OPR - It-Tnejn 25ta` Ottubru 2004
DISKORS MILL-PRESIDENT TA` MALTA,
L-E.T. DOTT. EDWARD FENECH ADAMI,
GĦALL-LAQGĦA ĠENERALI ANNWALI
TAL-FONDAZZJONI GĦALL-AĊĊESSIBILITA’ FL-INFORMATIKA (FITA)
MITTS – BLATA L-BAJDA - 25 TA’ OTTUBRU 2004
Il-fatt li qegħdin hawn illum, jixhed li qed isir sforz ġenwin biex mhux biss nixtarru u ngħidu x’hemm bżonn isir, iżda naslu li nikkommettu ruħna, biex dak li hemm bżonn isir, iseħħ tassew.
Għandi pjaċir nkun hawn għal din il-laqgħa ġenerali tal-Fondazzjoni għall-Aċċessibilità fl-Informatika, kemm għax hija okkażjoni fejn nara x-xogħol li qed isir f’dan il-qasam, iżda l-aktar, għax dan mhux frott ix-xogħol ta’ organizzazzjoni waħda, iżda r-riżultat ta` l-isforz ta’ entitajiet diversi, lkoll magħquda f’għan komuni. L-għan li ngħinu biex kulħadd ikollu sehem mir-rivoluzzjoni informatika, u jagħmel parti mis-soċjeta’ msejsa fuq l-informazzjoni u l-komunikazzjoni.
Illum il-ġurnata, permezz tat-teknoloġija, m’għadniex nistrieħu biss fuq karta stampata, biex niksbu l-informazzjoni. Hemm l-Internet. M’hemmx għalfejn tistenna xhur biex tisma’ b’aħbar il-qraba tiegħek f’pajjiżi barranin. Tista’ ċċempel, tibgħat e-mail jew tiċċetja. It-tfal tagħna għandhom vantaġġ li qed jikbru f’dan l-ambjent, u forsi qatt ma ser jifhmu x’jiġifieri, dinja mingħajr Internet, mingħajr logħob tal-kompjuter.
Il-Malta Community Chest Fund isirulha bosta talbiet għal ħtiġijiet differenti minn persuni qalb is-soċjetà tagħna, li jinsabu tassew fil-bżonn. Il-Malta Community Chest Fund għarfet li kemm kompjuters u għodda elettronika oħra, jistgħu jgħinu persuni b’diżabbilità.
It-teknoloġija u l-komunikazzjoni huma biċċa għodda importanti ħafna biex nilħqu l-għanijiet tagħna. Is-servizzi elettroniċi, bħal dawk tal-gvern, online catalogues, servizzi finanzjarji u bankarji, kollha huma maħsuba biex itejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. Izda jekk lili jiffrankali l-kju, kemm jista’ jkun aktar ta’ għajnuna għall-persuna b’diżabbilità li diġà kellha aktar diffikultajiet minni biex tinqeda bis-servizz tradizzjonali? Għalhekk tajjeb li napprezzaw kemm huwa importanti li l-persuna b’diżabbilità ikollha aċċess għal dawn is-servizzi.
It-teknoloġija ġabet magħha vantaġġi kbar għall-persuni b’diżabbilità. Persuna b’nuqqas ta’ dawl, tista’ tagħmel użu mill-kompjuter billi dan jaqralha x’hemm fuq l-iscreen. Min ma jistax jikteb, jista` juża` keyboard, jew jitkellem dirett ġol-kompjuter, u dan jaqleb il-kelma għall-kitba. Min isib diffikultà jitgħallem b’mezzi tradizzjonali, jista` juża` programmi ta’ tagħlim fuq kompjuter, fejn jista` jimxi bil-pass tiegħu, u jirrepeti kemm għandu bżonn.
Għodda oħra tgħin fil-komunikazzjoni verbali, billi l-kompjuter ilissen il-kelma miktuba. Mobile phone jippermetti lil persuni b’nuqqas ta’ smigħ jikkomunikaw permezz ta’ SMS. L-possibbilitajiet huma bosta, iżda l-għan jibqa’ wieħed. Dan hu li l-persuna, issir aktar indipendenti, billi tikseb aċċess għall-informazzjoni u tkun tista’ tipparteċipa u tikkontribwixxi aktar lejn is-soċjetà.
Lkoll nafu, li biex tagħmel użu mit-teknoloġija, trid mhux biss aċċess għat-teknoloġija, iżda din it-teknoloġija nfisha trid tkun aċċessibbli, u minn ser juża irid ikun mħarreġ fl-użu tagħha.
Naf li l-FITA, flimkien ma oħrajn, fosthom l-Malta College for Arts, Science and Technology (MCAST) u n-National Statistics Office (NSO) diġà ħadmu fuq dan, iżda għad fadal ħafna xi jsir, biex persuni b’diżabbilita` jkollhom aċċess bħal ħaddieħor għat-tagħlim u l-għarfien dwar t-teknoloġija. Naf ukoll li diversi ażjendi, fosthom il-banek lokali u l-kumpaniji ta’ komunikazzjoni, ukoll ħadmu mal-FITA, biex jiggrantixxu l-accessibilita’ tas-servizzi tagħhom, u jżidu l-opportunitajiet għall-ħaddiema tagħhom li għandhom xi diżabbilità.
Il-ko-operazzjoni bejn il-Malta Community Chest Fund u l-Fondazzjoni għall-Aċċessibilità wasslet biex persuni b’diżabbilità jkunu jistgħu jingħataw għajnuna finanzjarja biex jiksbu aċċess għal teknoloġija li tkun ta’ siwi għalihom. Din l-għajnuna tingħata lil persuni b’diżabbilità li ma jistgħux jaslu li jixtru kompjuter jew forma oħra ta’ teknoloġija, teknoloġija li għandha użu importanti f’hajjithom, u li ser tgħinhom itejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Huwa importanti għalina li naraw riżultat, u b’dan nifhmu, li t-teknoloġija jsir użu tajjeb minnha, biex il-persuna tavvanza fl-istudju u fil-qasam tax-xogħol. Huwa importanti li lill-individwu ngħatuh l-opportunità u l-għodda biex jifforma parti sħiħa u ugwali fi ħdan is-soċjetà. Għandna naraw kif il-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabbilità tkun produttiva minkejja l-limitazzjonijiet imposti fuqhom. Meta l-bniedem jikkontribwixxi u jagħmel parti mis-soċjetà, dan jgħin biex ikabbar d-dinjità ta` l-individwu u għandu impatt edukattiv fuq il-bqija tas-soċjetà.
Huwa tajjeb li l-Fondazzjoni tkompli tibbaża l-ħidma tagħha fuq il-bżonnijiet tal-persuni b’diżabbilità hekk kif huma espressi mill-persuni b’diżabbilità u l-għaqdiet tagħhom. Huwa meħtieġ ukoll, li l-industrija tat-teknoloġija Maltija, tippreżenta il-perspettiva tagħha, x’qed tistenna li jsir, biex niggarantixxu l-Aċċessibilità u nżidu l-opportunitajiet għall-persuni b’diżabbilità f’dan il-qasam.
U għalhekk
nieħu pjaċir nara li wara l-laqgħa ġenerali ser issir laqgħa ta’ diskussjoni,
mill-partijiet kollha nvoluti, jinxtarr sew fejn irridu naslu, u kif nistghu
nwettqu x-xogħol li npoġġu quddiemna. Din il-kollaborazzjoni kontinwa, hi
tassew meħtieġa, biex mhux biss nkomplu nżidu l-użu tat-teknoloġija għall-avvanz
ta’ pajjiżna, iżda tassew nibbenefikaw minna fit-titjieb tal-kwalità tal-ħajja.
|
HOME | GOV.MT | CIMU | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |