OPR- It-Tnejn, 13 ta ' Diċembru, 2003

 


DISKORS MILL-E.T. DOTT. EDWARD FENECH ADAMI, PRESIDENT TA` MALTA, FL-OKKAŻJONI TA’ JUM IR-REPUBBLIKA - SALA TAL-GRAN KUNSILL, IL-PALAZZ, VALLETTA  - IT-TNEJN, 13 TA’ DIĊEMBRU 2004


Illum Malta tagħna għalqet tletin sena Repubblika.  F’ħajja ta’ bniedem, tletin sena huma ħafna.  F’ħajja ta’ nazzjon, normalment wieħed jgħid li tletin sena m’huma xejn għajr żiffa li tgħaddi malajr.

 

Mhux hekk iżda dawn l-aħħar tletin sena ta’ l-istorja ta’ pajjiżna.  Kienu snin fejn rajna lil pajjiżna jistabbilixxi ruħu bħala pajjiż sovran.  Kienu tletin sena li fihom wettaqna riforma mill-qiegħ fis-sistema ekonomika tal-pajjiż.  Għamilna żviluppi kbar fil-qasam tas-saħħa, dak soċjali u edukattiv.  Matul dawn l-aħħar snin, pajjiżna neża’ l-libsa ta’ pajjiż nieqes mill-iżvilupp biex issa huwa meqjus bħala pajjiż li żviluppa kemm ekonomikament kif ukoll politikament u soċjalment.

 

Fir-relazzjonijiet internazzjonali pajjiżna kiseb kredibbilità bħala pajjiż li għandu għal qalbu u li jaħdem għall-paċi bejn il-ġnus.  Mill-1 ta’ Mejju ta’ din is-sena, il-vuċi ta’ Malta fil-qasam internazzjonali ssaħħet permezz ta’ l-isħubija fl-Unjoni Ewropea.

 

Wettaqna ħafna u nistgħu ngħidu li Malta llum għandha l-għodda kollha sabiex tibni għaliha futur mill-aqwa.  L-għażla mhix u m’għandha qatt tkun jekk pajjiżna għandux iżomm mal-pass ta’ din id-dinja globalizzata.  L-għażla għandha tkun fuq il-kif se nżommu il-pass, fuq kif se niżguraw li jkollna r-riżorsi sabiex pajjiżna jibqa’ miexi ma’ dan l-iżvilupp.

 

Il-ħajja tgħallimna li kollox għandu prezz, mhux anqas il-progress.  Sfortunatament l-esperjenza qed turi li fil-fatt hemm inkluż f’dan il-prezz it-tnaqqir tal-valuri li sawru s-socjetà tagħna.  L-effett ta’ dan it-tnaqqir qed jidher u jinħass l-iżjed fil-familji u fiż-żgħażagħ tagħna.  Hemm bżonn ta’ sforz kollettiv sabiex nerġgħu nrawmu dawn il-valuri.  Inkella nkunu qisna qed inħottu l-pedament sabiex nibnu s-sular ta’ fuq.

 

Dan ma jgħoddx biss għal pajjiżna imma jgħodd ukoll għall-Ewropa li minnha nagħmlu parti.

 

F’dan l-anniversarju tar-Repubblika jkun xieraq li ssir riferenza għall-kostituzzjoni ta’ pajjiżna.  Din il-kostituzzjoni, inħmiet minn diskussjonijiet twal u profondi li b’sodisfazzjon ngħid kelli parti fihom.  Din il-kostituzzjoni hija l-kredu tan-nazzjon.  Hija affermazzjoni ta’ dak li aħna u dak li nemmnu fih.  Għalhekk huwa sew li din il-kostituzzjoni ma tinbidilx kif ġib u laħaq.  Għax inkella x’poplu nkunu jekk nibdlu fehmitna għal kull ħaġa ta’ xejn?  Iżda l-kostituzzjoni m’għandhiex tkun xi ħaġa statika – għall-kuntrarju għandha tirrifletti realtajiet.  L-aħħar tas-snin tmenin u bidu tas-snin disgħin huma karatterizzati bil-waqa’ tal-ħajt ta’ Berlin, it-tkissir tas-sistema komunista u tmiem tal-Gwerra l-Bierda.  L-antagoniżmu bejn il-Lvant u l-Punent, partikolarment fl-Ewropa, inbidel f’kooperazzjoni.  Naħseb li huwa żmien li jsir dibattitu san fil-pajjiż dwar jekk il-kostituzzjoni, mingħajr ebda bidla fil-prinċipji, għandhiex tirrifletti din ir-realtà ġdida.

 

Din hija l-ewwel darba li qed inkellimkom f’Jum ir-Repubblika.  Huwa jum li fih nirrikonoxxu lil dawk li b’għemilhom taw ġieħ lil dan in-nazzjon.  Spiss nitkellmu fuq dak il-kwalitajiet sbieħ li jagħmluna kburin li aħna Maltin.  Nitkellmu anqas fuq dawk il-persuni li b’ħidmiethom u bit-talenti tagħhom ukoll jgħollu isem Malta.  Għalhekk hu sewwa u xieraq li bħal-lum, Jum ir-Repubblika, insemmu u niftakru f’dawn it-talin.  U hawn qed nirreferi mhux biss għal dawk li ġustament u meritatament irċevew jew se jirċievu unur Nazzjonali imma wkoll għal dawk li xogħolhom baqa’ sieket.  Minn qalbi ngħid grazzi lil kulħadd.

 


HOME  |  GOV.MT  |  CIMU PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP