OPR- L-Erbgħa, 5th April, 2006
INDIRIZZ MILL-E.T. DOTT. EDWARD FENECH ADAMI, PRESIDENT TA’ MALTA
LIS-SESSJONI SOLENNI TAL-PARLAMENT EWROPEW – STRASBOURG
L-ERBGĦA, 5 TA’ APRIL, 2006.
Sur President,
President Barroso,
Onorevoli Membri tal-Parlament Ewropew,
Huwa pjaċir kif ukoll unur għalija li nindirizza lill-istituzzjoni tagħkom.
Bħala rappreżentant ta’ wieħed mill-pajjiżi li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-2004, qiegħed inġib miegħi esperjenza reċenti tat-tifsira tat-tkabbir, kemm f’termini ta’ x’inhu li pajjiż jgħaddi minnu fil-preparazzjoni għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll f’termini ta’ xi jfisser l-ewwel impatt tas-sħubija fuq Stat Membru ġdid.
Ritorn naturali lejn dar Ewropea
Il-pajjiż tiegħi jħares lejn is-sħubija fl-Unjoni Ewropea bħala ritorn naturali lejn dar Ewropea li aħna nappartjenu għaliha. Aħna kburin li aħna parti mill-familja tan-nazzjonijiet li hi l-Unjoni Ewropea, bil-wirt spiritwali, kulturali u umanistiku tagħha kollu.
Il-mixja tagħna lejn is-sħubija ma kinetx ħafifa. Għaddejna minn dibattitu twil u iebes sakemm, tliet snin ilu, il-poplu Malti ħa deċiżjoni ċara u sovrana favur is-sħubija permezz ta’ referendum u mbagħad elezzjoni ġenerali. Dan id-dibattitu ħaj wassalna biex iddiskutejna l-merti u l-perikli tas-sħubija b’mod miftuħ u ħieles, waqt li analizzajna bir-reqqa l-impatt possibbli tas-sħubija f’termini mhux biss ekonomiċi, iżda wkoll politiċi u soċjali. F’dan is-sens, dan kien eżerċizzju li bih ressaqna lill-Ewropa lejn in-nies - eżerċizzju li aħna nagħmlu tajjeb jekk inkompluh.
Is-suċċess ta’ l-istorja tat-tkabbir ta’ l-UE
Il-preparamenti għas-sħubija kienu ta’ piż għall-pajjiżi li ssieħbu fl-aħħar tkabbir. Huwa veru li qatt ma kien hemm tkabbir fuq din l-iskala. Iżda qatt qabel ma ġara li pajjiżi kandidati kienu mitluba jagħmlu riformi tant kbar bħala parti mill-preparamenti għas-sħubija. Irrid insellem lill-iStati Membri ġodda kollha ta’ l-Unjoni Ewropea talli għaddew minn proċess daqstant diffiċli. Daqstant irrid insellem ukoll lill-Unjoni Ewropa nnifisha għall-effett enormi li kellha bħala katalist meta ħeġġet lill-pajjiżi biex iħaddnu r-riformi.
Sikwit nitkellmu dwar il-pessimiżmu li ħakem lill-Ewropa wara ż-żewġ referenda li saru s-sena l-oħra meta t-Trattat Kostituzzjonali Ewropew ġie miċħud. Minn naħa l-oħra nonqsu milli nagħrfu biżżejjed is-suċċess tassew kbir li kellha l-Unjoni Ewropea meta assorbiet it-tkabbir b’mod tant naturali.
Mhux talli l-2005 ma kinetx l-‘annus horribilis’ ta’ l-Ewropa kif sostnew xi wħud, talli li kienet suċċess kbir għal Ewropa li wriet ruħha kapaċi li tilqa’ l-isfida ta’ l-akbar tkabbir storiku tagħha. Illum sikwit ninsew li t-tkabbir fil-fatt seħħ inqas minn sentejn ilu.
Dan ma jfissirx li l-ħajja wara s-sħubija hija faċli. Għall-kuntrarju, l-aġġustament għar-realtajiet tas-sħubija huwa diffiċli għal ekonomija daqskemm hu għas-soċjeta’. Dan jitlob lill-mexxejja li jieħdu deċiżjonijiet iebsin, li sikwit m’humiex popolari. Fil-fatt dawn id-deċiżjonijiet huma neċessarji, kemm jekk pajjiż jissieħeb fl-Unjoni Ewropea u kemm jekk le. Is-sħubija fl-Unjoni Ewropea sempliċiment tagħmel lil dawn id-deċiżjonijiet aktar reali, aktar eżiġenti, aktar inevitabbli.
Dak li ċertament huwa żbaljat hu, li nixħtu l-ħtija fuq l-Ewropa għar-riformi li m’humiex popolari, li fir-realta’ huma deċiżjonijiet li kull gvern responsabbli jkollu jieħu. Huwa żball li gvernijiet jixħtu l-ħtija fuq l-Ewropa għal dawn id-deċiżjonijiet diffiċli, u wara jieħdu l-kredtu għall-frott tagħhom.
Sur President,
Nixtieq naqsam ħsibijieti magħkom fuq għadd ta’ kwistjonijiet oħrajn.
It-Trattat Kostituzzjonali ta’ l-UE
Nibda b’xi riflessjonijiet fuq it-Trattat Kostituzzjonali Ewropew.
Għandna naċċettaw li kien hemm xi nuqqasijiet fil-mod kif il-proġett Kostituzzjonali kien propost, anki jekk dawn id-diffikultajiet għandhom x’jaqsmu aktar mal-forma milli mas-sustanza.
Per eżempju, għal Stati Membri ġodda l-proġett Kostituzzjonali deher li wasal kmieni wisq u b’għaġġla żejda. L-aspett taż-żmien jgħodd ukoll. U tassew, għal pajjiżi li kienu qegħdin iħejju ruħhom bi tbatija għas-sħubija, il-prospett li jbiddlu r-regoli tat-trattat dehru qishom eżerċizzju li jbiddel ir-regoli tal-logħba meta l-linja finali tat-tellieqa maratona kienet tidher fil-qrib.
Naf li t-Trattat Kostituzzjonali suppost li kellu jħaffef it-teħid tad-deċiżjonijiet f’Unjoni ta’ sebgħa u għoxrin, iżda hi ħaġa ċara li ċittadini ta’ wħud mill-Istati Membri rawh mod ieħor. L-Unjoni li huma kienu kibru fiha kienet tbiddlet bit-tkabbir ta’ l-1995, u tbiddlet anki aktar bit-tkabbir ta’ l-2004 u - fl-isfond tal-globalizazzjoni - il-proġett Kostituzzjonali deher li se jġib miegħu stat ta’ tibdil mingħajr waqfien.
Għaldaqstant, meta nħarsu lura, naraw li seta’ kien aktar għaqli li dan il-proġett importanti ngħata aktar żmien, mhux biss sakemm l-għaxar stati ġodda sabu posthom, iżda wkoll sakemm il-ħamsa u għoxrin membru kollha, kellhom iż-żmien biex jadattaw ruħhom għar-realtajiet ġodda ta’ l-Unjoni Ewropea.
Tibqa’ l-kwistjoni, madankollu, dwar kif noħorġu mill-impasse preżenti.
M’hemmx għalfejn ngħidu li x-xewqat imfissra mill-popli fiż-żewġ pajjiżi li ma laqgħux it-Trattat Kostituzzjonali għandhom ikunu rispettati. Daqshekk ieħor id-deċiżjonijiet ta’ l-erbatax-il pajjiż li approvawh. F’pajjiżi, ngħidu aħna, it-Trattat Kostituzzjonali kien adottat mill-Parlament nazzjonali tagħna b’mod unanimu, u b’hekk kien issiġillat darba għal dejjem l-impenn tagħna favur is-sħubija, u nqata’ b’mod ċar mill-firdiet ta’ qabel.
Dan hu ż-żmien biex niddibattu u naqsmu l-fehmiet tagħna fuq it-triq li għandna quddiemna b’numru ta’ scenarios. Scenario minnhom hu li nibqgħu ma’ l-impenn magħmul mill-Kapijiet ta’ Stat jew Gvern firmatarji li jippruvaw isibu soluzzjoni fi ħdan il-Kunsill Ewropew jekk erbgħa minn ħamsa mill-Istati membri jkunu rratifikaw it-Trattat Kostituzzjonali u Stat Membru wieħed jew aktar ikollhom xi diffikulta’. Dan jirrendi neċessarja t-tkomplija tar-ratifikazzjonijiet sabiex il-proċess miftiehem ikun jista’ jkompli biex imbagħad naraw sewwa kif għandna nimxu ‘l quddiem.
Scenario ieħor jista’ jinkludi t-tfassil ta’ ‘Karta Ewropea’ mill-ewwel żewġ taqsimiet tat-Trattat Kostituzzjonali. Dan jista’ joffri liċ-ċittadini Ewropej dokument ċar u konċiż li iktar jkunu jistgħu jidentifikaw ruħhom miegħu. It-taqsima l-oħra probabilment tista’ titqies fil-parti l-kbira tagħha ġa ratifikata bit-trattati eżistenti.
Scenario ieħor jista’ jinkludi t-tisħiħ tal-Protokol ta’ rwol tal-Parlamenti Nazzjonali b’mod partikolari l-estenzjoni ta’ rwol konsultattiv tagħhom fir-rigward tal-progett Ewropew.
Naturalment, hemm għażliet oħrajn li jistgħu jkunu kunsidrati. Dan hu l-iskop ta’ dan iż-żmien ta’ riflessjoni. Ejjew ma naħluhx.
Sur President,
Tmexxija Politika fl-Ewropa
Sikwit nitkellmu dwar nuqqas ta’ tmexxija politika fl-Ewropa. Dan m’huwiex ġej minn nuqqas ta’ inizjattivi, żgur li mhux fl-Ewropa. Jekk xejn, dan jista’ jkun ġej minn nuqqas ta’ koerenza bejn l-inizjattivi. Għaliex kif nistgħu nistennew li jkun hemm tmexxija politika jekk uħud mill-inizjattivi tonqoshom il-koerenza?
X’koerenza għandna meta nisħqu fuq is-solidarjeta’ minn naħa waħda, u nonqsu li nagħtu mezzi finanzjarji xierqa minn naħa l-oħra? X’koerenza għandna jekk minn naħa nneħħu l-fruntieri u nerġgħu nibnu ostakoli minn naħa l-oħra? X’koerenza għandna jekk nagħmlu sejħa għal ħidma kollettiva, iżda mbagħad inħallu pajjiżi li jinsabu f’diffikulta’ jimxu t-triq kollha weħidhom?
Ma naħsibx li nuqqas ta’ tmexxija politika jista’ jkun attribwit lil istituzzjonijiet individwali tal-Komunita’, li l-inizjattivi u l-perseveranza tagħhom jitkellmu weħidhom. Jekk xejn, għandu jkun indirizzat xi nuqqas ta’ fiduċja fihom.
Il-fiduċja m’hix bħat-talenti, ma titwilidx magħna, iżda trid tinkiseb. Għalhekk hemm bżonn li nistaqsu lilna nfusna x’nistgħu nagħmlu biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja fl-Unjoni Ewropea u fl-istituzzjonijiet tagħha.
Rabta mal-poplu
Dan jista’ jsir billi nibnu rabta mill-ġdid mal-poplu. U hawn infaħħar il-ħidma tal-Kummissjoni li daħlet għax-xogħol iebes li tegħleb id-distanza li hemm miċ-ċittadini permezz tal-Pjan D. Bħala istituzzjoni eletta direttament f’livell Ewropew, il-Parlament Ewropew jinsab f’qagħda ideali biex jappoġġja x-xogħol tal-Kummissjoni. Il-bini ta’ rabta maċ-ċittadini m’hix kwistjoni ta’ aktar kliem. Hi kwistjoni ta’ aktar smigħ. U jekk l-Ewropa tikkomunika aħjar tkun f’qagħda aħjar li tirrifletti l-aspirazzjonijiet ta’ l-Ewropej u li tagħti l-frott dwar dak kollu li jolqothom.
Sur President,
L-UE bħala vuċi tar-raġuni
Minbarra li nikkomunikaw aħjar, biex insaħħu l-fiduċja rridu wkoll inkunu aktar effiċjenti fl-oqsma li l-Unjoni Ewropea hi mpenjata diġa’ fihom. Nistgħu nsaħħu l-fiduċja anki billi nuru li l-Unjoni Ewropea tista’ u trid tidħol f’inizjattivi komuni ġodda f’oqsma fejn qegħdin niffaċċjaw sfidi ġodda li ma jistgħux ikunu ttrattati minn pajjiżi individwali weħidhom. Irridu nassiguraw kontinwament li l-Unjoni Ewropea iżżid aktar u aktar valur lill-Istati Membri u liċ-ċittadini tagħha.
Iżda aktar importanti minn hekk, nistgħu nsaħħu l-fiduċja billi nuru li, aħna u nadottaw forom ta’ politika, meta nieħdu d-deċiżjonijiet, meta naġixxu kemm internament u kemm esternament, l-Unjoni Ewropea tkun kapaċi tagħti leħen lir-raġuni. B’dan nifhem Unjoni li b’mod konsistenti turi sens ta’ bilanċ u ġustizzja fl-iżvilupp tal-politika tagħha, fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha, u wkoll fl-azzjoni tagħha ma’ pajjiżi oħra madwar id-dinja.
F’dan ir-rigward hemm xhieda biżżejjed li ġġegħelni nkun ottimista li l-fiduċja tista’ tassew terġa’ tinkiseb għaliex l-Unjoni qiegħda turi li hi lesta li tkun fuq in-naħa tar-raġuni. Ħalli nagħti xi eżempji:
Is-sehem ta’ stati żgħar
Minħabba li jien ġej minn Malta jien ukoll osservatur tal-mod kif l-Unjoni Ewropea tfittex il-bilanċ bejn l-interessi tal-pajjiżi membri kbar u tal-pajjiżi membri żgħar. Minn dejjem kont konvint li fl-Unjoni Ewropea m’huwiex id-daqs tal-pajjiż li inti tkun ġej minnu li jgħodd, iżda s-saħħa ta’ l-ideat tiegħek u ċ-ċarezza tal-viżjoni li jkollok. Id-daqs jgħodd ukoll, naturalment. Iżda l-Unjoni Ewropea hi unika fil-mod kif tiżviluppa mudell ta’ tmexxija li jibbilanċja l-interessi tal-kbar u taż-żgħar u sikwit tgħaqqad dawn l-interessi f’interessi komuni.
Dan hu valur li għandu jkun innutat. Huwa mertu li jagħmel lill-Ewropa dak li hi, għanja fid-diversita’ u mimlija rispett lejn id-differenzi evidenti tal-membri tagħha. Dan jista’ wkoll jispjega għala pajjiżi żgħar huma marbutin ħafna mal-proġett Ewropew u sewwasew mal-Metodu Komunitarju.
L-Unjoni Ewropea tkabbar l-influwenza tal-pajjiżi żgħar: issaħħaħ l-identita’ tagħhom, u xejn inqas l-identita’ lingwistika tagħhom, u tassew tifrex quddiemhom l-orizzonti wiesgħa tal-bqija ta’ l-Ewropa u tad-dinja.
Il-Parlament Ewropew ukoll għandu jkompli jibni dan il-bilanċ u jagħti widen lill-interessi partikulari tal-pajjiżi żgħar. L-Unjoni Ewropea ma tistax u ma għandhiex tkun direttorat tal-pajjiżi kbar.
Id-Direttiva tas-Servizzi
Id-Direttiva tas-Servizzi hi eżempju ieħor ta’ fejn l-istituzzjonijiet Ewropej qegħdin jispikkaw bħala leħen tar-raġuni. Infaħħar ix-xogħol ta’ dan il-Parlament fit-tfassil ta’ kompromess fuq inizjattiva tant importanti. L-approvazzjoni wiesgħa tal-Kunsill Ewropew hi wkoll xhieda valida tax-xogħol tagħkom. Issa li nstab kompromess li jista’ jaħdem, wasal iż-żmien li l-proċess leġislattiv jitwassal malajr għall-konklużjoni tiegħu, biex iċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jaħsdu l-benefiċċji reali tas-suq tas-servizzi nterni.
Politika dwar l-enerġija
Hekk ukoll, l-inizjattiva b’riżq politika komuni ta’ l-enerġija li tilqa’ l-isfida kbira ta’ provvista xierqa ta’ enerġija, hi żvilupp mixtieq ieħor li għalih il-Kummissjoni għandha tkun imfaħħra u appoġġjata. Huma inizjattivi bħal dawn li juru li l-Ewropa tassew tistħoqq il-fiduċja.
Iżda hemm sfidi oħrajn fejn l-Ewropa mxiet wisq inqas bil-mod u fejn l-azzjoni f’livell Ewropew hi meħtieġa dejjem iżjed. F’dawn l-oqsma jeħtiġilna naħdmu aktar biex nagħtu leħen lir-raġuni, biex naslu għal bilanċ ġust u għalhekk insaħħu l-fiduċja.
Politika Marittima
Inħoss li x-xogħol tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-iżvilupp ta’ Politika Marittima għandu mportanza partikolari minħabba li jfittex li jqiegħed il-vantaġġ marittimu intrinsiku ta’ l-Ewropa bħala punt ewlieni fuq l-aġenda. Minħabba li jien ġej minn nazzjon marittimu antik, nista’ nistqarr mingħajr tlaqliq li l-wirt marittimu ta’ l-Ewropa għadu m’huwiex sfruttat biżżejjed f’livell Ewropew. Jeħtieġ nadottaw attitudni ħolistika. M’għandniex inħallu interessi ta’ żmien qasir f’ċerti oqsma jwarrbu l-pożizzjoni tagħna minn ta’ quddiem fil-kwistjonijiet marittimi fil-globalita’ tagħhom. Għandna nitħabtu biex immexxu d-dinja marittima aktar milli nippruvaw noħolqu l-ispazju privileġġjat tagħna fi ħdanha.
Ir-reġjun Ewro-Mediterranju
Il-fiduċja għandha tinkiseb mhux biss minn ġewwa l-Unjoni iżda wkoll minn barra. U hawn ukoll għandna nuru li għandna l-ħila nsaħħu l-fiduċja permezz tal-ġustizzja. Il-politika Ewro-Mediterranja tagħna hi eżempju ċar. Il-kumplessita’ ta’ dan ir-reġjun, li aħna naqsmu mal-ġirien tagħna, u r-rabta intrinsika tiegħu mal-proċess tal-paċi fil-Lvant Nofsani, isejħulna wisq aktar minn qatt qabel biex inkunu vuċi tar-raġuni. L-inċidenti reċenti li ġraw wara l-pubblikazzjoni ta’ ċerti ‘cartoons’ b’xorti ħażina kienu jfissru pass lura f’dan ir-rigward. Iżda jagħtuna opportunita’ biex nerġgħu nibnu l-fiduċja anki f’dan il-livell.
L-isfida tal-globalizzazzjoni
Sfida oħra ġejja mill-konsegwenzi ovvji iżda inevitabbli tal-globalizzazzjoni. It-tweġiba għal din l-isfida ma tistax tinstab fil-protezzjoniżmu jew fit-twarrib ta’ dak li kien miksub sa issa. Irid ikun hemm bilanċ ġust bejn il-konsegwenzi inevitabbli tal-kummerċ ħieles fuq naħa, u l-affermazzjoni tal-valuri ewlenin ta’ l-Ewropa, u mhux l-inqas il-mudell soċjali tagħha, min-naħa l-oħra. Tassew li m’hix ħaġa ħafifa li jinstab bilanċ bħal dan. Iżda ma nistgħux ninsew li huwa s-sens ta’ bilanċ u raġuni ta’ l-Ewropa li qiegħed jiddistingwiha dejjem aktar mill-atturi l-oħra fl-arena internazzjonali.
L-isfida ta’ immigrazzjoni irregulari
Sfida oħra li hi aktar viżibbli fil-livell uman hi l-isfida ta’ immigrazzjoni irregulari. Ftit jiem ilu delegazzjoni mill-istituzzjoni tiegħek żaret il-pajjiż tiegħi bħala parti mix-xogħol kurrenti tal-Parlament li żżur pajjiżi fl-Ewropa u barra minnha biex teżamina kemm hi kbira l-isfida ta’ l-immigrazzjoni irregulari. Din hi problema li bħalissa qiegħda tpoġġi piż qawwi fuq il-kapaċita’ ta’ numru ta’ Stati Membri, u mhux b’inqas fuq il-pajjiż tiegħi, li jlaħħqu ma’ l-influss li donnu ma jieqaf xejn ta’ nies, l-aktar mill-Afrika Sub-Sahara.
Kif id-delegazzjoni tiegħek setgħet tara, anki meta tkellmet ma’ l-immigranti u dawk li qegħdin ifittxu kenn, il-problema hi reali daqskemm hi urġenti. Minn naħa waħda, il-Mediterran qiegħed jiffaċċja katastrofi umana li fiha mijiet ta’ nies qegħdin jinqerdu huma u jfittxu li jaslu l-Ewropa, waqt li eluf oħra qegħdin jgħixu fl-inċertezza u f’kundizzjonijiet diffiċli wara li jkunu għamlu dan. Fl-istess waqt, il-pajjiżi li qegħdin jirċievu influss qawwi qegħdin jaraw li l-kapaċita’ u r-riżorsi tagħhom qegħdin jiġġebbdu lil hinn mil-limitu.
Hi ħaġa ċara li l-problema m’hix ta’ Malta biss, u lanqas ma hi l-problema ta’ xi pajjiż wieħed waħdu. Hi sfida komuni li teħtieġ sforz kollettiv. Iżda, irrid nenfasizza li l-problema ta’ Malta hija iżjed akuta, minħabba li Malta hija l-aktar stat membru popolat. L-Ewropa għandha bżonn urġenti ta’ Politika ta’ l-Immigrazzjoni li tista’ toffri tweġiba aktar konkreta lil din il-problema fil-kumplessita’ tagħha kollha. Tweġiba li toffri s-solidarjeta’ tipika ta’ l-Ewropa man-nies involuti f’din id-drama, mal-pajjiżi ta’ l-oriġini, iżda bl-istess mod mal-pajjiżi fejn jaslu l-ewwel fl-Ewropa li m’għandhomx il-mezzi li jiffaċċjaw din il-problema weħidhom.
Għalhekk nirringrazzja lill-Parlament Ewropew, u lill-membri tad-delegazzjoni li ġiet Malta, talli poġġew lil dan il-punt fl-aġenda tal-Parlament u talli semmgħu s-sejħa ta’ pajjiżi għal azzjoni urġenti.
Sur President,
Jekk irridu nsaħħu l-fiduċja irridu nidhru li qegħdin inwieġbu b’mod effettiv għall-interessi tal-poplu. U biex nagħmlu dan hemm bżonn li nagħrfu l-burdata tal-poplu. Il-mexxejja politiċi m’għandhomx isegwu lill-poplu imma jmexxuh. Iżda daqstant ukoll m’għandhomx jimxu ‘l quddiem b’pass imgħaġġel iżżejjed, inkella jħallu lin-nies warajhom u jinqatgħu mir-realtajiet tad-dinja. Hawn ukoll għandu jinstab bilanċ.
Hemm numru ta’ valuri li jiddistingwu lill-Ewropa minn kontinenti oħra u lill-Unjoni Ewropea minn proġetti oħra ta’ integrazzjoni reġjonali fid-dinja. L-Ewropa hi diġa’ distinta għar-rabta sħiħa tagħha mal-valuri tal-paċi, tat-tolleranza, tad-drittijiet tal-bniedem, u tas-solidarjeta’. L-Unjoni Ewropea qiegħda ssir distinta dejjem aktar bħala vuċi tar-raġuni fost il-ġirien tagħha u fid-dinja.
Il-fatt li l-Ewropa tkun vuċi tar-raġuni jitlob minna li mmorru lil hinn mill-fruntieri ta’ l-egoiżmu nazzjonali tagħna u li naħdmu flimkien għall-ġid komuni tagħna. Irridu nkomplu nippreservaw dan il-valur kemm fl-azzjoni tagħna bejnietna u kemm ma’ pajjiżi oħrajn. Din hi l-Ewropa li ċ-ċittadini qegħdin jistennew minn għandna u din hi l-Ewropa li huma lesti li jafdaw.
|
HOME | GOV.MT | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |