The President of Malta

Search
Close this search box.

Presidenti Emeriti

1

Sir Anthony Mamo

1974 - 1976

Sir Anthony Mamo twieled Birkirkara fid-9 ta’ Jannar 1909. Studja s-Seminarju tal-Arċisqof u wara fl-Università Rjali ta’ Malta fejn, fl-1931, iggradwa b’Baċellerat fl-Arti (B.A.) u, fl-1934, b’Dottorat fil-Liġi (LL.D). Bħala l-ewwel student fil-kors, ingħata t-Travelling Scholarship tal-Gvern u l-Bugeja Scholarship. Sir Anthony kien ilu jaħdem bħala avukat fil-privat għal ftit iktar minn sena meta beda l-karriera tiegħu fis-Servizz Pubbliku. F’Ottubru 1936 inħatar membru tal-Kummissjoni li, taħt it-tmexxija tal-Imħallef Harding, ġiet fdata bil-kompitu li tħejji Edizzjoni Riveduta tal-Liġijiet kollha ta’ Malta. Dan il-proġett dam sitt snin biex jitlesta.

Sadanittant, faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija u, għalkemm il-ħidma tal-Kummissjoni tkompliet, bħal ħafna oħrajn Sir Anthony ta s-servizzi tiegħu għal xogħol mar-refuġjati u għall-assistenza lil dawk milquta milll-gwerra.

Fl-1942, Dr Mamo daħal jaħdem mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali bħala Konsulent tal-Kuruna. Hemmhekk okkupa l-gradi kollha wara xulxin sakemm, fl-1955, sar l-Avukat Ġenerali.

Fl-1947, Malta ngħatat għal darb’oħra Kostituzzjoni bi Gvern Malti responsabbli għall-affarijiet interni u Sir Anthony serva taħt erba’ Prim Ministri – Sir Paul Boffa, Dr Enrico Mizzi, Dr Giorgio Borg Olivier, u s-Sur Dom Mintoff – bħala l-kap konsulent legali għalihom personalment u għall-Kabinetti tagħhom. F’din il-kariga, huwa akkumpanja lid-delegazzjonijiet Ministerjali kollha għal diskussjonijiet u negozjati mal-Gvern Brittaniku.

Mill-1943 ’il quddiem Sir Anthony kien Professur tal-Liġi Kriminali fl-Università ta’ Malta. Dam sal-1957, meta nħatar Prim Imħallef u President tal-Qorti tal-Appell. Fl-1964, Sir Anthony sar l-ewwel President tal-Qorti Kostituzzjonali l-ġdida u fl-1967 sar ukoll l-ewwel President tal-Qorti tal-Appelli Kriminali l-ġdida.

Sir Anthony irċieva l-O.B.E. fl-1957 u ġie onorat bil-kavallerat fl-1959. Fl-1955 inħatar Konsulent Onorarju tar-Reġina għal Malta.

Lejn l-aħħar ta’ Ġunju 1962, meta l-Ammiral Sir Guy Grantham temm il-mandat tiegħu bħala Gvernatur, ir-Reġina, wara l-parir tal-Prim Ministru G. Borg Olivier, ħatret lil Sir Anthony bħala Aġent Gvernatur sakemm jasal il-Gvernatur il-ġdid, Sir Maurice Dorman. Minn dakinhar, Sir Anthony aġixxa f’diversi okkażjonijiet, l-ewwel bħala Deputat tal-Gvernatur u mbagħad, taħt il-Kostituzzjoni tal-Indipendenza ta’ Malta, bħala Aġent Gvernatur Ġenerali. Fit-3 ta’ Lulju 1971, Sir Anthony inħatar l-ewwel Gvernatur Ġenerali Malti.

Serva fil-kariga bħala l-ewwel President ta’ Malta bejn it-13 ta’ Diċembru 1974 u s-26 ta’ Diċembru 1976.

Sir Anthony kien il-President tal-Kunsill u Pro-Kanċillier tal-Università għal diversi snin u, bħala rikonoxximent tas-servizzi tiegħu, ingħata Lawrja Onorarja ta’ Dottorat fil-Letteratura (D.Litt).

Matul il-karriera tiegħu, Sir Anthony irrappreżenta lil Malta f’diversi kungressi u konferenzi internazzjonali.

Kemm hu kif ukoll is-Sinjura Mamo ħadu sehem f’ħafna kumitati u pparteċipaw f’diversi attivitajiet marbuta mal-ġid soċjali u, bħala rikonoxximent għas-servizzi tagħhom, Sir Anthony inħatar Kavallier tal-Ordni Venerabbli ta’ San Ġwann u s-Sinjura Mamo nħatret Kmandant tal-istess Ordni.

Sir Anthony Mamo miet fl-1 ta’ Mejju 2008.

Skip to content