OPR - Il-Ħadd, 14 ta` Novembru 2004
DISKORS MILL-PRESIDENT TA` MALTA,
L-E.T DOTT. EDWARD FENECH ADAMI
FIS-SIMPOŻJU DWAR IL-KULT TA’ SAN FILEP F’ĦAŻ-ŻEBBUĠ
IL-ĦADD 14 TA’ NOVEMBRU 2004
Reverendissimu Monsinjur, Professuri, Sinjuri
Ilqajt b’ferħa l-istedina ta’ dan il-Każin magħruf għall-ħidmiet kulturali tiegħu, li nagħti l-patroċinju tiegħi għal simpożju hekk immexxi tajjeb dwar il-kult ta’ San Filep, li kif smajtu, l-istudjużi jgħodduh bħala wieħed mill-eqdem ta’ Malta nisranija.
Bħalkom ħadt pjaċir nisma’ l-fehmiet ta’ qofol li raddewlna dawn l-għorrief miġburin hawnhekk u bħalkom stajt nilmaħ u nagħraf kemm hi sinjura l-ġrajja ta’ art twelidna fl-oqsam kollha, mhux l-inqas fil-qasam tat-twemmin li hu marbut hekk mill-qrib ma’ ġrajjet il-poplu tagħna.
Naħseb taqblu miegħi meta nrodd ħajr speċjali lill-kelliem mistieden, li qagħad jiġi minn Milan biex ikellimna llum, Monsinjur Dottor Cesari Pasini, Viċi Prefett tal-Biblijoteka Ambrosiana. Monsinjur Pasini huwa magħruf ħafna bħala espert fuq il-ħajja ta’ San Filep u l-fehmiet li wriena llum huma ta’ min wieħed jorbot fuqhom. Huma fehmiet imsejsin fuq snin twal ta’ studju bir-reqqa, tiftix bla heda f’għadd kbir ta’ kotba, manuskritti u dokumenti qodma li fihom hemm miġbur frott il-ħidma ta’ bosta nsara tal-qedem. Monsinjur Pasini għamlilna ġieħ kbir bil-miġja tiegħu fostna u ninsab żgur li intom għamiltu ħilitkom kollha biex turuħ l-apprezzament tagħkom bil-merħba li wrejtuh. Ta’ siwi kbir ukoll kienu l-fehmiet murijin mill-kelliema l-oħrajn, Maltin bħalna li għaddew sigħat sħaħ f’tiftix f’dan il-qasam u b’ħidmiethom għanew lill-qasam akkademiku, kemm storiku u kemm reliġjuż, Malti. Dwar dan diġà tkellem tajjeb ħafna r-Reverendu Professur Peter Serracino Inglott li huwa magħruf
biżżejjed mhux biss għall-għerf tiegħu imma għal kemm issibu dejjem lest jagħti sehmu kull meta jintalab imexxi taħditiet ta’ livell għoli bħalma kienu ta’ dal-jumejn.
Il-mod kif il-Professur Serracino Inglott jirnexxielu jinseġ flimkien tant ħjut ta’ bixriet diversi bħalma huma dawk ta’ ġrajjiet artna, tat-twemmin nisrani u tar-rabta li fl-għoqda tagħha jinsab in-nisel ta’ ġensna huwa magħruf biżżejjed. Mhux ta’ b’xejn li l-Professur Serracino Inglott sar sinonimu ma’ l-ogħla istituzzjoni ta’ tagħlim tagħna, l-Universita’ ta Malta , li hija waħda mill-eqdem tal-bixra tagħha.
Ma rridx noqgħod intenni dak kollu li ngħad mill-kelliema li smajna matul dawn il-jumejn, iżda ma nixtieqx ma ntennix xi punti ewlenin li saħqu fuqhom. L-ewwel, kemm hija qawwija r-rabta bejn San Filep u Ħaż-Żebbuġ, rabta li semma u faħħar fl-għana tiegħu l-poeta nazzjonali, iż-Żebbuġi Dun Karm, it-tieni kemm sewa sehem San Filep fi ġrajjiet Malta wara l-miġja rebbieħa tan-Normanni, u t-tielet kemm hija meħtieġa t-tkomplija ta’ tifkiriet l-imgħoddi li bihom tinżamm sħiħa l-ħolqa bejna u bejn missirijietna u li biha aħna rridu nibqgħu maqgħudin ukoll ma’ dawk li ġejjin warajna.
Jiena nixtieq inrodd ħajr ukoll lil dawk kollha li taw sehemhom biex din il-ħidma fejjieda setgħet isseħħ u tirnexxi u ukoll lilkom li qgħadtu tisimgħu t-taħditiet kollha li ngħataw b’daqshekk imħabba u qima lejn il-wirt nazzjonali tagħna.
|
HOME | GOV.MT | CIMU | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |