OPR - Il-Hadd, 3ta` Ottubru - Valletta

 


DISKORS MILL-PRESIDENT TA` MALTA,

L-E.T. DOTT. EDWARD FENECH ADAMI,

FL-OKKAŻONI TAL-PRANZU STATALI MOGĦTI AD UNUR TA’

L-E.T.  S-SUR ION ILIESCU, PRESIDENT TAR-RUMANIJA

FIL-PALAZZ, IL-BELT

IL-ĦADD 3 TA’ OTTUBRU 2004


Eċċellenza

 

Fis-sigħat li ilek Malta, stajt tinduna kemm iż-żewġ pajjiżi tagħna jixxiebhu fil-wirt kulturali u spiritwali tagħhom, fil-karattru assidwu tal-poplu tagħhom u fit-tama li t-tnejn għandhom li jħallu ħajja aħjar lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom.

 

Dawn il-kwalitajiet komuni joħolqu rabta naturali li hija msaħħa bl-aspirazzjonijiet li t-tnejn għandhom, inkluża dik ta’ Ewropa magħquda li tgħożż id-diversità ta’ kull komunità, li toħloq prosperità fost il-popli tagħha u li  tagħti sehem favur l-istabbiltà reġjonali u mondjali.

 

Eċċellenza,

 

It-tama dejjem tnissel ispirazzjoni, iżda b’mod speċjali aktar u aktar f’mumenti diffiċli. It-tama ssaħħilna r-rieda u tagħtina l-kuraġġ li naġixxu. U fi żminijiet daqshekk kruċjali, għalkemm naġixxu weħidna, meta nkunu nafu li l-oħrajn ikunu solidali magħna nitwettqu fit-tama u nissaħħu fil-fehma favur dak li huwa ġust.

 

It-tama u s-solidarjetà qatt ma kienu daqshekk evidenti daqskemm matul il-jiem drammatiċi fir-Rumanija ta’ wara t-22 ta’ Diċembru 1989. Permezz ta’ trażmissjonijiet televiżivi diretti, il-komunità tad-dinja setgħet tara b’għajnejha stess b’ansjetà u allarm dak kollu li kien qed jiġri.

 

Il-poplu ta’ Malta, li xi ġimgħat biss qabel kien ospita l-laqgħa għolja bejn  Bush u Gorbachev, kien magħqud mal-poplu tar-Rumanija f’dawk il-jiem deċiżivi. Għalina lkoll, il-memorja indellibbli tat-toqba wiesgħa fil-bandiera tar-Rumanija tibqa’ bħala ispirazzjoni. Dik it-toqba wiesgħa kienet tfisser ħafna aktar minn ċaħda tal-passat. Kienet tissimbolizza ftuħ għall-ġejjieni

 

Kif inti, Eċċellenza, fakkart aktar kmieni din is-sena, ir-Rivoluzzjoni Rumena kellha bħala l-miri fundamentali tagħha t-twaqqif ta’ ordni kostituzzjonali, legali u istituzzjonali kif ukoll ta’ soċjetà miftuħa, libera u demokratika.

 

Is-solidarjetà tal-poplu Malti tibqa’ ħajja llum, aktar u aktar meta qed nosservaw il-progress tar-Rumanija lejn is-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Aħna nifhmu l-problemi li tistgħu tħabbtu wiċċkom magħhom matul din it-triq diffiċli, billi aħna stess għadna kemm terraqnieha u aħna lesti li niskambjaw magħkom l-esperjenzi tagħna.

 

Eċċellenza,

 

Waqt li nibnu l-futur, jeħtieġ li jkollna viżjoni, mhux biss biex nispiraw lil nazzjonijiet individwali iżda wkoll lil reġjuni aktar wiesgħa u lill-komunità mondjali kollha kemm hi.

 

Iżda t-tamiet u l-aspirazzjonijiet li nrawmu għall-ġid tal-pajjiżi tagħna u tal-popli tagħna ma jissawrux fl-iżolament. Meta jintlaqtu mill-iżviluppi fil-komunità mondjali, dawn it-tamiet jistgħu jiġu mxekkla, l-aktar minn ġrajjiet li jisfidaw ir-rażan tal-liġi fil-komunità internazzjonali jew jimminaw l-istabbiltà.

 

L-ewwel  fost dan it-theddid hija l-isfida li qed joħloq it-terroriżmu. Fl-aħħar tliet snin atti faħxija ta’ terroriżmu żergħu l-mewt fost eluf u waħħxu l-komunità tad-dinja bin-nuqqas ta’ umanità tagħhom. Fi żminijiet bħal dawn, is-solidarjetà għandha tiġi mżewġa ma’ rieda komuni biex dan il-ħażen modern jiġi megħlub, kif il-pajjiżi tagħna t-tnejn qed jagħmlu fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti, l-OSCE u l-Kunsill ta’l-Ewropa.

 

Eċċellenza

Jista’ jkun li l-ġejjieni għad joffrilna sfidi qawwija, iżda d-determinazzjoni li negħlbuhom hija daqstant ieħor soda.

Fid-dinja ta’ l-inġinerija li l-Eċċellenza Tiegħek taf tant tajjeb, is-suċċess ħafna drabi jiddependi mill-ħila li wieħed ikollu biex jidentifika l-mezzi li jgħinu biex jiġu megħluba l-ostakoli. L-istess japplika biex isseħħ l-idea tat-tixrid tal-prosperità fil-paċi li nebbħet lil De Gasperi, lil Schumann, lil Spaak, lil Monnet, lil Adenauer u lil Spinelli meta ħolmu l-idea ta’ Ewropa Magħquda

Fil-karriera professjonali distinta tiegħek, qasam ta’ speċjalizzazzjoni kien l-isfruttar tar-riżorsi naturali.

Aktar tard fil-politika, bil-fiduċja fil-valur u s-siwi tar-riżorsi umani tar-Rumanija,  Eċċellenza, inti nebbaħt u kkanalizzajt l-aspirazzjonijiet tan-nazzjon kollu kemm hu b’riżq   ġejjieni aħjar. F’din il-missjoni nobbli, aħna nawguraw aktar suċċess lill-poplu tar-Rumanija u lill-kapijiet tiegħu.

 

B’dawn il-ħsibijiet f’moħħi nistidinkom, Eċċellenzi u Sinjuri, biex tixorbu bis-saħħa ta’l-Eċċellenza Tiegħu Ion Iliescu u b’riżq il-ħbiberija bejn il-Gvernijiet u l-popli ta’ Malta u tar-Rumanija.

 
 


HOME  |  GOV.MT  |  CIMU PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP