OPR- Il-Ħamis, 23 ta' Mejju, 2005

 


DISKORS MILL-PRESIDENT TA’ MALTA, L-E.T. DOTT. EDWARD FENECH ADAMI,

FL-OKKAŻJONI TAĊ-ĊENA STATALI MOGĦTIJA AD UNUR

IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TALJANA, L-E.T. CARLO AZEGLIO CIAMPI U S-SINJURA CIAMPI

IL-PALAZZ, VALLETTA – 19 TA’ MEJJU 2005


 

Eċċellenza,

 

Un caloroso benvenuto

 

F’isem il-Poplu Malti nilqgħek bħala l-ogħla awtorità ta’ nazzjon li huwa f’kull sens tal-kelma qrib ħafna lejna, ‘viċin’ tagħna.  L-interazzjoni u l-qrubija ma’ Sqallija u mal-bqija ta’ l-Italja minn dejjem kienu fattur kostanti u importanti għall-Poplu ta’ dan l-arċipelagu sa mill-bidu ta’ l-istorja tagħna li tmur lura eluf ta’ snin.

 

 

Eċċellenza, 

 

Illum diġà stajt tara mill-viċin l-influwenza arkitettonika, artistika u kulturali li ġejja mill-kontinent Ewropew u partikolarment mill-Italja fuq il-gżejjer tagħna.  Meta kont riesaq lejn il-Palazz li kien tal-Granmastri ta’ l-Ordni ta’ San ġwann, stajt tosserva t-toroq forma ta’ gradilja li jintegraw f’sistema perfetta u s-sensiela ta’ swar imponenti li jdawru l-Belt Valletta, xogħol l-inġinier Francesco Laparelli minn Cortona. Illum stajt ukoll tammira l-isplendur tal-kuluri fl-affreski tal-Kavallier Kalabriż Mattia Preti li jżejnu l-Kon-Katidral ta’ San ġwann. Stajt tħoss ukoll il-preżenza ħajja ta’ Caravaggio fil-kuntrasti psikoloġikament qawwija mpittra b’tant ħila fil-kwadri tiegħu.  Dawn huma biss ftit mit-teżori li jixhdu l-appartenenza tagħna mal-qafas kulturali Ewropew li għalih l-Italja kkontribwiet b’mod tant sinifikanti.  Aħna nħossuna tassew ixxurtjati li niffurmaw parti minn dan l-istess wirt kulturali li sawwar il-ħsieb u l-ideali umanistiċi ta’ l-Ewropa.

 

Nirrikonoxxu wkoll l-għeruq storiċi ta’ din l-Ewropa sekolarizzata li huma mnisslin mill-għeruq ġudeo-Kristjani li sawru l-identità Ewropea li hija fondamentalment tolleranti u inklussiva.  Dan ma jfissirx li ma hemmx bżonn li din tibqa’ tiġi dejjem iżjed  imħarsa. F’dan il-kuntest, nagħmel tiegħi l-appell tal-Papa Benedittu XVI kontra r-relativiżmu li jsewwes is-sisien tas-soċjetà.  Huma l-valuri tagħna l-antidotu kontra dan il-periklu inviżibbli imma tanġibbli.

 

 

Eċċellenza,

 

L-Italja hija pajjiż fundatur ta’ dan id-disinn ta’ paċi mibni fuq viżjoni politika msejsa fuq esiġenzi ekonomiċi.  Bħal dan ix-xahar sena, aħna wkoll sirna membri ta’ l-Unjoni Ewropea bil-għan li nagħtu s-sehem tagħna f’din l-unjoni ta’ sovranità kondiviża waqt li nibbenifikaw mill-istabbiltà u l-prospett reali ta’ żvilupp kontinwu.  Minn mindu tnisslet din il-viżjoni politika f’moħħ statisti kbar bħal Alcide De Gasperi nofs seklu ilu, l-Ewropa wettqet passi kbar fid-direzzjoni t-tajba.

 

Fil-fatt, ġimgħa ilu fakkarna s-sittin anniversarju mit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija.  Dawk bħalna, Sur President, li għexu t-trawma tal-Gwerra ħalfu li qatt iżjed m’għandhom ġenerazzjonijiet sħaħ jitqatlu fi gwerer fratriċidi.  L-Unjoni Ewropea, li issa dejjem iżjed qed tieħu nifs minn żewġ pulmuni, dak tal-Lvant u dak tal-Punent, hija realtà u garanzija kontra l-periklu li gwerra bħal din tista’ terġa’ sseħħ fl-Ewropa. 

 

Imma fuq ix-xtut tagħna jeżistu sitwazzjonijiet ta’ tensjoni li, kif tgħallimna l-istorja reċenti, jistgħu faċilment iwasslu għal traġedja.  Għalhekk hemm bżonn ta’ Ewropa impenjata b’mod iżjed awtorevoli fix-xena internazzjonali.  Malta, li minn dejjem ħadmet biex issaħħaħ id-djalogu u l-paċi fil-Mediterran, hija tal-fehma li l-Unjoni Ewropea għandha tiehu sehem iżjed importanti f’dan ir-regjun biex telimina ż-żerriegħa tan-nuqqas ta’ ftehim bejn realtajiet differenti imma mhux kontrastanti. 

 

Fost affarijiet oħra, hemm bżonn ta’ sforzi akbar biex jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi ta’ l-immigrazzjoni irregolari.  Minħabba l-fatt li fuq ix-xtut taż-żewġ pajjiżi tagħna qed jasal numru sostanzjali ta’ immigranti irregolari, il-ħidma tagħna għandha twassal biex jinstabu soluzzjonijiet globali, soluzzjonijiet li jinvolvu l-Istati Membri kollha ta’ l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.

 

L-Ewropa għandha tkompli taħdem bis-serjetà wkoll sakemm tinstab soluzzjoni aċċettabbli bejn l-Iżrael u l-Poplu Palestinjan, soluzzjoni ta’ żewġ stati ġirien ta’ xulxin, soluzzjoni li twettaq ir-roadmap tal-paċi kif ukoll l-għan ta’ għadd ta’ riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, uħud minnhom meħuda aktar minn tletin sena ilu.

 

 

Eċċellenza,

 

Malta u l-Italja għandhom relazzjonijiet speċjali fuq kull livell.

 

Nieħu din l-opportunità biex nesprimi l-apprezzament tiegħi għall-għajnuna kollha li l-Italja tat lil Malta tul ħames protokolli finanzjarji.  B’din l-assistenza stajna nimmodernizzaw bosta oqsma kruċjali fil-pajjiż, fosthom l-infrastruttura u l-industrija, il-kultura u l-edukazzjoni, il-qasam soċjali u l-ambjent. Napprezzaw ukoll il-kontribut li tat il-Missione Archeologica Italiana li ilha taħdem fostna mill-1963 u l-Missione Italiana Assistenza Tecnica Militare li tat kontribut mill-aktar siewi sa mill-1980.

 

ħolqa oħra importanti hi l-lingwa; il-lingwa Taljana fil-fatt hi t-tielet lingwa mifhuma u mitkellma f’Malta.  F’dan il-qasam, napprezzaw ix-xogħol siewi ta’ l-Istituto Italiano di Cultura u tas-Soċietà Dante Alighieri, li tul ħafna snin edukaw fil-lingwa u fil-kultura Taljana eluf ta’ żgħażagħ Maltin u Għawdxin. 

 

 

Eċċellenza,

 

Fuq livell politiku, il-preżenza tiegħek hawnhekk illum, sena wara l-Viżita Statali fl-Italja tal-predeċessur tiegħi, il-President Guido de Marco, hija l-ogħla espressjoni ta’ qbil, ta’ kooperazzjoni u ta’ ħbiberija bejnietna.  Din ir-relazzjoni speċjali bejn Malta u r-Repubblika Taljana hija realtà stabbilita li fuqha se nkomplu nibnu flimkien il-futur tagħna.

 

B’dawn ir-riflessjonijiet, nistedinkom, Eċċellenzi, Sinjuri, biex nixorbu bis-saħħa tal-President Carlo Azeglio Ciampi u s-Sinjura Ciampi u bis-saħħa tal-ħbiberija bejn il-Popli ta’ Malta u ta’ l-Italja.

 


HOME  |  GOV.MT  |  CIMU PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP