OPR- L-Erbgha 4 ta` Awissu -Valletta
DISKORS MILL-E.T. IL-PRESIDENT TA’ MALTA, LILL-EMIGRANTI MALTIN
FIL-PALAZZ IL-BELT VALLETTA
L-ERBGĦA 4 T’AWISSU 2004
Irrid l-ewwelnett nirringrazzjakom talli għoġobkom tagħmlu lili din il-viżta ta’ kortesija. Fit-terminoloġija li nużaw dan iż-żmien, aktar milli emigranti Maltin insejħulkom Maltin ta’ barra. Din hija tifsira tajba, għaliex illum kull Malti li għażel li jgħix barra minn Malta għandu d-dritt kostituzzjonali li jibqa` ċittadin Malti filwaqt li, jekk irid, jieħu ċ-ċittadinanza ta’ pajjiż ieħor ukoll.
Illum li tkun Malti jġib ukoll id-dritt taċ-ċittadinanza fl-Unjoni Ewropeja li tagħti drittijiet ġodda li aħna l-Maltin ma kellniex qabel l-1 ta’ Mejju 2004.
Il-fatt li intom Maltin bħalna, jagħtikom rabta ma’ dak kollu li jfisser li tkun Malti. Jien inħobb insaqsi lili nnifsi kultant żmien għaliex inħossni kburi li jiena Malti. Biex nifhem sew l-għaliex, irrid nifhem min hu l-Malti.
Malta hija waħda mill-iżgħar gżejjer fil-Mediterran iżda hija wkoll waħda ta’ storja li tmur lura eluf ta’ snin. Għalija huwa kważi misterjuż kif din id-daqsxejn ta’ gżira għandha l-eqdem bini tal-ġebel wieqaf li jeżisti fid-dinja. Illum huwa aċċettat mix-xjenzjati, li t-tempji megalitiċi tagħna nbnew mas-seba’ telef sena ilu.
X’żamm il-Maltin bħala poplu f’din il-gżira? Kif għidt fid-diskors inawgurali tiegħi bħala President, nemmen li karatteristika ewlenija tal-poplu Malti huwa t-twemmin tiegħu f’Alla, Omnipotenti u Omnipreżenti li jipprovdi għall-kreaturi kollha. Dan it-twemmin fil-provvidenza jwassalna biex bħala poplu ngħixu l-prinċipji tas-solidarjeta`. Il-Malti jimpurtaħ minn għajru kemm jekk huwa l-ġar li joqgħod bieb ma’ bieb, kemm jekk huma persuni fil-bżonn f’xi art oħra.
Naħseb li intom il-Maltin ta’ barra tifhmu dan is-sentiment aktar minna li bqajna ngħixu fi gżiritna.
Is-solidarjeta` hija l-qofol ta’ kull ħidma politika fi stat modern u demokratiku. Dmir ta’ kull gvern huwa li joħloq dak l-ambjent meħtieġ biex kulħadd jgħix ħajja diċenti. Għandna biex nirringrazzjaw l’Alla li l-pajjiż hekk mexa għal bosta snin. Tixduħ dan intom stess li tgħarfu taraw id-differenza fil-livell ta’ l-għejxien li għandna llum mqabbel maż-żminijiet li fihom intom ħallejtu Malta.
Jekk nibqgħu fidili għall-valuri li ħaddanna tul is-sekli, jiena nemmen li l-ġejjieni jkun dejjem aħjar mill-llum. Il-valuri ewlenin tal-poplu Malti kienu t-twemmin f’Alla, il-ħarsien tal-familja u s-soliderjeta`.
Illum iżda, dawn l-istess valuri huma mhedda minn ħafna mewġ tal-moderniżmu. Is-soliderjeta` hija mhedda mis-sens ta’ egoizmu sfrenat li jfittex l-ewwel u qabel kollox is-sodisfazzjon u l-pjaċir personali f’kull sens. Flok inħarsu d-drittijiet ta’ kull persuna umana, nużaw u nisfruttaw il-proxxmu.
It-tkattir tal-ġid ekonomiku qed isir skop fiħ innifsu f’lok mezz biex tikber is-solidarjeta`. Il-familja hija mhedda u bosta saru jitkellmu llum fuq diversi tipi ta’ familja. Filwaqt li huwa veru li huwa d-dmir ta’ l-istat li jara li ħadd ma jsofri diskriminazzjoni fid-drittijiet tiegħu ta’ bniedem, id-definizzjoni tal-familja għandha tibqa` dik vera, jiġifieri ta’ rabta bejn raġel u mara għal dejjem fiż-żwieġ. Ma nistgħux ngħidu li l-mewġ qawwi li laħaq pajjiżi oħra ma wasalx fi xtutna wkoll. Hemm bżonn nifhmu x’qed jiġri u nirreżistu.

Il-President Fenech Adami waqt kelmtejn ma` l-emigranti Maltin li ghamlu zjara lill-President fil-Palazz il-Belt Valletta
Malta hija magħrufa bħala pajjiż kattoliku. Hekk għadu u dan tirrikonoxxieħ il-kostituzzjoni ta’ pajjiżna. Iżda qiegħed jiġri f’Malta wkoll li, f’isem il-liberta` tal-ħsieb jiġu miċħuda jew kontestati veritajiet bażati fuq prinċipji morali u etiċi.
Intom li tgħixu f’pajjiżi oħra dan kollu tafuħ u għandkom esperjenza tiegħu. J’Alla din l-esperjenza tagħkom tgħinna lilna wkoll biex nibqgħu sodi f’dak kollu li jagħmilna kburin li aħna Maltin.
|
HOME | GOV.MT | CIMU | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |