OPR- It-Tlieta, 11 ta' Jannar, 2005

 


INDIRIZZ MILL-E.T. DR. EDWARD FENECH ADAMI, PRESIDENT TA’ MALTA

 FL-OKKAŻJONI TA’ L-ISKAMBJU TA’ AWGURI GĦAS-SENA L-ĠDIDA

MAL-KORP DIPLOMATIKU

IL-PALAZZ, IL-BELT VALLETTA

IT-TLIETA, 11 TA’ JANNAR 2005


 

Onorevoli Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin,

Eċċellenzi,

Membri tal-Korp Diplomatiku,

 

Sinjuri,

 

Nagħtikom merħba f’dan il-Palazz Presidenzjali – Palazz li, sa mis-16-il seklu, ra bidliet kbar iseħħu fi gżiritna matul is-snin.  Huwa pjaċir tiegħi li għal darba oħra għandi l-opportunità li niltaqa’ magħkom fil-bidu ta’ sena ġdida, din id-darba fil-kariga tiegħi ta’ President ta’ Malta.

 

Nunzju Appostoliku,

 

Nirringrazzjak għall-kliem ġentili li int esprimejt bħala Dekan tal-Korp Diplomatiku akkreditat f’pajjiżi.  Ippermettili, min-naħa tiegħi, nagħti lilek u lill-Korp Diplomatiku kollu l-isbaħ xewqat għas-sena 2005.  Nitolbok ukoll li twassal lill-Qdusija Tiegħu, Papa ġwanni Pawlu II, li kelli l-unur u l-pjaċir li niltaqa’ miegħu għal darba oħra s-sena l-oħra, l-isbaħ xewqat tiegħi u l-awguri tal-poplu Malti.

 

Eċċellenzi,

 

Is-sena li għaddiet kienet waħda mimlija ġrajjiet importanti, sew fix-xena lokali kif ukoll f’dik internazzjonali.  Għal Malta, is-sena 2004 kienet waħda li nkurunat dawk is-suċċessi kollha mgħoddija u riċenti li rnexxielna niksbu: iċċelebrajna l-erbgħin anniversarju ta’ l-Indipendenza, it-tletin anniversarju bħala Repubblika u s-sħubija fl-Unjoni Ewropea fl-ewwel ta’ Mejju.

 

Is-sħubija fl-Unjoni Ewropea kien, mingħajr ebda dubju, l-akbar kisba politika għal Malta, ir-riżultat fejjiedi ta’ ħidmiet u sforzi diffiċli. Għalina, kif m’għandix dubju wkoll għal membri ġodda ta’ l-Unjoni Ewropea, din-sħubija fl-Unjoni toffri sfida daqs kemm toffri opportunitajiet.  Tatna mudell u mezz biex inkomplu nkattru l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħna.  Nifhmu dan b’mod konkret u realistikament nirrikonoxxu l-fatt li waqt li s-sħubija fetħitilna l-bieb għal ħafna opportunitajiet, tibqa’ r-responsabbiltà diretta tagħna, sew fuq livell individwali kif ukoll fuq dak nazzjonali, biex nieħdu l-azzjonijiet meħtieġa hekk li nisfruttaw sewwa dawn l-opportunitajiet.   

 

Monnet, Schumann u l-fundaturi l-oħra li taw il-bidu għall-Unjoni Ewropea kellhom il-viżjoni ta’ soċjetà li tissupera l-flaġelli ta’ żewġ gwerer dinjija.  Kienu pprevedew li żvilupp bħal dan kellu jħaddan l-Ewropa kollha, dik tal-Lvant u dik tal-Punent.  Illum, huwa xieraq li ngħidu li l-viżjoni tagħhom saret realtà. ċertament, l-1 ta’ Mejju 2004 immarka mument eċċezzjonali u storiku għal Malta u l-Ewropa:  Malta hija bir-raġun kburija li tagħmel parti minn din l-Ewropa ġdida u magħquda, li tirrappreżenta l-paċi, il-progress, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, l-istabbilità politika u s-solidarjetà.  Dan it-tkabbir jissimbolizza l-unifikazzjoni tal-kontinent Ewropew u n-normalizzazzjoni li ġiet bħala konsegwenza fil-konfront bejn il-Lvant u l-Punent. Kien sinjal ta’ bidu għal era ġdida, għaliex il-partijiet kollha f’din id-dar komuni minn jeddhom għażlu li jitbiegħdu mill-effetti tal-gwerer u r-rivalitajiet ta’ l-imgħoddi, u jagħtu bidu għal era ġdida ta’ koperazzjoni, biex jilħqu għanijiet u aspirazzjonijiet komuni.  Issa tassew nistgħu nitkellmu fuq Ewropa magħquda, Ewropa msejsa fuq għadd ta’ valuri komuni, interessi reċiproċi, prinċipji demokratiċi u ġuridiċi li jaqbel fuqhom kulħadd, kif ukoll rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

 

Eċċellenzi,

 

Il-pożizzjoni ġeografika tagħna tfakkarna kontinwament li aħna nagħmlu parti wkoll mill-Mediterran.  Bħala pajjiż Ewropew, li jinsab proprju fiċ-ċentru tal-Mediterran, Malta qiegħda f’pożizzjoni ideali bejn ir-Reġjun Ewropew u dak Mediterranju.

 

Hekk, il-vokazzjoni fundamentali ta’ Malta, kif esprimiha l-Qdusija Tiegħu l-Papa Ġwanni Pawlu II, fl-aħħar żjara tiegħu f’Malta, hija li:

 

“Tibni pontijiet bejn il-popli tar-reġjun tal-Mediterran, bejn l-Afrika u l-Ewropa”.

 

L-istoriku Franċiż, Ferdinand Braudel, darba għamel riferenza għall-Mediterran bħala elf ħaġa f’waħda, u verament hekk hu.  Ir-reġjun tal-Mediterran huwa reġjun li jħaddan għadd kbir ta’ sfidi.  Minn banda, sfortunatament huwa l-bejta ta’ għadd ta’ konflitti li jxekklu l-aspirazzjonijiet tagħna għall-paċi u l-istabbilità, filwaqt li mill-banda l-oħra ħoloq mużajk rikk ta’ kulturi u tagħlim.  Il-Mediterran huwa wkoll benniena antika taċ-ċiviltà – ċiviltà waħda – li tħaddan diversità – diversità ta’ kulturi, identitajiet u reliġjonijiet.  Minn din id-diversità l-Mediterran jista’ jislet is-saħħu tiegħu. 

 

Ir-reġjun tal-Mediterran huwa fuq kollox reġjun ta’ kontradizzjonijiet – benniena li hija kkaratterizzata wkoll minn konflitti li jvarjaw mill-oqsma ekonomiċi, għal dawk demografiċi u soċjali.  Tibqa’ dejjem  il-kwistjoni antika ta’ l-immigrazzjoni u l-ġlieda għall-kontroll tar-riżorsi naturali.

 

Il-Mediterran dejjem spikka bħala wieħed mill-għanijiet tal-politika barranija Maltija.  Malta dejjem saħqet li s-sigurtà fl-Ewropa u fil-Mediterran huma marbuta waħda ma’ l-oħra. Malta, bħala parti mill-Unjoni Ewropea, issa tinsab f’qagħda aħjar biex tuża l-influwenza tagħha biex tmexxi ’l quddiem id-djalogu u biex tnaqqas id-differenzi li jeżistu sabiex jinħoloq reġjun ta’ paċi u stabbilità.  Il-ġirien tagħna fl-Afrika ta’ Fuq jistgħu jserrħu rashom li huma kisbu ħabib li jistgħu jorbtu fuqu ġewwa l-Unjoni Ewropea.

 

Is-sena 2005 tfakkar l-Għaxar Anniversarju mill-bidu tal-Proċess Ewro-Mediterranju – opportunità li għandha sservi biex issaħħaħ u tibda mill-ġdid dan il-Proċess.  Illum, imsaħħaħ bil-Politika Ewropea tal-Viċinanza, il-Proċess jibqa’ l-għodda ewlenija għal sħubija, koperazzjoni u djalogu mar-Reġjun tal-Mediterran u għandu jservi bħala katalista biex iwassal għal modernizzazzjoni u riforma.

 

Ta’ sikwit nisimgħu dwar il-fenomenu tar-refuġjati u l-isfortuni li kultant iħabbtu wiċċhom magħhom.  Minhabba f’hekk, il-Baħar Mediterran qed isir dejjem iżjed ċimiterju għal ħafna. Fuq medda qasira ta’ żmien, hemm ħtieġa kbira ta’ appoġġ u għajnuna teknika għal dawk il-pajjiżi li jridu jwettqu l-obbligi tagħhom skond il-konvenzjonijiet internazzjonali, iżda li m’għandhomx il-mezzi meħtieġa biex jamministraw dan il-moviment ta’ nies. Għal medda twila ta’ żmien, għandna bżonn infittxu  miżuri li jistgħu jidentifikaw il-kawżi sabiex inkunu nistgħu nikkontrollaw dan il-moviment irregolari mill-bidu tiegħu.

 

Is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani u fl-Iraq qed tkompli tgħarraq ir-Regjun tal-Mediterran.  Jeħtieġ li kemm l-Iżrael kif ukoll il-Palestinjani jmorru lura lejn il-proċess ta’ paċi indikat fir-Roadmap għal soluzzjoni paċifika tal-konflitt u l-ħolqien b’suċċess ta’ Stat Palestinjan demokratiku u indipendenti, li jeżisti f’sigurtà u paċi ma’ l-Iżrael.  F’dan ir-rigward, Malta tappella lill-Iżrael u lill-Palestinjani biex joqogħdu lura minn kull forma ta’ vjolenza u tħeġġigħom jgħaġġlu l-implimentazzjoni tar-Roadmap u jerġgħu jagħtu bidu għal proċess politiku sinifikattiv.  Malta tilqa’ l-irtirar ta’ l-Iżrael mill-Medda ta’ Gaża u mill-parti tat-Tramuntana tax-Xatt tal-Punent bħala l-ewwel pass fl-irtirar ġenerali Iżraeljan mit-territorji Palestinjani okkupati.  Malta wkoll tfakkar li paċi sħiħa fir-reġjun għandha tinkludi wkoll lil-Libanu u lis-Sirja.

 

Aktar qabel semmejt li waħda mill-akbar kisbiet ta’ l-Unjoni Ewropea kienet dik li tistabbilixxi l-paċi fil-kontinent Ewropew.  F’dan ir-rigward, sew l-Iżrael kif ukoll il-Palestinjani għandhom iħarsu lejn il-pajjiżi Ewropej bħala mudell u jżidu l-isforzi tagħhom biex jistabbilixxu paċi aktar dejjiema fir-reġjun tagħhom.

 

Eċċellenzi,

 

Ma naħsibx li hemm bżonn li nenfasizza r-rwol tan-Nazzjonijiet Uniti u l-osservanza tar-riżoluzzjonijiet tagħha biex jissolvew kwistjonijiet internazzjonali.  In-Nazzjonijiet Uniti tinħtieġ li tingħata rwol ewlieni fil-bini mill-ġdid ta’ l-Iraq.  Malta tagħti l-appoġġ tagħha b’riżq Iraq stabbli u magħqud.  Malta, flimkien ma’ l-imsieħba tagħha fl-Unjoni Ewropea, tappoġġa  l-isforzi tal-Gvern Temporanju Iraqi u tesprimi t-tama tagħha li l-elezzjonijiet li  ġejjin għal parlament demokratiku jwasslu għal stabbilità politika li hija essenzjali għar-rikostruzzjoni tal-pajjiż u l-benesseri tal-poplu.

 

Eċċellenzi,

 

Sfortunatament, is-sena li għaddiet reġgħet kienet karatterizzata mill-fenomenu tat-terroriżmu internazzjonali.  Ilkoll rajna żieda fit-tixrid ta’ demm fost il-vittmi tat-terroriżmu.  It-terroriżmu fil-forom kollha tiegħu, inkluż il-qbid ta’ ostaġġi jew il-bombi suwiċidali, li huwa theddida kontra l-istabbilità tagħna lkoll.  Ilkoll niftakru l-attakki traġiċi f’Madrid fil-11 ta’ Marzu tas-sena l-oħra, u l-massakru aktar reċenti fl-Ossezja tat-Tramuntana li wrew biċ-ċar li t-terroriżmu la għandu fruntieri u lanqas bersalli.  It-terroriżmu huwa attakk kontra l-umanità u l-valuri u l-prinċipji li aħna lkoll ngħożżu.

 

Jiena konvint li l-konflitti u d-diverġenzi ma jistgħux jiġu solvuti permezz tal-gwerra jew atti ta’ terrur, iżda biss permezz ta’ djalogu u diplomazija.  Intom, bħala diplomatiċi, għandkom parti deċisiva biex tagħtu bidu għal djalogu u tkomplu żżommu l-paċi.  Huwa biss permezz tal-koperazzjoni u l-kollaborazzjoni ta’ l-Istati kollha li dan il-flaġell ta’ żmienna jista’ jingħeleb.

 

Eċċellenzi,

 

B’dispjaċir ngħid li t-tmiem ta’ l-2004 jibqa’ mfakkar għad-diżastru katastrofiku li laqat għadd ta’ Stati fix-Xlokk ta’ l-Asja u l-Lvant ta’ l-Afrika li jagħtu għal fuq l-Oċean Indjan.  Din it-traġedja swiet il-ħajja ta’ ’l fuq minn mija u erbgħin elf ruħ u ħalliet warajha ħerba u farrket ekonomiji li jridu jgħaddu bosta snin biex jirkupraw minnha.  Għal darba ohra, il-Komunità Internazzjonali laqgħet l-isfida billi wieġbet immedjatament bl-għajnuna u s-solidarjetà ma’ dawk il-pajjiżi li l-aktar li ntlaqtu u l-popli tagħhom. Iżda f’dan il-mument ta’ diqa ma nistax ma nkunx kburi li Malta u l-poplu tagħha, għalkemm nieqsa mir-riżorsi, huma għonja fl-imħabba u sens qawwi ta’ impenn għal dawk imġarrba, u hekk ikkontribwew b’mod ġeneruż biex itaffu t-tbatijiet ta’ dawk li baqgħu ħajjin wara d-diżastru.

 

Billi llum preżenti hawn uħud mill-Ambaxxaturi tal-pajjiżi milquta, ippermettuli nwassal is-sentimenti sinċieri tiegħi ta’ kondoljanzi u solidarjetà flimkien ma’ dawk tal-Poplu ta’ Malta.  Mill-banda l-oħra, jiena qalbi qawwija li l-ispirtu ta’ perseveranza u l-karattru sod ta’ dawn il-popli għandu jirbaħ fuq it-tbatija u fuq il-qerda kkawżata minn dak li ġie deskritt bħala l-agħar katakliżma ta’ żmienna. 

 

Eċċellenzi,

 

Din is-sena se tkun importanti wkoll għal Malta.  F’Novembru 2005 Malta se tospita l-Laqgħa ta’ l-2005 tal-Kapijiet tal-Gvern tal-Commonwealth (CHOGM), meta se tressaq flimkien aktar minn 50 Kap ta’ Stat.  Matul din il-laqgħa, se tiġi diskussa t-tema ta’ l-inegwaljanzi fit-tixrid tal-mezzi diġitali u l-aċċessibilità għall-informatika.  Nittamaw li din il-laqgħa tkun ta’ għajnuna biex titnaqqas din l-inegwaljanza  fl-elettronika li teżisti bejn l-istess Gvernijiet tal-Commonwealth infushom u b’hekk nikkontribwixxu biex titnaqqas il-qabża bejn pajjiżi żviluppati u anqas żviluppati fil-Commonwealth.

 

Eċċellenzi,

 

Il-fatturi għall-instabbilità żdiedu.  It-tensjoni u l-forza militari ħafna drabi ħadu post id-djalogu u n-negozjati.  Hemm bżonn li nistinkaw il-ħin kollu b’koperazzjoni u solidarjetà internazzjonali biex insibu soluzzjonijiet effettivi.   Jeħtieġ li nħabirku biex niżguraw futur ta’ djalogu u komprensjoni bbażati fuq il-prinċipji li nemmnu fihom bħala membri tan-Nazzjonijiet Uniti.  Jiena sinċerament nittama li dawn il-valuri jipprevalu fuq ix-xena internazzjonali f’din is-sena l-ġdida li għadha kemm bdiet.

 

Nixtieq nitlobkom biex twasslu l-isbaħ xewqat personali tiegħi lill-Kapijiet ta’ l-Istat u Gvernijiet  tagħkom.  Lil kull wieħed u waħda minnkom jiena nwassal l-isbaħ xewqat, għall-paċi u l-prosperità.

 


HOME  |  GOV.MT  |  CIMU PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP