OPR- Il-Ġimgħa, 15 ta' April, 2005
DISKORS MILL-EĊĊELLENZA TIEGĦU DOTT. EDWARD FENECH ADAMI, PRESIDENT TA’ MALTA,
WAQT FTUĦ TA’ SEMINAR ORGANIZZAT MILL-KAMRA TA’ L-AVUKATI - SAN ĠILJAN
IL-ĠIMGĦA, 15 TA’ APRIL 2005
Huwa pjaċir għalija li niftaħ dan is-seminar dwar l-emendi għall-Kodiċi Ċivili bl-Att XVIII tal-2004.
Ma hemmx dubju li dawn l-emendi huma l-akbar kemm fin-numru u kemm fis-sustanza li qatt saru fil-Kodiċi Ċivili. Jiena ċert li ħafna minnkom huma konxji minn raġunijiet u l-proċess li għalihom u fih ġew maturati dawn l-emendi. Billi jien kont Prim Ministru fil-perjodu kollu ta’ ġestazzjoni ta’ dawn l-emendi jista’ jkun utili li nagħti ftit background ta’ kif issawwru dawn l-emendi. Il-perjodu ta’ ġestazzjoni kien ta’ madwar disa’ snin. Nittama li l-prodott huwa bnin!
Meta twaqqfet il-Permanent Law Reform Commission ingħatat dawn it-terms of reference: “to keep the law under review with a view to its systemic development and reform”. Sussegwentement għat-twaqqif tal-Kummissjoni din waqqfet kumitat ad hoc biex jirrakkomanda emendi għall-Kodiċi Ċivili. Dan il-kumitat ingħata l-inkarigu:
· to review and recommend comprehensive amendments or additions to our civil code as befits present day Maltese society,
· to remove anachronistic provisions and chapters,
· to introduce provisions and institutes that are not regulated in the Code but are considered necessary to meet the needs of modern society as well as codify such measures as have been accepted by custom or jurisprudence,
· to make all recommendations considered valid and useful for a modern and updated Civil Code and prepare the relative Draft Bill.
Il-Kummissjoni ssottomettiet l-ewwel rapport tagħha dwar emendi għall-Kodiċi Ċivili bid-data 15 ta’ Diċembru 1994. Il-Ministru Dottor Joseph M Fenech ressaq dawn l-emendi b’memo numru 489 lill-Kabinett li ddiskutihom fis-seduta tat-23 ta’ Jannar 1995. Għas-seduta msemmija ġew mistiedna żewġ membri tal-Kummissjoni li għamlu r-rapport. Segwiet diskussjoni twila. Il-Kabinett wera l-apprezzament tiegħu għall-proposti li fil-maġġoranza kbira tagħhom ġew aċċettati mill-Gvern u llum jinsabu nkorporati fil-liġi li qegħdin tiddiskutu. Iżda fil-minuti ta’ din is-seduta, fost affarijiet oħra, tniżżel hekk:
“By way of introduction the Prime Minister emphasised Cabinet’s concern about the social implications of the proposed amendments and asked whether the Commission had considered the impact these amendments were likely to have on the traditional concept of the Maltese family which were essentially linked to marriage. The second clarification sought by the Prime Minister concerned the motivating rationality which led to the proposed amendments …After a lengthy discussion Cabinet agreed that the Permanent Law Reform Commission should reconsider the matter in the light of the discussion held in Cabinet and submit a supplementary report”.
Id-diffikultajiet tal-Kabinett kienu essenzjalment dwar tlett punti:
· Filwaqt li l-Kabinett kien jaqbel li titneħħa mill-Kodiċi kull diskriminazzjoni a żvantaġġ ta’ tfal imwielda barra miż-żwieġ, dan ma kellux neċessarjament iwassal għal ugwaljanza ta’ drittijiet f’materja ta’ wirt bla testament
· il-Kabinett ma qabilx dwar il-ħtiega li jispiċċa t-testment unica carta u
· il-proposti li l-Kummissjoni għamlet dwar wirt ab intestato meta ma jkunx hemm dixxendenti ma kienux ċari.
Il-Kummissjoni għamlet rapport supplimentari datat 17 ta’ Frar 1995 li ġie diskuss fil-Kabinett fil-21 ta’ Frar 1995.
Dan reġa’ wassal għal diskussjoni twila fil-Kabinett li wasal għal dawn il-konklużjonijiet:
· children born out of wedlock should not be discriminated against compatibly with the family concept;
· in the case of testate succession children born in or outside wedlock should have equal rights in terms of the reserved portion;
· in the case of intestate succession the heirs should be children born in wedlock while children born out of wedlock are guaranteed the reserved portion as in testate succession;
· for social considerations the present arrangements with regard to succession of brothers and sisters should stand and
· again for social considerations the unica carta should be retained.
Il-Kabinett reġa’ ddiskuta l-materja fil-31 ta’ Lulju 1995, fit-18 ta’ Settembru 1995, fis-16 u 23 ta’ Ottubru 2000 u finalment approva f’Awissu 2003 l-abbozz li ġie preżentat fil-Parlament.
Meta wieħed jara n-numru kbir ta’ emendi li issa daħlu fis-seħħ wieħed malajr jifhem li dan kien eżerċizzju utili ħafna ta’ aġġornament tal-Kodiċi Ċivili u ħlief għall-punti fuq imsemmija ftit li xejn qajjem diskussjoni fil-Kabinett u wisq anqas fl-opinjoni pubblika.
Wieħed jinnota wkoll li diversi sentenzi tal-Qorti Ewropea għad-drittijiet tal-Bniedem kif ukoll xi sentenzi tal-Qrati Maltin irrendew indispensabbli ċerti emendi.
Fil-fehma tiegħi l-Kabinett għamel sew li ta’ importanza sħiħa lill-valuri soċjali imħaddna mis-soċjetà Maltija bla ma għaġġel jaddotta deċiżjonijiet apparentement f’isem drittijiet umani.
Ma hemmx dubji li wieħed mill-akbar akkwisti tas-seklu għoxrin kien ir-rikonoxximent kważi universali tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem li huma xierqa għall-valorizzazzjoni tad-dinjità tal-bniedem. Iżda jidher li s-seklu wieħed u għoxrin jista’ jkun rinfaċċjat minn theddida ġdida li l-mibki Papa Ġwanni Pawlu II fl-aħħar ktieb tiegħu, Memorja u Identità jsejħilha bħala, possibbilment, ideoloġija ġdida tal-ħażen, dik li trid, f’isem id-drittijiet umani tiġġustifika ħwejjeġ kontra n-natura tal-bniedem u kontra l-familja.
Nawgura li dan is-seminar iwassal mhux biss għall-approfondiment tal-konoxxenza tal-liġi li daħlet fis-seħħ imma wkoll dwar ir-raġunijiet li hemm wara d-dispożizzjonijiet ġodda li wasslu biex pajjiżna jkun aġġornat maż-żminijiet tal-lum f’rispett sħiħ tal-kultura u t-tradizzjonijiet tiegħu.
|
HOME | GOV.MT | CIMU | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |