Menu Arrow Home Menu Arrow Contact Menu Arrow Sitemap
 
  The President of Malta Official Website
 
The President of Malta
spacer
spacer
 
Spacer
Menu Arrow

The President of Malta

Menu Seperator
Menu Arrow

The Presidents

Menu Seperator
Menu Arrow

The Constitution of Malta

Menu Seperator
Menu Arrow

The Role of the President

Menu Seperator
Menu Arrow

Staff at the Office of The President

Spacer
Spacer
Spacer
Menu Arrow

The Republic of Malta

Menu Seperator
Menu Arrow

National Symbols

Menu Seperator
Menu Arrow

National Anthem

Menu Seperator
Menu Arrow

Virtual Tours

Menu Seperator
Menu Arrow

Ambassadors’ Room

Menu Seperator
Menu Arrow

Tapestry Chamber

Menu Seperator
Menu Arrow

Throne Room

Menu Seperator
Menu Arrow

Pages Room

Menu Seperator
Menu Arrow

The Presidential Palaces

Menu Seperator
Menu Arrow

The Palace, Valletta

Menu Seperator
Menu Arrow

San Anton Palace

Menu Seperator
Menu Arrow

Verdala Palace

Menu Seperator
Menu Arrow

Timeline of the History of Malta

Spacer
Spacer
Spacer
Menu Arrow

The Malta Community Chest Fund

Spacer
Spacer
Spacer
Home : Speeches : ‘IL-FAMILJA: IL-BIERAĦ, ILLUM, GĦADA’

‘IL-FAMILJA: IL-BIERAĦ, ILLUM, GĦADA’

It-tema magħżula għal din il-konferenza hija Il-Familja: Ilbieraħ, Illum u Għada.  Qabel nibdew nikkunsidraw il-passat, il-preżent u l-futur, tajjeb li nistabbilixxu dak li huwa permanenti u immutabbli u jittraxxendi ż-żmien u l-ispazju dwar x'nifhmu b'familja, jew, tal-inqas, x'inhi l-fehma tiegħi.  Il-familja hija impenn għat-tul tal-ħajja bejn raġel u mara, li jista' jirriżulta fil-prokreazzjoni ta' individwi ġodda li jagħmlu parti mis-soċjeta', impenn ċentrali u fondamentali għall-ħajja soċjali.  Fil-kulturi kollha, l-iktar idea fondamentali tal-familja hija li kull wild għandu bżonn ta' missier u omm.  Iż-żwieġ u l-familja għandhom ikunu mwieżna u sostenuti u mhux imminati u mdgħajfa.  Kull persuna għandha d-dritt li tieħu sehem sħiħ fil-ħajja soċjali, ekonomika u politika tal-pajjiż u għandha fl-istess ħin id-dmir li taħdem għat-tkabbir tal-ġid komuni u t-tisħiħ tas-soċjeta' kollha li tagħha l-familja hija l-pedament.  Kull persuna għandha d-dritt għall-ħajja familjari li permezz tagħha tista' tiżviluppa l-kapaċitajiet fiżiċi, intellettwali, psikoloġiċi u soċjali li mbgħad tista' tinqeda bihom għall-ġid tagħha nfisha u tas-soċjeta' li tgħix fiha.

Id-deċizjoni ta' koppja li tiżżewweġ hija waħda libera u privata iżda l-effetti tagħha m'humiex limitati għall-isfera privata biss, imma jidħlu wkoll fid-dominju pubbliku u soċjali.  Il-familja, mela, mhix sempliċi kuntratt matrimonjali għalkemm il-kunċett ta' familja li writna tul sekli ta' esperjenza huwa rifless fil-liġijiet tagħna dwar il-familja.  Il-liġijiet ukoll evolvew matul iż-żmien u llum il-ġerarkija familjari patrijarkali nbidlet għal waħda fejn l-awtorita' u r-responsabilitajiet jirriflettu aktar l-ugwaljanza bejn il-miżżewġin.  Il-futur tal-familja jista' jkun jiddependi fuq kemm il-kunċett ta' familja li writna se jiġi kontrobilanċjat ma' kunċetti ġodda li żviluppaw fl-aħħar snin fl-Ewropa u bnadi oħra tad-dinja bħal l-Istati Uniti.

Il-familja eżistiet qabel l-Istat għax hija naturali: Id-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Dwar id-Drittijiet Umani tiddefinixi l-familja bħala the natural and fundamental group unit of society.  L-Istat jista' biss jirregola ċerti aspetti tagħha u joffrilha protezzjoni - l-istess dikjarazzjoni tkompli tgħid li l-familja is entitled to protection by society and the State. Il-familja, madankollu, hija indipendenti mill-Istat fejn tidħol it-trażmissjoni ta' valuri lill-ulied għax dan jibqa' prerogattiva tal-ġenituri u l-ebda Stat demokratiku m'għandu d-dritt jindaħal f'dan.  Il-Kodiċi Ċivili tagħna jillimita ruħu li jimponi l-obbligu fuq il-ġenituri li jieħdu ħsieb, imantnu, jgħallmu u jedukaw lil uliedhom mingħajr ma jispeċifika kif u x'tagħlim u valuri għandhom jgħaddulhom.

Karatteristika vitali ta' familja soda hija l-istabilita', is-sikurezza psikoloġika għall-membri tagħha li jafu li, jiġri x'jiġri, fil-hena jew fin-niket, meta għandhom raġun u meta għandhom tort, se jsibu l-wens tal-għeżież tagħhom.  Din il-protezzjoni reċiproka hija essenzjali mhux biss għall-koppja imma wkoll għall-ulied li waqt it-trobbija tagħhom, fil-mixja kultant skabruża u avventuruża, mill-infanzja għall-adolexxenza sal-eta' adulta, anki meta jħossu li jridu jirribellaw kontra t-tradizzjoni u l-konformita', naħseb li kollha jixtiequ jsibu, biex nissellef frażi ta' Franco Battiato, "ċentru ta' gravita' permanenti" li huwa rappreżentat bil-mod l-aktar stupend mill-familja.

Il-liġijiet ċivili tagħna ma jagħtux definizzjoni espliċita ta' x'inhu żwieġ.  Din il-lakuna qiegħda hemm biex tħalli t-triq miftuħa għal interpretazzjoni wiesgħa tal-kelma "żwieġ" sabiex fil-futur tinkludi unjonijiet diversi minn dawk bejn mara u raġel jew għax it-tifsira tal-kelma kienet tant evidenti li ma kellhiex bżonn ta' definizzjoni?  Sa issa, il-kunċett u l-prattika soċjali li fuqhom għadhom ibbażati l-liġijiet tagħna dwar iż-żwieġ, partikolarment in-neċessita' li l-unjoni matrimonjali tkun bejn mara u raġel, għandhom l-għeruq tagħhom fl-għarfien realistiku tan-natura umana u d-differenzi bejn is-sessi.  Dan jinkludi inevitabilment li l-unjoni bejn is-sessi differenti biss tista' tirriżulta fil-prokreazzjoni.  Il-familja kif fhimnieha s'issa hija fuq kollox ta' natura bioloġika għax għandha rabta intrinsika mal-prokreazzjoni u r-responsabilita' tat-trobbija tal-ulied.  Il-liġi tista' tippermetti unjoni differenti minn dik bejn mara u raġel u ssejħilha "żwieġ", għax iż-żwieġ hu kunċett regolat mid-dritt, imma żwieġ bħal dan jista' jagħti lok għal familja?  Fi kliem ieħor, unjonijiet li m'humiex bejn mara u raġel, jistgħu jissejħu familja?

Dan ma jfissirx li ma jistgħux isiru liġijiet li jipprovdu għal ċerti drittijiet reċiproċi fejn jidħlu koppji tal-istess sess f'relazzjoni stabbli, imma dan jista' jissejjaħ żwieġ?

F'ċerti pajjiżi, fuq l-iskorta ta' interpretazzjoni ta' unjonijiet bħal dawn bħala "żwieġ", ingħata d-dritt tal-adozzjoni.  L-adozzjoni kif hija mifhuma fil-liġi tagħna, hija istituzzjoni sabiħa intiża prinċipalment għall-ġid tal-adottat bil-ħsieb li dan jintegra ruħu ġo familja bħal kwalsiasi wild ieħor u mingħajr ebda distinzjoni mal-ulied naturali, jekk ikun hemm.  Jiena nistaqsi jekk adozzjoni minn koppji tal-istess sess tistax tipprovdi mudell ta' familja naturali u jekk l-adottat jistax ikun diżorjentat psikoloġikament u soċjalment minn sitwazzjonijiet bħal dawn.

Fl-imgħoddi, il-mudell tal-familja kien dak patrijarkali u l-liġijet tagħna, imsejsa fuq id-dritt Ruman tal-paterfamilias, kienu jirriflettu din it-tradizzjoni marbuta aktarx mal-ambjent rurali fejn il-ġid kien jiddependi mill-art.  Il-kap tal-familja kien ir-raġel - missier li kellu awtorita' paternali u kien l-amministratur patrimonjali waħdieni tal-komunjoni tal-akkwisti.  Kien "padre padrone", l-awtorita' tiegħu indiskussa.  Il-mara kienet tiddependi kważi totalment minn żewġha għax ma kellha ebda fonti ta' gwadann personali minħabba li ma kinitx taħdem għall-qliegħ.  Is-servizzi soċjali jew kienu ineżistenti jew inkella inadegwati.

Hawnhekk wieħed jistaqsi jekk il-familji tal-passat kinux aktar stabbli u feliċi minn dawk tal-lum.  Mhux faċli tirrispondi għal din id-domanda.  Hemm il-periklu li wieħed jirromantiċizza l-passat u jinsa l-kundizzjonijiet ta' ħajja li kienu jgħixu żmien ilu.  Anki kieku kellna statistika għal dak iż-żmien, kienet tkun ta' ftit utilita' għax wara l-istatistika jistgħu jinħbew ħafna affarijiet li kienu jiġru wara l-bibien magħluqa.  Fil-fehma tiegħi, l-inkwiet familjari minn dejjem kien jeżisti imma forsi mhux daqshekk fil-miftuħ bħall-lum.  Fis-sitwazzjoni li ddeskrivejt, kien diffiċli għall-mara li taċċetta separazzjoni għax ma kellhiex il-mezzi biex tgħix jew tgħajjex lil uliedha magħha.  Jekk kienet infeliċi, anki b'mod serju bħal f'każ ta' vjolenza domestika, naħseb li kien ikollha tieħu paċenzja u tissaporti anki l-intollerabbli.  Is-soċjeta' kienet ukoll aktar tolleranti mal-irġiel milli man-nisa li kienu mistennija jaċċettaw is-sagrifiċċju aktar mill-irġiel. Il-familji kienu wkoll wisq aktar numerużi u sas-snin ħamsin familji b'sitt ulied u aktar, kienu għadhom komuni.  Familji ta' dan id-daqs kienu, sa ċertu punt, ta' deterrent għal separazzjonijiet minħabba li l-ġenituri kienu jħossu responsabilita' akbar lejn it-tfal u kienu jippreferu jibqgħu flimkien għall-ġid tat-tfal.  Illum, meta l-medja hija ta' żewġ ulied biss jew inqas, huwa inqas diffiċli li koppja tissepara għax il-piż huwa iżgħar u ġaladarba ż-żewġt itfal ikunu tfarfru ma jkunx hemm oħrajn iżgħar biex jeħdulhom posthom.

Il-mudell tal-familja tal-lum spiss għandu arranġament ekonomiku differenti minn dak ta' dari, għax hemm żewġ fonti ta' introjtu minħabba li l-ġenituri jaħdmu t-tnejn u kull wieħed minnhom huwa, sa ċertu punt, ekonomikament indipendenti mill-ieħor.  L-awtorita' paternali illum hija sostitwita mill-awtorita' konġunta mhux biss fuq l-ulied imma wkoll fuq l-assi matrimonjali.  Il-mara llum drat tiġġestixxi l-affarijiet tagħha u s-separazzjoni mhix trawmatika daqs kemm kienet qabel minn dan il-punto di vista.

Mill-banda l-oħra, il-piżijiet ekonomiċi fuq il-koppja żdiedu ħafna għax l-aspettativi huma akbar.  Il-livell tal-ħajja tela' ħafna u ħadd m'għadu jikkuntenta ruħu bil-ftit kumditajiet tal-ħajja l-antika.  Il-koppja jridu karozza kull wieħed, ħafna affarijiet tad-dar, u fuq kollox hemm il-piż ta' self mill-banek għax fejn qabel kienu jinkrew id-djar b'kera aktarx baxxa, illum dan huwa impossibbli u wieħed hu kostrett jissellef ħalli jixtri.  Dan il-konsumiżmu li, fil-ħajja tal-lum sar inevitabbli, ħalla impatt fuq il-familji u, f'xi każi, jikkawża tensjonijiet li jistgħu jimpinġu fuq l-armonija tal-koppja. 

Is-soċjeta' industrijalizzata li tiddependi fuq is-suċċess tas-suq għall-ekonomija tagħha tinkoraġġixxi l-konsumiżmu u l-koppji, bħall-bqija tas-soċjeta', m'għandhomx għażla wisq ħlief illi jċedu għall-pressjoni soċjali u jitgħabbew bil-piżijiet.  Dan spiss iwassal ukoll sabiex tiġi rimandata d-data meta jaslu t-tfal u l-familja tibqa' tikkonsisti biss fil-koppja miżżewġa għal żmien itwal minn dari. 

Fejn żmien ilu l-miżżewġin kienu lesti għal ċertu sagrifiċċju, l-atteġġjament edonistiku tal-lum jeskludi din l-idea.  Ma nafx hux għaqli li wieħed isemmi l-kelma "sagrifiċċju" għax inkella wieħed jista' jimplika li, jekk iż-żwieġ jitlob is-sagrifiċċju, ikun bluha li tidħol għalih.

Ċertament li l-aċċess għal edukazzjoni għolja minn numru dejjem jiżdied ta' żgħażagħ biddel mill-qiegħ il-filosofija dwar il-ħajja.  Fejn qabel wieħed kien lest jieħu parir, illum ħafna saru individwalisti u jemmnu li kapaċi jaħsbu għalihom infushom mingħajr ma jfittxu l-opinjoni tal-oħrajn.  Il-mudelli tal-familja tradizzjonali mhux dejjem għadhom attraenti għal kulħadd.  Il-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa jippreżentaw stil ta' ħajja kompletament differenti minn dik Maltija ta' dari u jpinġuha bħala antika u sorpassata.

It-taħlit inevitabbli mal-barranin u żwiġijiet ma' persuni ta' nazzjonalitajiet u kulturi differenti wkoll ħalla l-impatt tiegħu.  Fil-pajjiżi Ewropej u ta' bnadi oħra, l-idea tradizzjonali tal-familja Maltija mhux dejjem issibha.  Id-divorzju ilu jeżisti għal żmien twil fl-Istati Uniti, Franza u l-Iskandinavja u daħal fl-Italja ħamsa u tletin sena ilu.  L-ideat ġodda li daħlu fis-snin sittin biddlu radikalment ir-rapport tal-koppja u dawn l-influwenzi bdew jinħassu f'Malta wkoll għalkemm damu xi ftit ma waslu fostna.

Iż-żwieġ għandu jibqa' l-benniena tal-familja.  Huwa fatt, madankollu, li n-numru ta' familji b'ġenitur wieħed żdiedu, it-twelid ta' trabi barra ż-żwieġ żdiet kif żdiedet il-koabitazzjoni.  It-tabu' tas-separazzjoni u l-koabitazzjoni spiċċa u l-impenn lejn familja għat-tul tal-ħajja qed jitnaqqar. Wieħed irid jikkonsidra sew u mingħajr ħafna telf ta' żmien x'jista' jsir biex din it-tendenza ma tkomplix tikber.  Illum it-tibdil hu mgħaġġel u ma naħsbux li ideat differenti minn tagħna jeħtieġu żmien twil ħafna biex jidħlu.  Nemmen li rridu naħsbu f'soluzzjonijiet ġodda.  Jekk ma jsir xejn, qegħdin fil-periklu li ġenerazzjonijiet futuri ma jkunux ċerti għaliex ta' qabilhom kienu jagħtu daqshekk importanza lill-familja.

Wieħed ma jridx ikun pessimist.  Minkejja li l-familja ġarrbet tibdil, il-maġġoranza tal-familji għadhom b'saħħithom u l-ideal familjari għadu xewqa predominanti.  Il-familja għadha l-istituzzjoni kardinali li fuqha hi organizzata s-soċjeta' u għad għandha flessibilta' suffiċjenti sabiex tadatta ruħha għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu.  Jekk tistaqsi ħafna nies x'inhi l-aktar ħaġa importanti għalihom, aktarx jirrispondu li hi l-familja.

Il-familja teħtieġ aktar sostenn sabiex tkompli tissaħħaħ.  Familja li tisfaxxa dejjem iġġib riperkussjonijiet serji fuq it-tfal, speċjalment dawk iżgħar fl-eta'.  Il-firda li jġibu s-separazzjoni jew id-divorzju twassal għal inċertezza fit-tfal u ħafna minnhom imorru ħażin anki fl-istudji tagħhom.  Tista' tnissel ukoll sens ta' ħtija fit-tfal żgħar li ma jifhmux eżatt x'ikun qed jiġri bejn il-ġenituri tagħhom.  L-effetti emozzjonali fuq il-koppja separata jistgħu wkoll ikunu serji u jdumu tul ta' żmien.  Hemm ukoll effetti ekonomiċi u jidher li persuni separati huma aktar vulnerabbli ekonomikament.

L-Istat, flimkien ma' istituzzjonijiet oħra, għandu dover li jagħmel li jista' sabiex isaħħaħ il-familji permezz ta' liġijiet u miżuri amministrattivi adegwati.  Hu fl-interess tas-soċjeta' li jkollna familji b'saħħithom għax il-futur tagħna jiddependi minn dan.  L-Istat Malti diġa' għandu strutturi bħall-Kummissjoni Nazzjonali tal-Familja li għandha rwol konsultattiv.  Kien suġġerit ukoll li jinħoloq Kummissarju Għall-Familja u kumitat inter-ministerjali biex jippjana strateġija favur iż-żwieġ u l-familja.  L-Agenzija Appoġġ toffri servizz ta' terapija lill-familja u dan jista' jissaħħaħ iżjed.

Il-familji għandhom bżonn ukoll sostenn finanzjarju skond ma jiflaħ il-pajjiż għaliex diffikultajiet ekonomiċi li jiltaqgħu magħhom ċerti familji jistgħu jkunu kawża ta' tifrik fil-familja.

Il-Knisja tgħin ukoll permezz tal-Kummissjoni Djoċesana Familja u l-Moviment ta' Kana.  Iċ-Ċentru għall-Istudji tal-Familja li nfetaħ m'ilux fl-Universita' jista' wkoll joħroġ b'ideat favur il-familji.

L-Istat jista' wkoll jgħin permezz tal-edukazzjoni fl-iskejjel.  Hu essenzjali li, mill-eta' tal-adolexxenza, iż-żgħażagħ jiġu edukati fuq ir-relazzjoni bejn is-sessi, il-vera familja u ż-żwieġ.  Il-mudell tar-relazzjoni bejn is-sessi li jaraw iż-żgħażagħ hu spiss dak offrut mill mezzi ta' komunikazzjoni li ġejjin mill-Ewropa jew mill-Istati Uniti.  Dawn spiss juru jew sitwazzjoni ta' relazzjoni romantika żżejjed li ma tikkorrispondix mar-realta' jew inkella relazzjonijiet fejn l-infedelta' u r-relazzjonijiet mingħjar impenn huma l-istil modern tal-ħajja.  L-edukazzjoni trid tfisser liż-żgħażagħ li r-relazzjonijiet sesswali u l-ħajja familjari jeħtieġu responsabilita' u impenn aktar minn ħaġa oħra.

Fl-istess ħin, ma rridux ninjoraw il-fatt li numru li qed jikber ta' individwi qed jagħżlu, għax iridu jew għax kostretti miċ-ċirkostanzi, li jgħixu f'mudelli differenti mill-familja tradizzjonali fiż-żwieġ.  Ma naħsibx li hu sew li ninjoraw din il-minoranza sinifikanti u nqisuha bħala eċċezzjoni li mhux ta' min iħabbel rasu dwarha.  Dawn il-persuni għandhom id-dritt li jagħmlu għażla ħielsa u jixraqilhom li d-drittijiet tagħhom jiġu tutelati daqs ta' ħaddieħor għax jagħmlu parti integrali mis-soċjeta'.

Ma naħsibx li hawn xi ħadd li mhux favur familji sħaħ, stabbli u permanenti u kull miżura mill-Istat jew minn istituzzjonijiet oħrajn biex nassiguraw dan, hija neċessarja u ta' min ifaħħarha.  Imma nagħmlu x'nagħmlu, se jibqa jkollna żwiġijiet li jfallu u r-realta' hi li hawn nies li lesti jibnu familja ġdida ma' persuna oħra.  Numru mhux żgħir diġa' qed jgħixu f'relazzjonijiet li jridu jiġu regolarizzati. 

Għalhekk, fil-fehma tiegħi, id-deċiżjoni għandha tittieħed bla dewmien sabiex il-policy nazzjonali tal-familja tiġi ippubblikata u l-liġi tal-familja tiġi aġġornata, bil-għan li jirriflettu r-realtajiet tal-lum u tal-ġejjieni, u dan wara li jiġu definiti u nkunu ċari x'qed nifhmu sew meta nirreferu għal ‘familja' u għaż-‘żwieġ'.

Grazzi.

 

 

Disclaimer Footer Seperator Privacy Policy Footer Seperator Copyright Footer Seperator Accessibility Footer Seperator Help Footer Seperator Sitemap Footer Seperator Contact Us Footer Seperator Bookmark Site (Ctrl+D) Footer Seperator Home
 
GOV Logo Government of Malta
© The office of the Prime Minister
Developed by Alert Communications