DISKORS MILL-PRESIDENT TA’ MALTA, L-EĊĊELLENZA TIEGĦU DR EDWARD FENECH ADAMI
FL-OKKAŻJONI TA’ L-INAWGURAZZJONI TAL-FIERA TAL-VOLONTORJAT
NAXXAR - IL-ĦAMIS, 20 TA’ MEJJU 2004
Ilqajt b’ferħ l-istedina li saritli sabiex ninawgura din il-fiera. Din hija l-fiera ta’ nies li jimpurtahom. U għax jimpurtahom lesti jagħtu sehemhom sabiex il-ħajja ta’ dawk fil-bżonn tkun aħjar.
Kull soċjetà, anke dawk l-iżjed żviluppati u sinjuri, għandha ċirku ta’ nies li huma ftit jew wisq maqtugħa miċ-ċentru. Nies li għalkemm huma parti mis-soċjetà jitqiesu, xi kultant anke minnhom infushom, bħala maqtugħin barra mill-komunità. Sa ftit snin ilu konna nqisu biss lin-nies b’diżabbilità fiżika jew mentali bħala l-emarġinati. Illum għarafna li l-periferija tas-soċjetà hija ħafna akbar minn hekk. Fiha hemm numru dejjem jikber ta’ anzjani, hemm żgħażagħ li ntilfu fit-triq ta’ l-iżvilupp, hemm nies maħkuma bil-problema tad-droga, xorb jew logħob ta’ l-azzard, hemm nies li ħallew pajjiżhom għax qatgħu qalbhom mill-futur. Kull wieħed minn dawn għandu bżonnijiet speċjali. Kull wieħed huwa persuna li jixtieq li jkollu ħajja aħjar.
U hawn jidħlu n-nies li jimpurtahom. Għalija kull min jaħdem fil-qasam tal-volontarjat huwa għaref. Għaref għax jaf li d-dinja ma tibdiex u tieqaf ma’ persuntu. Għaref għax jaf li l-ferħ li jinbet meta tagħti ħinek biex tgħin lil min hu fil-bżonn, biex tgħin lil min forsi qatt ma jista’ jirringrazzjak, jiżboq bil-wisq il-ferħ tal-kisba personali. Bl-Ingliż ngħidu the joy of giving. Tinstema’ kontradittorja imma kull wieħed u waħda minnkom li taħdmu f’dawn l-organizzazzjonijiet preżenti hawn f’din il-fiera tafu sew xi jfisser dan.
Il-volontarjat iżda ma jġibx biss ferħ. Anzi ħafna drabi jġib imrar u frustrazzjoni. Żgur li kemm-il darba tħossu li tagħmel kemm tagħmel qatt mhu biżejjed. Imma xorta tibqgħu għaddejjin. Għalhekk jien inqis lil min jaħdem f’dan il-qasam bħala gwerrier għat-tajjeb. Intom taslu fejn il-Gvern ma jistax jasal.
Hija tassew ħaġa utli li darba fis-sena tiltaqgħu f’din il-fiera. Jiena rajt l-għanijiet tal-fiera u nittama bis-sħiħ li dawn l-għanijiet tilħquhom. Nittama li aktar nies jgħarfu x-xogħol siewi li qed tagħmlu u b’hekk jersqu lejkom. Qed nirreferi kemm għan-nies li huma fil-bżonn kif ukoll għan-nies li jistgħu jgħinu. Inkun ta’ ġid ukoll jekk tgħarfu taqsmu l-esperjenzi ta’ bejnietkom u tfixttu modi kif tistgħu tkunu ta’ għajnuna lil xulxin.
Is-settur tal-volontarjat f’pajjiżna qiegħed jikber. Qiegħed jikber għax ironikament aktar ma timxi ’l quddiem is-soċjetà aktar se ssib min jibda jaqta’ nifsu. Nieħu pjaċir nara lil tant organizzazzjonijiet migburin hawn illum, lil tant nies li qed jaħdmu sabiex tassew ħadd ma jibqa’ lura. F’isem il-poplu Malti kollu imma l-aktar f’isem dawk li m’għandhomx vuċi, nirringrazzjakom.
|
HOME | MAGNET | CIMU | PRIVACY POLICY | site map | DISCLAIMER | HELP |