"Dan huwa ir-raba' August Moon Ball taħt din il-Presidenza u nixtieq nieħu l-opportunita' sabiex nirringrazzja lil dawk kollha, sponsors u individwi li dejjem jagħtu sapport lil Malta Community Chest Fund. Is-sena l-oħra il-Malta Community Chest Fund ħarġet 2.4 miljun ewro li minnhom ibbenifikaw numru kbir ta' għaqdiet non governattivi - kważi miljun ewro - u 1800 persuna li ġew megħjuna fuq każijiet ta' mard u bżonnijiet soċjali oħra. Il-Malta Community Chest Fund għadha torganizza dan il-ballu bħala waħda mill-attivitajiet sabiex jinġabru l-flus li għandu bżonn dal-fond biex jibqa' jagħti l-kontribut li qiegħed jagħti fis-soċjeta" qal il-President George Abela waqt li dalgħodu indirizza konferenza stampa biex iniedi l-August Moon Ball ta' din is-sena, li se jsir nhar is-Sibt 4 t'Awissu ġewwa l-Palazz tal-Verdala.
Is-Sur Daniel De Petri Testaferrata, ic-Chairperson tal-Ballu għal din is-sena, irringrazzja lill- President u s-Sinjura Abela li għal darb'oħra qed jospitaw dan il-ballu ġewwa il-Palazz ta' Verdala fejn ghall-okkazzjoni jkun imżejjen u joffri spettaklu ta' dawl u b'numru ta' artisti bħal versatile band, il-banda tal-forzi armati u l-banda tal-pulizija għal matul il-ballu Din is-sena saru xogħlijiet f'dan il-palazz li se jitgawdew minn dawk li se jattendu.
Is-Sur De Petri Testaferrata rringrazzja lill-isponsors ta' dan il-ballu b'mod speċjali lil Island Caterers u lill-Marsovin li jagħtu kontribut siewi ħafna sabiex dan il-ballu jkun jista jrendi somma sabiħa għall-Malta Community Chest Fund.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista' jzur is-sit http://www.augustmoonball.com/ fejn il-biljetti jistgħu jinxtraw online għall-prezz ta' 65 ewro.



