OPR- IL-Ħamis, 12 ta' Jannar, 2006

 


Diskors mill-E.T. Dr. Edward Fenech Adami, President ta’ Malta,

waqt l-iskambju ta’ l-awguri ghas-sena l-gdida mal-Korp Diplomatiku 

Il-Palazz, il-Belt Valletta – 12 ta’ Jannar 2006

 


 

 

Onorevoli Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin

Eċċellenzi

Membri tal-Korp Diplomatiku,

 

 

Filwaqt li nagħtik merħba f’dan il-Palazz Presidenzjali, nirringrazzja lilek Mons. Del Blanco Prieto, għall-kliem ġentili li inti għidtli bħala Dekan tal-Korp Diplomatiku akkreditat f’pajjizi.  Ippermettili nwassallek, f’ismi u f’isem il-Poplu Malti, l-isbaħ xewqat tiegħi għal din is-sena l-ġdida li għadha kemm bdiet.  Nitolbok ukoll biex twassal lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XVI, it-tislijiet ferventi tiegħi u l-awguri tal-Poplu Malti. 

 

Eċċellenzi,

 

Qed nindirizzakom illum, fil-bidu ta’ sena ġdida, u jista’ jkun li istintivament, il-memorji tas-sena li għadha kemm għaddiet jirritornaw quddiem għajnejna, flimkien mal-ħolm, it-tamiet u l-aspirazzjonijiet tagħna għas-sena li gejja. 

 

Ma nistax ma nibdiex nindirizzakom illum mingħajr ma nrodd ġieħ lill-ħajja u x-xogħol ta’ bniedem kbir,  ‘il-bniedem tas-seklu’ fl-opinjoni ta’ bosta, il-Qdusija Tiegħu il-Papa Ġwanni Pawlu II.  Huwa, li kien tifel minn belt zgħira fil-Polonja, kiber biex sar Papa, kien l-aktar Papa li qatt ivvjaġġja fl-istorja u verament raġel li jaf x’tagħti din id-dinja.  Il-Papa Ġwanni Pawlu II kellu messaġġ importanti xi jwassal, messaġġ ta’ paċi, messaġġ ta’ konċiljazzjoni.  Nemmen li lkoll kemm aħna għandna nsellmu lil dan ir-raġel kbir, irrispettivament mit-twemmin reliġjuz u filosofiku personali tagħna.

 

Eċċellenzi,

 

Is-sena li għaddiet kienet l-ewwel sena sħiħa għal Malta bħala membru fl-Unjoni Ewropea. Malta integrat l-istrutturi tagħħa f’dawk ta’ l-Unjoni Ewropea, tat kontribut pozittiv u kostruttiv, kif ukoll ibbenefikat mill-opportunitajiet u l-vantaġġi ġodda li s-sħubija fl-Unjoni toffri. 

 

L-Unjoni Ewropea mxiet ħafna ’l quddiem mill-bidu tagħha fl-1957.  Il-fundaturi ta’ dik li issa hija l-Unjoni Ewropea – Jean Monnet, Robert Sċhuman, Konrad Adenauer u Alcide de Gasperi – kienu konvinti li l-bidu tal-konflitt fl-Ewropa kien is-sistema li n-nazzjonijiet jikkompetu bejniethom.  Kif qal Sċhuman, “minħabba li l-Ewropa ma kinitx maqgħuda, kellna l-gwerra.”  Dawk il-fundaturi kienu determinati li jibnu Unjoni ġdida fl-Ewropa li twarrab il-konflitt għal dejjem.  Il-blokki li bnew fuqhom kienu ekonomiċi, izda l-għanijiet tagħhom kienu politiċi. 

 

L-akbar suċċess ta’ din il-vizjoni jinsab fil-fatt li fl-2006 kontinent li kien mifni bi gwerer għal mijiet ta’ snin jista’ jħares lura lejn l-aħħar sittin sena li, fil-parti l-kbira tagħhom, għaddejniehom fil-paċi.  Kontinent li sa l-1989 kien mifrud minn purtiera tal-ħadid issa jgawdi minn moviment ħieles ta’ nies u istituzzjonijiet politiċi li huma l-istess għal ħamsa u għoxrin pajjiz, li jestendu mill-kosta Atlantika tal-Portugall sal-fruntieri tar-Russja. 

 

Aħna tal-feħma li Malta qiegħda zzid u ssaħħaħ id-dimensjoni Mediterranja ta’ l-Unjoni Ewropea, billi sservi ta’ “pont” fid-differenzi kulturali li qed jinħassu b’mod qawwi fi ħdan l-Unjoni Ewropea nnifisha filwaqt li l-konflitti jinfirxu f’xi wħud mill-pajjizi tagħna minħabba fatturi li jfixklu l-integrazzjoni ta’ nies minn kulturi diversi fil-komunitajiet tagħna.  Kif nafu sewwa, din hija xejra perikoluza li wasslet u tista’ twassal għal ħafna sofferenzi umani minħabba l-mibegħda u l-vjolenza li ggib magħħa. 

 

Eċċellenzi,

 

L-importanza li l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea jagħtu lir-relazzjoni tagħhom ma’ Sħabhom fil-Mediterran hija kkaratterizzata mill-Proċess Ewro-Mediterranju, magħruf bħala l-Proċess ta’ Barċellona, u li tikkostitwixxi qafas wiesa’ ta’ relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali.  Fis-Summit li kkommemora l-għaxar Anniversarju tad-Dikjarazzjoni ta’ Barċellona, Malta pproponiet li għandha titwaqqaf “Sistema għall-Immaniġġjar Integrat tar-Rizorsi tal-Baħar li tkun tikkonsisti f’ċentri kompetenti fil-pajjizi kollha msieħba bil-għan li nħarsu l-baħar Mediterran.  Nixtieq insostni l-importanza li Malta torbot mal-proposta tagħha u t-tama li din timxi ’l quddiem u tigi implimentata bil-għan li nipproteġu l-baħar li huwa l-wirt komuni tagħna. 

 

Illum qed nindirizza wkoll lill-girien tagħna tan-Nofsinħar u nixtieq nesprimi x-xewqa kontinwa li Malta ssaħħaħ ir-relazzjonijiet mal-pajjizi tagħkom u li flimkien naħdmu fuq kull livell - sew dak politiku, kif ukoll dak soċjali, kulturali u edukattiv – għall-gid tal-pajjizi tagħna u għall-paċi u ko-operazzjoni siewja fir-Regjun tal-Mediterran. Il-kollaborazzjoni ta’ Malta ma’ sħabħa tan-Nofsinħar f’bosta progetti qatt ma naqset milli tiġġenera diskussjoni pozittiva u produttiva u azzjoni konkreta għall-benefiċċju taz-zewġ naħat. 

 

Eċċellenzi,

 

Avveniment sinifikanti f’pajjizna matul is-sena li għaddiet kien il-laqgħa li fiha Malta ospitat il-Kapijiet tal-Gvernijiet tal-Commonwealth, forum uniku ta’ konsultazzjoni fl-ogħla livell ta’ Gvern.  Kien ta’ pjaċir għal pajjizi li jospita l-Kapijiet tal-Gvernijiet tal-membri tal-Ċommonwealth li jirrapprezentaw kwart tan-nazzjonijiet u l-popli tad-dinja.  Mil-laqgħa ħareġ komunikat li rega’ afferma kundanna qawwija filwaqt li saħaq li l-ko-operazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra t-terrorizmu għandha tkun immexxija bi qbil mal-liġi internazzjonali u li l-Istati għandhom jassiguraw li l-mizuri li jittieħdu kontra t-terrorizmu jikkonformaw ma’ l-obbligazzjonijiet skond il-ligi internazzjonali, speċjalment il-ligi fuq id-drittijiet umani, il-ligi fuq ir-rifuġjati u l-liġi umanitarja internazzjonali.  Id-“Dikjarazzjoni tal-Belt Valletta fuq il-Kummerċ Multilaterali”, li fuqha wkoll intlaħaq fteħim f’din il-laqgħa, kienet tikkonsisti f’messaġġ qawwi mill-Kapijiet tal-Gvernijiet tal-Ċommonwealth li fiħ għamlu appell għall-ġustizzja u l-ugwaljanza fil-kummerċ multilaterali, u biex il-pajjizi zviluppati jagħtu aktar milli jirċievu.  Filwaqt li sar xi progress fil-Konferenza Ministerjali ta’ l-Organizzazzjoni tal-Kummerċ Dinji f’Hong Kong, għad fadal xi jsir biex nindirizzaw il-bzonnijiet speċjali tal-pajjizi l-fqar u l-ekonomiji z-zgħar u vulnerabbli.  Nittamaw li dan ikun jista’ jseħħ fil-futur qarib. 

 

Eċċellenzi,

 

Is-seklu wieħed u għoxrin huwa s-seklu ta’ l-informatika.  It-teknologiji ta’ l-informazzjoni u l-komunikazzjoni għandhom bosta possibiltajiet li jagħmlu d-dinja post aktar ġust u b’anqas periklu, per ezempju, billi jiġġieldu l-faqar, jassiguraw aċċess aħjar għall-kura medika u għall-edukazzjoni, isaħħu l-ekonomija u jistimulaw il-kummerċ, billi jippromwovu d-demokrazija u jiggarantixxu d-diversità kulturali u anke billi jgħinu biex jinkiseb il-fteħim bejn il-popli.  It-teknoloġiji ta’ l-informazzjoni jgħinu l-isforzi tagħna biex nilħqu l-Għanijiet tal-Millennju favur l-Izvilupp.  Kif qalet ir-rebbieħa tal-Premju Nobel Shirin Ebadi, avukatessa Iranjana u attivista għad-drittijiet umani, meta ndirizzat il-ftuħ tas-Summit Mondjali fuq is-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni li sar f’Tunez f’Novembru li għadda, qegħdin ngħixu f’epoka li fiħa l-aċċess għall-informazzjoni huwa mezz prinċipali għall-izvilupp u l-progress.  Izda m’għandniex ninsew li, jekk dawn it-teknoloġiji jintuzaw b’mod mhux għaqli, jistgħu jirrizultaw ezattament fl-oppost ta’ dak li nistennew minnhom – jistgħu jkunu ta’ ħsara għas-soċjetà billi jkabbru l-qasma bejn is-sinjuri u l-foqra.  It-teknoloġiji ta’ l-informazzjoni jiddemokratizzaw l-aċċess għall-għarfien.  Għandna nfittxu li jkollna soċjetà informatika miftuħa u inklussiva, li l-benefiċċji tagħha jkunu disponibbli għal kulħadd. 

 

Eċċellenzi,

 

B’dispjaċir ninnota li l-aktar grajjiet li qed jiġu rrapportati fl-aħbarijiet ta’ kuljum huma dawk il-ġrajjiet traġiċi li jseħħu ta’ sikwit, anke regolarment, f’zoni ta’ konflitt bħall-Iraq, l-Afganistan u l-Lvant Nofsani.  Nixtieq nesprimi x-xewqa tiegħi, u dik tal-Poplu Malti kollu, li dawn il-konflitti jiġu solvuti u terġa’ tirrenja l-paċi.

 

Nixtieq li għal ftit ħin niffoka fuq is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani.  Il-kwistjonijiet fil-Lvant Nofsani sal-lum kienu tista’ tgħid ferm diffiċli u ilhom zmien jisfidaw kull attentat għal soluzzjoni.  Il-konflitt huwa mħeġġeġ mit-tifkiriet l-imgħoddija taz-zewġ naħat: l-Izraeliti ta’ mijiet ta’ snin ta’ sofferenza Lħudija u l-bzonn ezistenzjali tal-Lħud li jkollhom darhom f’art li jistgħu jiddefenduha; il-Palestinjani ta’ spostament u telf, djgħufija politika u tbatija ekonomika kif ukoll skonfitti umiljanti u rabja.  Filwaqt li l-progress fuq il-Proċess tal-Paċi fil-Lvant Nofsani u l-kisba ta’ soluzzjoni ġusta għall-konflitt huma ta’ importanza sinifikanti, jien tal-fehma li jenħtieg li tintlaħaq mħux biss soluzzjoni politika izda li kull naħa genwinament taħfer lill-oħra u li ma jibqgħux imħabblin fil-passat.  Il-filosfu tal-politika Hannah Arendt fil-kitba tagħha qalet li “il-maħfra sservi biex tħoll l-għemejjel tal-passat, li d-dnubiet tagħhom huma mdendla bħax-xabla ta’ Demokli fuq kull generazzjoni gdida.”  Jiena għandi fehma sħiħa li l-maħfra għandha l-qawwa li tbiddel id-dinja.  Kien hemm min qal li l-ġustizzja hija l-proċess impersonali tal-ligi; il-maħfra r-restawr personali ta’ l-ordni morali. Il-ġustizzja tikkoregi l-ħsarat; il-maħfra tibni r-relazzjonijiet mill-ġdid.  Fi kliem il-filosfu u teologu Lhudi Jonathan Sacks, “sakemm il-Lhud u l-Palestinjani ma jkunux kapaċi jisimgħu lil xulxin, jifħmu t-tbatijiet ta’ xulxin u jagħmlu spazju għar-rikonoxximent tat-tamiet ta’ xulxin, m’hemmx tama li jsir progress.”  Id-dinja għandha bzonn ta’ progress biex tkisser iċ-ċiklu ta’ tpattija li qed ikidd lil din iz-zona ta’ konflitt u li jkompli jħeġġeġ ħafna vjolenza u jikkawza ħafna tbatija umana. 

 

Eċċellenzi,

 

Zona oħra ta’ konflitt li kienet ħafna f’moħħna matul is-sena li għaddiet kienet l-Iraq. Nittama li r-rizultati ta’ l-elezzjonijiet ta’ Diċembru li għadda jwasslu biex jitwaqqaf Gvern sod li jkun jista’ jagħti lill-pajjiz l-istabbiltà u l-istrutturi demokratiċi sodi li huma ħtiega essenzjali għar-rikostruzzjoni u l-izvilupp tal-pajjiz. 

 

Eċċellenzi,

 

Il-flaġell il-ġdid fix-xena internazzjonali huwa l-fenomenu tat-terrorizmu internazzjonali.  Filwaqt li anke jiena ngħaqqad il-vuċi tiegħi ma’ dik ta’ dawk li jikkundannaw b’mod qawwi kull att ta’ terrorizmu, naħseb li hemm triq waħda biss biex tintrebaħ l-hekk imsejħa “gwerra kontra t-terrorizmu” u din hija dik li nikkomunikaw ma’ dawk li jistmerru l-Punent, infehmuhom il-verita` tagħna u nisimgħuhom jgħidu tagħhom.  L-alternattiva hija li negħrqu izjed ’l isfel f’nuqqas ta’ fiduċja u  neqirdu ’l xulxin.

 

Mill-pajjizi milquta mit-tsunami saz-zona tal-konflitt f’Darfur, mill-emerġenzi ta’ nuqqas ta’ nutrizzjoni fin-Niger u l-Malawi sat-telfien tal-ħsad fl-Etijopja u l-Eritrea, u mill-istaġun ta’ l-urugan Atlantiku tant qerriedi sat-terremot fil-Pakistan, matul is-sena li għaddiet id-dinja sofriet għadd kbir ta’ dizastri naturali, krizijiet ta’ ikel u konflitti li ħarbtu l-ħajja ta’ għexirien ta’ miljuni ta’ nies.  Nixtieq infaħħar lil dawk l-organizzazzjonijiet u l-aġenziji internazzjonali, lill-Gvernijiet, lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi u volontarji, kif ukoll lill-istituzzjonijiet u individwi oħrajn li jikkontribwixxu bl-isforzi kontinwi tagħhom biex jgħinu biex tinbena mill-ġdid il-ħajja tan-nies milquta f’dawn iz-zoni.  Nixtieq ukoll nesprimi l-apprezzament tiegħi għall-fatt li n-nazzjon Malti wkoll wera ħniena mat-tbatija ta’ l-oħrajn u minn qalbu għamel il-parti tiegħu billi kkontribwixxa favur dawn il-kawzi. 

 

Eċċellenzi,

 

Fuq livell nazzjonali, fenomenu ta’ tħassib partikolari kien dak ta’ l-influss ta’ immigranti irregolari, li ħoloq piz fuq ir-rizorsi limitati tal-gzira tagħna.  Il-flaġell tat-traffikar tal-bnedmin huwa problema ewlenija mhux biss għal pajjizna izda wkoll għall-pajjizi l-oħra tar-reġjun tal-Mediterran.  Il-Ministri li attendew il-laqgħa tad-Djalogu tal-Mediterran tal-Punent, magħruf bħala l-5 + 5, li saret taħt il-Presidenza Maltija f’Ġunju tas-sena li għaddiet, qablu bejniethom fuq il-bzonn li l-pajjizi ta’ l-oriġini, il-pajjizi tat-tranzitu u l-pajjizi tad-destinazzjoni għandhom jingħaqdu flimkien fi sforz biex jinbeda djalogu komprensiv u biex jinstabu soluzzjonijiet sħaħ.

 

Matul din is-sena smajna bosta stejjer ta’ swied il-qalb li fihom persuni tilfu ħajjithom fil-baħar huma u jippruvaw jaqsmu mill-kosta ta’ l-Afrika ta’ Fuq għall-Ewropa.  Huwa ovvju li dawk li  lesti jipperikolaw ħajjithom b’dan il-mod qajla għandhom x’jitilfu, inkella għandhom ħafna minn x’hiex jibzgħu.  B’hekk nappella għas-sens ta’ solidarjetà umana taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni Ewropea u tan-Nazzjonijiet zviluppati l-oħrajn tad-dinja quddiem id-diffikultajiet ta’ ħuthom bnedmin.  Nappella għas-sens ta’ dover, obbligazzjoni, appoġġ u solidarjetà li lkoll flimkien għandna minħabba l-universalità tagħna bħala bnedmin.  Aħna lkoll differenti u ugwali, membri ta’ din il-familja, dik il-komunità, din l-istorja, dak il-wirt kulturali, izda aħna wkoll bnedmin.  Filwaqt li nirrikonoxxu d-differenzi tagħna, ma għandna qatt nieqfu milli nobdu dak li hu moralment universali – il-qodos tal-ħajja, id-dinjità tal-persuna umana, id-dritt għal-libertà, li ħadd ma jkun ilsir ta’ ħadd jew il-mira tal-vjolenza ta’ xi ħadd ieħor.  Jiena naħseb li jkun kruċjali f’dan ir-rigward li nilmħu fid-dinja l-opra tal-Mulej u fl-umanità x-xbieha tal-Mulej. 

 

Eċċellenzi,

 

Illum, ħsiebi jmur lejn dawk it-tfal li qegħdin jitwieldu daz-zmien f’dawk il-pajjizi li qegħdin ibatu minħabba l-assurdità ta’ kunflitti, gwerer u ġenoċidji bla sens.  Ejjew inwaqqfu dan il-ġenn.  Ma nħallux li t-tfal tal-lum jinbelgħu mill-gwerer.  J’Alla d-dinja tipprovdi spazju li fiħ dawn ikunu jistgħu jiffjorixxu, jizviluppaw l-individwalità tagħħom u jgħixu biex jiċċelebraw bosta snin ġodda li għad iridu jiġu.  Il-Ħdax ta’ Settembru gab il-vizjoni ta’ aktar terrorizmu u gwerer li ħadd ma jista’ jirbaħħom.  J’Alla negħlbu mumenti bħal dawn u ngħixu flimkien fil-paċi minflok inkissru din id-dinja tagħna.  J’Alla niġu ispirati mit-tama ġdida mimlija zgħozija għall-futur ta’ l-umanità li t-tfal tal-lum jirrapprezentaw.

 

Eċċellenzi,

 

Nitlobkom twasslu l-isbaħ xewqat personali tiegħi lill-Kapijiet ta’ l-Istati u l-Gvernijiet tagħkom.  Lil kull wieħed u waħda minnkom, nawgura, l-isbaħ xewqat għall-paċi u l-prosperità.

 

 


HOME  |  GOV.MT  |  PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP