OPR - Il-Ġimgħa, 19 ta` Novembru 2004

 


DISKORS MILL-PRESIDENT TA` MALTA,

L-E.T DOTT. EDWARD FENECH ADAMI

FL-OKKAŻJONI TAL-190 ANNIVERSARJU TA’ L-UFFIĊĊJU NAZZJONALI

 TAL-VERIFIKA – FLORIANA

IL-ĠIMGĦA, 19 TA’ NOVEMBRU 2004


   

Bi pjaċir ilqajt l-istedina ta’ l-Awditur Ġenerali biex nattendi u nindirizza din l-okkażjoni li qed tfakkar l-għeluq tal-190 sena mit-twaqqif tal-kariga ta’ Awditur Ġenerali u ta’ l-ewwel Uffiċċju Nazzjonali ta’ Verifika f’Malta.

 

Huwa ta’ sinifikat kbir li l-oriġini tal-Uffiċċju jmur lura għall-bidu tas-seklu dsatax, eżattament fl-1814.  F’dak iż-żmien it-twaqqif ta’ dak l-Uffiċċju kienet l-unika inizjattiva bl-iskop li tassigura l-kontabilità ta’ l-uffiċjali pubbliċi permezz ta’ sistema ta’ verifika.

 

Nistgħu ngħidu li, bi twaqqif ta’ dan l-Uffiċċju, f’dawk iż-żminijiet kienet tnediet it-triq għal waħda mill-pedamenti tal-kostituzzjoni tal-lum il-ġurnata.

 

L-Uffiċċju ta’ l-Awditur Ġenerali dak iż-żmien kien stabbilit fi sforz biex ikun hawn stabbilità finanzjarja u effiċjenza amministrattiva.  Dan apparti l-iskop iktar wiesa’ biex jiġi assigurat rendikont tajjeb tal-fondi li kienu jiġu mir-Renju Unit meta Malta kienet kolonja.

 

Mill-bidu tad-dsatax-il seklu, Malta gradwalment żviluppat fi stat indipendenti u waslet biex tfassal u tħaddan kostituzzjoni.  L-aħħar inizjattiva kostituzzjonali li saret fis-seklu għoxrin kien propju t-twaqqif ta’ l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika bħala istituzzjoni indipendenti u awtonoma mill-Gvern.  L-iskop wara dan kien biex jiġi assigurat li jkun hawn kontroll estern fuq l-attivitajiet u l-finanzi tal-Gvern u biex tiżdied il-kultura ta’ responsabbilità tal-uffiċjali li jieħdu ħsieb dawn l-attivitajiet u finanzi.

 

Skop ieħor tat-tibdil kostituzzjonali li sar rigward il-kontroll finanzjarju kien sabiex jiġi konsolidat l-iskrutinju tal-Gvern mill-Parlament.  Fil-fatt, it-twaqqif ta’ l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika kien stimulat mill-White Paper li saret fl-1993 “Il-Bidla Tkompli..”.  Dan id-dokument kien speċifikament ippropona li l-liġi li tirregola l-poteri u l-funzjoni ta’ l-Awditur tal-Gvern kellha tiġi mmodernizzata.  L-iskop kien biex mhux biss jiżdiedu l-poteri ta’ l-Awditur, iżda wkoll biex tissaħħaħ l-indipendenza u l-awtonomija mill-Gvern.

 

Għalkemm l-indipendenza ta’ l-Awditur Ġenerali kienet diġà garantita, saħansitra minn qabel ma l-pajjiż kiseb l-indipendenza, f’dan id-dokument li semmejt kien inħass il-bżonn li l-awditjar estern kellu jissaħħaħ iktar, kemm permezz ta’ leġislazzjoni ġdida (inkluż tibdil fil-kostituzzjoni) kif ukoll mill-aspett organizattiv.

 

Għalhekk, il-prinċipji li ħargu minn dan il-White Paper kienu li jiġi rikostitwit id-Dipartiment tal-Verifika bħala Uffiċċju indipendenti mill-Gvern; li l-Awditur Ġenerali jkollu kontroll sħiħ fir-reklutaġġ ta’ impjegati ma’ l-Uffiċċju tiegħu; li l-Awditur Ġenerali jibda jirraporta direttament lill-Parlament, kif ukoll li r-rapporti tiegħu jmorru għand, u jiġu diskussi, mill-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi.

 

Kienet ukoll l-intenzjoni fil-White Paper biex l-Awditur Ġenerali jibda jagħti aktar importanza u janalizza b’mod aktar kritiku s-sistemi u l-attivitajiet tal-Gvern billi jidħol f’aspetti ta’ l-ekonomija, effiċjenza u effettività tal-operazzjonijiet, programmi u attivitajiet tal-Gvern.

 

Il-proposti li nsibu f’dan id-dokument saru liġi bi qbil unanimu taż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati fl-1997.

 

Dan il-190 Anniversarju huwa okkażjoni tajba biex nagħtu ġieħ għax-xogħol li sar matul dan iż-żmien kollu minn dan l-Uffiċċju u l-predeċessuri tiegħu, taħt xi forma jew oħra.

 

Naħseb li nkun qed nesprimi l-opinjoni ġenerali jekk ngħid illi llum il-ġurnata dan l-Uffiċċju jgawdi rispett iktar minn qatt qabel u qed jgħaddi mill-aħjar perjodu ta’ -istorja tiegħu in vista tat-tibdil leġislattiv, tar-riformi u tar-riorganizzazzjoni li saru f’dawn l-aħħar snin.  Nistgħu għalhekk inkomplu nħarsu b’kuraġġ u b’ottimiżmu għall-isfidi tal-ġejjieni.  Dawn huma sfidi li, minn naħa, għandhom x’jaqsmu mad-dħul riċenti ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.  Huma wkoll sfidi li jġibu magħhom l-iżviluppi mgħaġġla tal-globalizzazzjoni u tas-soċjetà moderna f’kull qasam tal-ħajja, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ekonomija u l-finanzi tal-pajjiż.

 

Nawgura lill-Awditur Ġenerali u lill-impjegati ta’ dan l-Uffiċċju biex ikomplu bix-xogħol siewi u importanti li qegħdin iwettqu u biex dejjem ikomplu jissaħħu fix-xogħol tagħhom għall-ġid tal-pajjiż u għas-sodisfazzjon personali tagħkom. Nirringrazzjakom.

 

 


HOME  |  GOV.MT  |  CIMU PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP