The President of Malta

Search
Close this search box.

Presidenti Emeriti

8

Dr Eddie Fenech Adami

2004 - 2009

Dr Eddie Fenech Adami kien elett President tar-Repubblika fl-4 ta’ April 2004.

Eddie Fenech Adami twieled fl-1934, iben uffiċjal tad-dwana. Huwa ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ tal-Ġiżwiti u l-Universita’ ta’ Malta, fejn studja l-ekonomija u l-letteratura klassika, u aktar tard studja l-liġi. Huwa nħatar avukat fl-1959.

Dr Fenech Adami ngħaqad mal-Partit Nazzjonalista Demo Kristjan (PN) kmieni fis-sittinijiet, fejn stabbilixxa reputazzjoni bħala delegat riservat iżda determinat u kapaċi. Inagħżel bħala membru parlamentari fl-1969 u fl-1977, anqas minn għaxar snin wara, meta okkupa diversi karigi għoljin fil-partit, magħduda dik ta’ president tal-Kunsilli Amministrattivi u Ġenerali. Huwa ġie elett mexxej tal-partit wara Dott. Giorgio Borg-Olivier.

Mill-1969, huwa dejjem ġie elett bħala membru Parlamentari f’kull Elezzjoni Elettorali u bħala Mexxej tal-Partit tiegħu rebaħ ħames elezzjonijiet ġenerali, fl-1981, 1987, 1992, 1998 u dik ta’ l-2003. Fl-1981, għalkemm il-Partit Nazzjonalista kiseb maġġoranza assoluta tal-voti, ma rnexxilux jirbaħ il-maġġoranza tas-siġġijiet fil-Parlament, u għalhekk baqa’ fl-Oppożizzjoni. Saru mbagħad bidliet Kostituzzjonali biex għamluha ċerta li partit li jirbaħ il-maġġoranza assoluta ta’ voti jkollu wkoll maġġoranza parlamentari, kif ġara fl-1987.

Bejn l-1987 u l-1996, il-President Eddie Fenech Adami, bħala Prim Ministru, ġab perjodu importanti ta’ bidliet kbar f’Malta. L-infrastruttura nfisha tal-pajjiż kienet modernizzata kompletament flimkien ma’ l-istrutturi legali u kummerċjali. Il-kummerċ ġie liberalizzat, waqt li tneħħew ir-restrizzjonijiet mit-telekomunikazzjoni u mis-servizzi bankarji u finanzjarji jew ġew privatizzati. Malta bdiet għaddejja wkoll minn perjodu biex tintegra ruħha ma’ l-Unjoni Ewropea wara li ppreżentat l-applikazzjoni tagħha fis-16 ta’ Lulju 1990.

Bejn l-1996 u l-1998 Dr Fenech Adami okkupa l-kariga bħala Kap ta’ l-Oppożizzjoni sakemm il-Partit tiegħu reġa’ ġie elett fil-Gvern f’Settembru ta’ l-1998. Dr Fenech Adami okkupa l-kariga ta’ Prim Ministru u Mexxej tal-Partit tiegħu għal ħames snin oħra. L-applikazzjoni ta’ Malta biex tidħol fl-UE, li kienet ġiet iffriżata mill-Gvern Laburista ta’ qabel, ġiet rijattivata. In-negozjati għal sħubija ma’ l-Unjoni Ewropea ngħalqu f’Diċembru 2002. F’April 2003 Dr Eddie Fenech Adami reġa’ ġie konfermat Prim Ministru wara rebħa elettorali oħra.

Ftit tal-jiem wara, fis-16 ta’ April, 2003, Dr Fenech Adami ffirma t-Trattat ta’ Adeżjoni ta’ Malta ma’ l-Unjoni Ewropea, flimkien ma’ disa’ Kapijiet ta’ Gvern oħra ta’ pajjiżi li kienu lesti li jsiru membri ta’ l-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004.

Bħala Prim Ministru, Dr Eddie Fenech Adami attenda diversi Summits ta’ l-Unjoni Ewropea kif ukoll irrappreżenta ‘l Malta f’diversi Laqgħat tal-Commonwealth. Bħala Mexxej tal-Partit huwa mar għal diversi Summits tal-Partit Popolari Ewropew. F’Diċembru ta’ l-2003, Dr Fenech Adami ngħata l-ġieħ European of the Year 2003 Award mill-European Voice, ġurnal influwenti bbażat fi Brussell, bħala rikonoxximent għall-isforzi tiegħu bla heda biex idaħħal ‘il Malta fl-Unjoni Ewropea.

Fis-7 ta’ Frar 2004, meta għalaq sebgħin sena, Dr Fenech Adami offra r-riżenja tiegħu bħala Mexxej tal-Partit Nazzjonalista. Fit-23 ta’ Marzu 2004, Dr Eddie Fenech Adami irriżenja minn Prim Ministru kif ukoll minn membru parlamentari.

Dr Eddie Fenech Adami huwa miżżewweġ lil Mary née Sciberras u għandhom ħames ulied, John, Beppe, Michael, Maria u Luigi.

Skip to content