Eċċellenza, President VUJANOVIC,
Eċċellenzi,
Sinjuri,
Nirringrazzjak, Sur President, għas-sentimenti sbieħ li għadek kif fissirt. Huwa ta' pjaċir u unur għalija li ninsab hawn fil-pajjiż sabieħ tagħkom u li napprezza l-ospitalita? ġeneruża li biha jiena u d-delegazzjoni tiegħi ġejna milqugħa. F'ismi u f'isem id-delegazzjoni tiegħi, nesprimi l-gratitudni tagħna għall-akkoljenza li rċevejna.
Malta u l-Montenegro jixxiebhu f'ċerti karatteristiċi: il-popolazzjonijiet tagħhom huma żgħar u t-tnejn huma stati mediterranji; iż-żewġ pajjiżi għandhom storja twila u interessanti u ħafna siti ta' interess storiku u ġmiel naturali. Dawn l-assi, flimkien mas-sens naturali ta' ospitalita? tipiku tal-pajjiżi żgħar, huma ingredjenti essenzjali għas-suċċess fl-industrija tat-turiżmu li hija wieħed mill-pedamenti tal-ekonomija taż-żewġ pajjiżi.
Wara li Malta saret indipendenti fl-elf disa' mija erbgħa u sittin (1964), hija żviluppat ekonomija ta' suq ħieles, industrija tal-manifattura dinamika u moderna li nfirxet fis-settur tat-teknoloġija avvanzata, it-turiżmu u servizzi oħra, partikularment is-servizzi finanzjarji u l-port ħieles. Fl-elfejn u erbgħa (2004), Malta ssieħbet mal-Unjoni Ewropea u daħlet fiż-żona ewro fl-elfejn u tmienja (2008). Aħna konvinti li s-sħubija tagħna fl-Unjoni u d-dħul tagħna fiż-żona ewro kienu fatturi determinanti fil-kapaċita? ta' Malta sabiex tirreżisti għall-burraxka ekonomika li laqtet l-ekonomija globali fix-xhur li għaddew, filwaqt li tibqa' tiġbed investiment barrani dirett.
It-taqlib ekonomiku u finanzjarju reċenti fl-Ewropa u madwar id-dinja għadu jġibilna tħassib u l-munita komuni Ewropea ġarrbet l-effetti tad-diffikultajiet li għaddew minnhom ċerti ekonomiji. Jiena mgħarraf li l-Montenegro, għalkemm mhux uffiċjalment membru taż-żona ewro, adotta l-ewro u għandu interess dirett fil-prestazzjoni ta' din il-munita. L-Unjoni Ewropea ħadet miżuri bla preċedent sabiex issostni l-ewro. Hija l-fehma tagħna li jeħtieġ li jinħolqu mekkaniżmi, fil-kuntest ta' integrazzjoni aktar deċiżiva, sabiex isaħħu l-munita u jirrenduha kapaċi tilqa' l-sfidi għall-istabbilta? tagħha. Malta tappoġġja Ewropa aktar magħquda, integrata u assertiva kif jipprovdi t-Trattat ta' Lisbona li daħal fis-seħħ is-sena li għaddiet.
Sur President,
It-tkabbir kien wieħed mill-prinċipji tal-Unjoni Ewropea li l-aktar li rnexxew. Bħalissa, negozjati ta' sħubija qed jitmexxew ma' għadd ta' stati li jixtiequ jingħaqdu mal-Unjoni Ewropea. Is-sħubija ta' Stati-Membri ġodda timmira sabiex iġġib prosperita? u sigurta? akbar fil-kontinent Ewropew filwaqt li tagħmel l-Unjoni iktar b'saħħitha u influwenti bħala protagonista globali. Bis-sebgħa u għoxrin (27) membru tagħha, l-Unjoni Ewropea saret l-ikbar żona ekonomika tad-dinja. B'numru ikbar ta' membri, is-suq intern ikun usa' u jkun jista' jxettel opportunitajiet ekonomiċi ġodda li jkomplu jsaħħu l-prosperita? u l-kompetittivita? tal-Ewropa. L-aġenda attwali għat-tkabbir tinkludi l-Balkani Oċċidentali, l-Iżlanda u t-Turkija.
Malta tqis it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea bħala element pożittiv għall-futur tal-Unjoni u jidhrilha li l-pass li bih pajjiżi kandidati joqorbu lejn l-Unjoni għandu jkompli jiddependi fuq ir-ritmu tar-riforma li jagħmlu. Huwa daqshekk ieħor importanti li t-tkabbir tal-Unjoni jseħħ b'mod strutturat u ġestit sewwa u f'termini ta' żmien raġonevoli. Malta tħoss ukoll li l-Unjoni Ewropea għandha tirreaġixxi pożittivament għal dawk il-pajjiżi li jissoddisfaw il-kundizzjonijiet tat-tkabbir u għandha tħares lejn il-proċess ta' tkabbir bħala strument fir-relazzjonijiet esteri li jħajjar kwalunkwe pajjiż jew reġjun li jaderixxi mal-prinċipji demokratiċi, ir-rispett lejn id-drittijiet umani u l-Istat tad-Dritt.
Malta taqbel bis-sħiħ mal-Perspettiva tal-Unjoni Ewropea li l-pajjiżi fil-Balkani Oċċidentali jintegraw mal-Unjoni. Malta temmen li hu fl-interess tal-Unjoni daqs kemm hu fl-interess tar-reġjun tal-Balkani Oċċidentali li titħaffef kemm jista' jkun possibbli l-integrazzjoni ta' dan ir-reġjun f'Unjoni dinamika. Integrazzjoni bħal din tista' tgħin bis-sħiħ sabiex jiġu konsolidati s-sigurta? u l-istabbilta? tar-reġjun tal-Balkani Oċċidentali.
Malta tilqa' d-deċiżjoni tal-Montenegro li jressaq l-applikazzjoni biex jissieħeb fl-Unjoni Ewropea u fissret ir-rieda tagħha li taħdem mill-qrib mal-Montenegro sabiex iwettaq l-aspirazzjonijiet Ewropej ta' dan il-pajjiż. Jiena infurmat li uffiċjali għolja Montenegrini ġew mistiedna Malta sabiex jieħdu sehem f'seminar dwar ir-riformi neċessarji biex jitwettqu l-ħtiġiet tas-sħubija. Permezz tal-integrazzjoni tiegħu, il-Montenegro jkun jista' jaqdi rwol stabilizzanti fir-reġjun tal-Balkani.
Fit-23 ta' April elfejn u disgħa (2009), l-Istati Membri qablu li jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea biex tipprepara l-avis jew parir tagħha dwar l-applikazzjoni ta' sħubija tal-Montenegro. Bħalissa, il-Kummissjoni qiegħda tħejji l-parir tagħha li jista' jiġi ppreżentat matul is-sena kurrenti. Waqt li ssostni s-sħubija tal-Montenegro, Malta tittama f'parir pożittiv mill-Kummissjoni fil-futur qarib.
Sur President,
Ir-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi tagħna huma eċċellenti u komplew jissaħħu permezz tal-viżita f'Podgorizza mill-Viċi-Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin ta' Malta, l-Onorevoli Tonio Borg, f'April li għadda.
Nieħu pjaċir ninnota li tliet ftehimiet bilaterali bejn il-Gvernijiet ta' Malta u tal-Montenegro, wieħed dwar kooperazzjoni bejn il-Ministeri tal-Affarijiet Barranin, wieħed dwar it-turiżmu u ieħor dwar il-ġlieda kontra l-kriminalita? organizzata, se jiġu ffirmati. Hemm diversi setturi oħra ta' kooperazzjoni li jistgħu jiġu esplorati, bħalma huma l-promozzjoni tal-kummerċ u l-investiment; il-kooperazzjoni bejn istituzzjonijiet akkademiċi; u oqsma oħra ta' kooperazzjoni.
Jiena sodisfatt ukoll li membri ta' istituzzjonijiet kummerċjali se jiltaqgħu mal-kontroparti Montenegrina tagħhom waqt business forum.
It-triq tinsab miftuħa għaż-żewġ pajjiżi tagħna sabiex jikkonsolidaw dak li diġa? bnejna fir-relazzjonijiet bilaterali tagħna u sabiex ikunu proattivi fit-tiftix ta' modi ġodda biex jissaħħaħ l-irbit ta' bejnietna. L-iskambji ekonomiċi tagħna għadhom fl-infanzja tagħhom imma hemm ħafna possibillita? ta' żvilupp ulterjuri. Jiena ċert li l-economic forum se jkun strumentali fil-ħolqien ta' rapporti li jħallu l-frott bejn negozji Maltin u Montenegrini f'setturi varji tal-ekonomiji tagħna.
Huwa b'din il-veduta ottimista li nistieden lil kull min hu preżenti sabiex iqum, jerfa' t-tazza u jixrob b'riżq is-suċċess tal-applikazzjoni għall-Unjoni Ewropea mill-Montenegro u b'riżq ir-relazzjonijiet eċċellenti bejn Malta u l-Montenegro.
DOI - 22.07.2010