|
Diskors mill-Eċċellenza Tiegħu Dott. George Abela, President ta' Malta fl-Okkażjoni tal-Għeluq tal-Konvenzjoni tal-Maltin li jgħixu barra 2010. Is-Sibt 20 ta' Marzu 2010. Il-Palazz, Valletta. Għeżież ħuti Maltin li tgħixu barra minn xtutna, Inkellimkom bħala wieħed li hu wkoll għamel xi żmien emigrat meta kien għadu tifel. Jiena kont emigrajt l-Awstralja mall-familja tiegħi meta kont għadni żgħir u għad għandi memorji ta' dak il-kontinent meraviljuż. Naf xi jfisser tħalli l-maħbub pajjiżek sabiex tfittex ħajja ġdida barra minn Malta u nista' nifhem id-dispjaċir li dan kultant kien iġib miegħu meta l-emigrazzjoni kienet issir pjuttost minħabba raġunijiet ekonomiċi. Imma nifhem ukoll is-sodisfazzjon li jiġi mis-suċċess tal-emigrant, li bil-ħidma tiegħu, jibni ħajja ġdida għalih u għall-familja tiegħu fl-art tal-emigrazzjoni. Jiena nittama li, matul il-Presidenza tiegħi, ikolli l-okkażjoni nżur komunitajiet Maltin f'xi pajjiżi tal-emigrazzjoni . Inħoss li l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin jixraqlu tifħir talli organizza din il-Konvenzjoni, ġimgħa utli ħafna li matulha Maltin emigrati u oħrajn li jgħixu barra minn xtutna minħabba raġunijiet ta' impjieg jew xi raġuni oħra, kellhom l-opportunità li jiltaqgħu u jiddiskutu diversi materji ta' interess bħall-edukazzjoni; il-kultura u l-wirt nazzjonali; l-identità Maltija; dak li jolqot l-anzjani; u suġġetti oħra bħal ma hi ċ-ċittadinanza. Malta ilha stat indipendenti ħamsa u erbgħin sena biss, anqas mill-ħajja medja ta' bniedem, anqas minn tliet ġenerazzjonijiet. Il-Maltin, madankollu, ilhom Nazzjon ħafna aktar minn hekk. Matul is-sekli li damu taħt potenzi barranin, il-Maltin qisu lilhom infushom Maltin, b'identità distinta minn dik ta' min kien jiggvernahom. Kellhom ir-reliġjon u l-valuri tagħhom, l-użanzi, it-tradizzjonijiet u l-folklor tagħhom, u fuq kollox, il-lingwa tagħhom li kienet tagħżilhom minn nazzjonijiet oħra. Tassew li l-lingwa li nitkellmu bdiet oriġinarjament bħala djalett Għarbi, iżda matul iż-żmien il-Maltin biddluha, assorbew vokabolarju u karatteristiċi lingwistiċi minn ilsna oħra u żviluppawha bil-mod tagħhom. Illum għandna lingwa għalina, bil-letteratura tagħha u d-dinjità ta' lingwa nazzjonali. Nemmen li l-ispirtu ta' Nazzjon Malti diġa' joħroġ mid-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Abitanti tal-Gżejjer ta' Malta u Għawdex, li l-mexxejja tal-Maltin ikkomponew u ressqu lill-Ingilterra f'Ġunju tal-elf tmien mija u tnejn (1802) u li fiha insistew fuq il-ħarsien tar-reliġjon u t-tradizzjonijet li wirtu minn missirijiethom flimkien mal-jeddijiet li jiggarantixxu s-Saltna tad-Dritt. Iżda anke qabel dan, fl-aħħar tas-seklu tmintax, il-patrijott Malti Mikiel Anton Vassalli diġa' kien iddeskriva lil Malta bħala Nazzjon u l-Malti bħala lsien nazzjonali. Mhux ta' b'xejn li Dun Karm għaraf fih l-ewwel ħassieb li xtaq lil Malta tkun Nazzjon indipendenti u kiteb dwaru: ... għax ħabbejtha lil din l-art ħanina, u kont ewlieni fost in-nisel tagħna li ħsibt il-jedd li nkunu ġens għalina. Għalkemm l-Istat huwa ċirkoskritt mill-fruntieri ġeografiċi tiegħu, in-Nazzjon jittraxxendi l-konfini territorjali u għaldaqstant, jinfirex sa fejn hemm Maltin li għadhom jidentifikaw lilhom infushom bħala Maltin. Dawk li emigraw l-Awstralja, il-Kanada, l-Istati Uniti, ir-Renju Unit jew l-Afrika ta' Fuq u postijiet oħra, jew id-dixxendenti tagħhom li wħud minnhom komplew jinfirxu Franza u pajjiżi oħra, jappartjenu lin-Nazzjon Malti daqs dawk li twieldu u baqgħu jgħixu Malta sakemm jixtiequ jibqgħu jidentifikaw ruħhom bħala Maltin. Naħseb li l-emendi għall-liġi taċ-ċittadinanza li saru xi snin ilu sabiex jagħtu d-dritt ta' ċittadinanza doppja lill-emigrati u dixxendenti tagħhom li jikkwalifikaw, għenu ħafna biex il-Maltin li emigraw ikomplu jħossu ruħhom Maltin. Dan hu fattur pożittiv għax jikkontribwixxi għall-għaqda tan-Nazzjon Malti. Dan ma jfissirx li emigrat ma jintegrax sewwa bl-aktar mod sħiħ fis-soċjeta' tal-art tal-emigrazzjoni imma, li flimkien ma' dan, ikompli jħossu parti mir-ruħ Maltija u jgħożż l-art tal-oriġini tiegħu. Jien għalhekk, ħuti Maltin, mhiniex qiegħed navvoka xi nazzjonaliżmu fanatiku imma dak in-nazzjonaliżmu li jfisser għarfien tal-identita' nazzjonali tal-individwu u tal-kollettivita' u għożża tal-wirt kulturali u storiku ta' pajjiżna. Aħna għandna storja twila ta' assoċjazzjoni ma' ħafna nazzjonijiet li kienu jiggvernaw Malta u ħadna t-tajjeb minnhom ilkoll, bħall-aspett kulturali, lingwistika u ġuridika, imma wkoll wirt etniku u ġenetiku. Dan it-taħlit seta' kellu xi aspetti negattivi f'xi żmien, imma ħalla wkoll rikkezza kulturali li kollox ma' kollox irriżultat f'Malta u l-Maltin li aħna llum. Anzi, nista' ngħid li aħna dak li aħna llum għax għarafna nassorbu u nintegraw il-kultura u l-użanzi ta' dawk in-nazzjonijiet li tħallatna magħhom. Jidhirli li huma ta' min ifaħħarhom dawk l-inizjattivi fl-artijiet tal-emigrazzjoni li joffru tagħlim u informazzjoni fuq il-lingwa u l-kultura tagħna lill-emigrati u t-tfal tagħhom. Hu indispensabbli li l-emigrati jintegraw mal-pajjiż fejn ikunu, jitkellmu l-lingwa tiegħu u jassorbu l-mod ta' ħajja tiegħu. Imma huwa wkoll xieraq li jfittxu l-għeruq li minnhom xorbu missirijiethom u jgħożżu l-wirt li huwa tagħhom. Waqt il-Konvenzjoni, numru ta' kelliema esprimew l-interess kbir tagħhom fil-lingwa nazzjonali tagħna u taw xhieda ta' kemm għandhom għal qalbhom dan il-wirt. Inħoss li huma f'waqthom ħafna l-inizjattivi mħabbra mill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u Familja, l-Onorevoli Dolores Cristina, meta tkellmet f'din il-Konvenzjoni. Dawn l-inizjattivi jistgħu jkunu determinanti fl-isforz li jiġu mgħejjuna l-Maltin ta' barra sabiex jitgħallmu l-Malti u biex iżommu ħajjin id-drawwiet u t-tradizzjonijiet Maltin. Fost l-inizjattivi nsibu li jingħataw kull sena 5 boroż ta' studju lill-Maltin emigrati u dixxendenti tagħhom biex isegwu kors ta' baċellerat fl-ilsien Malti, li jintbagħtu regolarment kotba Maltin fl-artijiet tal-emigrazzjoni u li tiġi mgħallma l-istorja tal-emigrazzjoni. Inħoss li jkun utli wkoll li t-tagħlim tal-istorja ta' Malta u tal-iżviluppi kostituzzjonali li Malta għaddiet minnhom sabiex illum tkun repubblika indipendenti membru tal-Unjoni Ewropea. Jekk iż-żgħażagħ Maltin ma jitgħallmux l-istorja ta' pajjiżhom, ma jkunux jistgħu jifhmu l-preżent għax dan hu riżultat tal-passat u ma jkunux jistgħu jifhmu kemm ħadmu missirijiethom sabiex illum Malta hi dik li hi. Ikun ukoll utli t-twaqqif ta' Istitut Kulturali, kif ġie propost, li jkollu l-missjoni li jżomm ħajjin u jxerred dawk id-distintivi tal-identita' Maltija bħalma huma t-tradizzjonijiet, id-drawwiet, il-folklor u t-tagħlim tal-lingwa Maltija. Il-mezzi elettroniċi tal-internet jistgħu wkoll jiġu utilizzati għall-istess skop kif illustra tajjeb il-Professur Friġġieri fl-intervent tiegħu. Il-Maltin huma wkoll Ewropej b'kultura Ewropea. Jiena naħseb li, il-Maltin ilhom li ħassew ruħhom Ewropej anki meta l-kunċett ta' Ewropa magħquda kien għadu ‘l bogħod. Illum, minħabba l-influwenzi kulturali li ġarrabna matul iż-żmien flimkien mas-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea, il-Maltin qegħdin aktar u aktar iħossu l-identita' Ewropea tagħhom li dik Maltija mhix ħlief parti minnha. Huwa fatt ukoll li aħna ninsabu fil-qalba tal-Mediterran u għalhekk nagħmlu parti b'aktar enfasi mill-Ewropa Mediterranja. Dan kollu wkoll sar parti mill-identita' tan-Nazzjon Malti. Illum, dawk li jaħdmu barra minn Malta m'humiex kollha emigrati. Hemm numru dejjem jikber li, għalkemm għadhom domiċiljati jew residenti ordinarjament f'pajjiżna, jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet li jeżistu barra u jsibu impjieg jew jipprattikaw professjoni ‘l barra minn xtutna. Is-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea kompliet tipprovdi aktar opportunitajiet ta' dan it-tip. Il-Maltin m'humiex poplu li jaqta' qalbu u dan tixhdu l-istorja. Illum, għadd ta' Maltin jaħdmu mall-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew f'postijiet oħra u numru ta' professjonisti, bħal ma huma t-tobba iħabbtuha ma' sħabhom ta' nazzjonijiet oħra fix-xogħol li għażlu barra. Fil-fehma tiegħi, dan hu fenomenu pożittiv. Għadd ta' tobba Maltin u anki ġuristi Maltin, biex insemmi biss żewġ oqsma ta' attività professjonali, għamlu isem ta' ġieħ għal pajjiżhom u huma meqjusa fost l-aħjar fil-professjoni tagħhom. Il-Maltin, għalhekk, m'humiex insulari u jaqtgħu qalbhom jikkompetu mall-oħrajn. Illum rabbew il-ġwienaħ sew u jsiefru b'kunfidenza ħalli jfittxu opportunitajiet ġodda u remunerattivi. Jiena nixtiqilhom ilkoll aktar suċċess. Ħuti Maltin li tgħixu barra minn Malta, Il-proverbju "bogħod mill-għajn, bogħod mill-qalb", żgur li mhux veru fil-każ tagħkom. Intom tibqgħu dejjem viċin tagħna u saħansitra jekk twelidtu barra minn pajjiżna, għalina intom xorta waħda Maltin u għandkom post ta' għożża ġewwa qalbna. Jiena naf li Malta għalikom hija wkoll l-art li tatkom isimha. Naf li, bir-raġun, tafu tħobbu l-art fejn emigrajtu imma tgħożżu bl-istess imħabba l-art li fiha għandkom l-għeruq u l-oriġini tagħkom. Kif jgħanni lil Malta l-poeta nazzjonali fil-poeżija "Għanja ta' Malti fl-Amerka": Għalxejn bejni u bejnek imewweġ il-baħar, Ja xtajta sabiħa fejn jiena twelidt, Għalxejn ġrajja ġodda, qawwija, tal-għaġeb Ibiegħdu dik l-għodwa li minnek infridt. Int dejjem tittajjar fil-għoli ta' ħsiebi, Ja gżira maħbuba fil-hena, fil-hemm; Int dejjem ġo qalbi tkun l-egħżeż tifkira Sakemm din il-ħajja li tajtni tintemm. Nirringrazzjakom.
|