Marshall li kkonċepew u wettqu l-Marshall Plan li permezz tiegħu l-ekonomija tal-Ewropa tal-Punent irkuprat u kibret fi ftit snin wara d-diżastru li ħalliet warajha t-tieni gwerra mondjali.  Fl-aħħar tal-erba' snin tal-Pjan Marshall, l-ekonomija tal-pajjiżi megħjuna mill-Amerika kibret aktar milli kienet qabel il-gwerra b'35 fil-mija.  Il-mira speċifika tal-Pjan fi kliem George Marshall kienet kif ġej:  "Our policy is directed not against any country or doctrine but against hunger, poverty, desperation and chaos.  Its purpose should be the revival of a working economy in the world so as to permit the emergence of political and social conditions in which free institutions can exist."  Dan juri li meta rridu naġixxu konkretament, nafu x'għandna nagħmlu.

Biex tissolva l-problema tal-faqar, l-atteġjament irid jinbidel.  Illum, ir-raġunament hu li wieħed lest li jgħin lil min jaħseb li se jkun jista' jpattihulu fil-futur u / jew għax jaqbilu ma jimpurtahx minn dak li m'għandux il-mezzi biex jirreċiproka.  Forsi hu iktar faċli wkoll li ddaħħal idejk fil-but u toħroġ il-flus biex tgħin lill-fqir milli tagħti mill-ħin tiegħek ħalli tgħin.  Fil-fehma tiegħi huwa dan li jagħmel il-bniedem sħiħ min lest li jagħti mingħajr ma jistenna li jirċievi, u li għandu r-rieda li jagħmel l-għażla preferenzjali tiegħu favur il-fqar u dawk esklużi soċjalment.

Nirringrazzjakom.

 

Disclaimer Footer Seperator Privacy Policy Footer Seperator Copyright Footer Seperator Accessibility Footer Seperator Help Footer Seperator Sitemap Footer Seperator Contact Us Footer Seperator Bookmark Site (Ctrl+D) Footer Seperator Home
 
GOV Logo Government of Malta
© The office of the Prime Minister
Developed by Alert Communications