The President of Malta

Search
Close this search box.

Presidenti Emeriti

9

Dr George Abela

2009 - 2014

Dr George Abela ġie elett President tar-Repubblika ta’ Malta fl-4 ta’ April 2009 wara Riżoluzzjoni Parlamentari li unanimament approvat il-ħatra tiegħu bħala t-tmien President ta’ Malta.  In-nomina tiegħu turi żvilupp storiku fl-istorja kostituzzjonali ta’ Gżiritna għar-raġuni illi, għall-ewwel darba wara sitta u tletin sena, il-President ġie elett b’approvazzjoni unanima miż-żewġ partiti politiċi rappreżentati fil-Parlament.  Hija wkoll l-ewwel darba li l-Gvern tal-ġurnata nnomina President b’xejriet politiċi differenti.

Dr Abela twieled f’Ħal Qormi fit-22 ta’ April 1948 u huwa iben ħaddiem fil-port reġistrat.  Ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Liċeo u l-Università ta’ Malta fejn l-ewwel kiseb Baċellerat fl-Arti fl-Ingliż, fil-Malti u fl-Istorja u wara ggradwa fil-Liġi.  Kompla firex l-istudji tiegħu fil-Liġi Ewropea u kiseb lawrja Magister Iuris fl-1995.  Għandu wkoll Diploma biex iservi bħala avukat fit-Tribunali Ekklesjastiċi f’każijiet ta’ annullamenti ta’ żwieġ.

Dr Abela ipprattika l-professjoni ta’ avukat speċjalizzat fil-Liġi Ċivili, Kummerċjali u Industrijali għal tlieta u tletin sena.  Għal ħamsa u għoxrin sena serva bħala konsulent legali tal-General Workers’ Union u ppreżenta l-interessi tal-ħaddiema, imsieħba f’erba’ trade unions separati, fin-negozjati li rrigwardaw il-pjan biex tiġi salvata l-Air Malta fl-2002.  Huwa kien rappreżentant tal-ħaddiema tal-port fir-riforma tal-port  ta’ Ġunju 2007, liema riforma ġiet ikkunsidrata mill-Kummissjoni Ewropea bħala mudell ta’ djalogu soċjali li għandhom jimxu fuqu stati membri oħra.  Huwa serva wkoll bħala konsulent legali għall-Assoċjazzjoni Medika ta’ Malta u house unions oħra.

Għal ħafna snin, Dr Abela ħadem b’impenn fl-amministrazzjoni tal-isports f’Malta, partikolarment fil-futbol.  Huwa l-ewwel serva bħala teżorier fil-każin tal-futbol tar-raħal tiegħu, Qormi F.C., u wara bħala President tal-istess każin. Fl-1982, wara li serva bħala Viċi President, huwa ġie elett bħala President tal-Malta Football Association, fejn dam għaxar snin jokkupa din il-kariga. Kemm dam president, fl-assoċjazzjoni tal-futbol lokali seħħew bidliet kbar fuq livell amminisrattiv u tekniku. Saru investimenti infrastrutturali kbar biex tkabbar wiċċ ġdid tat-turf fl-iStadium Nazzjonali f’Ta’ Qali, li għall-ewwel darba beda jiġi amministrat totalment mill-assoċjazzjoni tal-futbol;  inbnew training grounds ġodda bit-turf;  ġew installati floodlights sew fl-iStadium Nazzjonali kif ukoll fl-inħawi adjaċenti fejn jittrejnjaw; infetħu wkoll klinika tal-fiżjoterapija u gymnasium mgħammar b’kollox. Ġew ingaġġati coaches full-time barranin, megħjuna mill-aħjar coaches Maltin, bl-inkarigu li jmexxu t-timijiet nazzjonali u ġew organizzati korsijiet fil-coaching u refereeing taħt it-tmexxija ta’ korpi Ewropej u internazzjonali tal-futbol.

Il-players tat-tim nazzjonali kienu għall-ewwel darba ingaġġati full-time fuq bażi professjonali, u logħob internazzjonali tat-tim Malti bdew jiġbdu s-sapport għal darba oħra tal-pubbliku sportiv Malti. Ġew inawgurati football nurseries mal-gżira kollha.  Dr Abela kien ir-rappreżentant tal-Assoċjazzjoni lokali f’ħafna laqgħat tal-UEFA.  Huwa serva wkoll ta’ arbitru fil-Qorti ta’ Arbitraġġ għall-iSport f’Lausanne.

B’żieda ma’ dan, Dr Abela kien involut ukoll fil-Moviment Kerygma fejn għal xi snin serva bħala Chairman għall-Kampanja Solidarjetà bl-iSports għall-Għajnuna lill-Istituzzjonijiet Filantropiċi.

Fl-1992, wara għaxar snin fl-ogħla karigi tal-futbol Malti, Dr Abela ġie elett bħala Viċi Kap tal-Malta Labour Party inkarigat mill-Affarijiet tal-Partit.  Fl-1996, il-Malta Labour Party rebaħ l-elezzjoni ġenerali bl-ikbar maġġoranza ta’ voti li partit qatt kiseb. Bħala riżultat ta’ dan, inħatar konsulent legali tal-Prim Ministru u stednuh jattendi għal-laqgħat tal-kabinett.

Dr George Abela serva għal diversi snin bħala Direttur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta u bħala Direttur Eżekuttiv tal-Bank of Valletta p.l.c.

Kien ukoll membru tal-Kummissjoni Elettorali responsabbli mit-tmexxija tal-elezzjonijiet Ġenerali tal-1987.

Ħa sehem attiv fil-Malta E.U. Steering and Action Committee (MEUSAC) fin-negozjati preliminari  qabel ma Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea, fejn għamel parti mill-core group li kkonċentra fuq l-aspetti legali u soċjali tas-sħubija.  Wara s-sħubija, huwa reġa’ għamel parti mill-MEUSAC bħala rappreżentant tal-Partit Laburista.

Dr Abela huwa miżżewweġ lil Margaret neé Cauchi u għandhom żewġt itfal, Robert u Maria.

Skip to content