OPR- Il-Ġimgħa, 16 ta' Novembru, 2007
DISKORS MILL-E.T. DR. EDWARD FENECH ADAMI, PRESIDENT TA’ MALTA,
WAQT PRANZU STATALI AD UNUR L-E.T. IL-PROF. HORST KÖHLER,
PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA U S-SINJURA KÖHLER
IL-PALAZZ, VALLETTA – IL-ĠIMGĦA, 16 TA’ NOVEMBRU 2007
Eċċellenza
Mistednin Distinti
Sinjuri
Huwa ta’ pjaċir għal marti u għalija li nilqa’ lilek, Eċċellenza, u lis-Sinjura Köhler f’Malta.
Għaddew kważi sbatax-il sena minn mindu l-President tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Eċċellenza Tiegħu, Richard von Weiszacker żar lil Malta. Inċidentalment, is-sena 1990 kienet sena ta’ importanza kruċjali fil-politika tal-Ġermanja u ta’ Malta.
Fil-Ġermanja, wara l-waqgħa tal-ħajt ta’ Berlin, l-għaqda mill-ġdid tal-pajjiż, li kien ilu maqsum għal iżjed minn erbgħin sena, seħħet fit-3 ta’ Ottubru 1990. Il-Ġermanja tal-Lvant inħelset minn dittatura, tressqet lejn ir-realtà demokratika tal-Punent u trawmet fil-prinċipji ċari ta’ pajjiż magħqud mill-ġdid, jiġifieri dawk ta’ l-Għaqda, il-Ġustizzja u l-ħelsien. L-għaqda mill-ġdid fissret bidu ġdid għall-Ġermanja. Għal dawk li ħajjithom u r-rabtiet tagħhom ma’ nieshom kienu ġew distakkati inġustament, dan kien ritorn lejn darhom.
Ġermanja magħquda serviet ta’ katalist għall-Ewropa magħquda u ħielsa. Daqstant huwa kbir il-wirt ta’ dawk li, minkejja kull xkiel, kellhom il-viżjoni u l-kuraġġ li dan jagħrfuh minn kmieni u jwettquh. Huwa wirt li ġie afdat f’idejn il-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri, biex jgħożżuh u jipproteġuh.
Ix-xahar li għadda fi Schwerin Dottor Norbert Lamment, il-President tal-Parlament Ġermaniż, fid-diskors tiegħu fl-okkażjoni ta’ Jum l-Għaqda tal-Ġermanja, esprima s-sentimenti ta’ bosta nies meta qal li “Fit-3 ta’ Ottubru 1990, il-Ġermanja kisbet l-unifikazzjoni fil-ħelsien. Qatt fl-istorja tagħhom, il-Ġermaniżi ma kienu daqshekk iffortunati.”
Sur President
Kienet ukoll is-sena 1990 meta Malta tefgħet l-applikazzjoni tagħha għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Dan indika l-punt tat-tluq ta’ mixja twila tul erbatax-il sena sħaħ bil-għan li tiddefinixxi l-appartienenza politika kif ukoll l-integrazzjoni ekonomika ta’ Malta u ma’ l-isħab prinċipali li magħhom tikkummerċja fl-Ewropa. Il-kredenzjali Ewropej ta’ Malta huma minquxin b’mod li ma jitħassarx fir-rikkezza ta’ l-istorja Ewropea tagħha, kif ukoll fil-wirt kulturali u arkitettoniku tagħha. F’dan ir-rigward, is-sħubija fl-Unjoni Ewropea fissret ukoll għal Malta r-ritorn tagħha lejn dahra.
Sur President
Filwaqt li jista’ jkun li l-Ġermanja u Malta huma, rispettivament l-akbar u l-iżgħar stati membri fl-Unjoni Ewropea, id-daqs u l-influwenza spiċċaw biex saħħew aktar dik ir-relazzjoni diġà fejjieda u produttiva li żviluppat bejn iż-żewġ pajjiżi tagħna minn mindu ġew imwaqqfa r-relazzjonijiet diplomatiċi fl-1964. Fil-fatt, is-sħubija fl-Unjoni Ewropea kabbret il-possibiltà biex tissaħħaħ dejjem iżjed il-kollaborazzjoni fuq kull aspett li l-Unjoni Ewropea qed tħabrek għalih, fuq bażi komuni, fi spirtu ta’ rispett reċiproku u mmexxija minn prinċipji ta’ solidarjetà u sħubija fl-ugwaljanza.
Sur President
Minn mindu saret membru fl-Unjoni Ewropea, Malta żviluppat il-potenzjal tagħha f’kull livell: fil-kompetittività, fl-impjiegi, fl-investiment dirett barrani, fis-servizzi finanzjarji, fil-valur-miżjud għoli fil-manifattura, fit-turiżmu u fis-settur marittimu. Dan it-tkabbir fil-potenzjal qed isir fl-isfond ta’ investiment qawwi fl-edukazzjoni, fis-saħħa u fl-ambjent. Dan qed joħloq ritmu mgħaġġel ta’ attività ekonomika li qatt qabel ma rajna bħalu.
F’dan l-ispirtu konna, u bi ħsiebna nibqgħu, involuti attivament fid-diskussjonijiet fuq materji vitali bħalma huma l-immigrazzjoni, il-kwestjonijiet interni relatati mal-kompetittività, it-transport, is-sajd, il-protezzjoni ta’ l-ambjent u t-tassazzjoni.
Partikolarment fir-rigward ta’ l-immigrazzjoni, Malta hija grata lejn il-Ġermanja talli ddeċidiet li taċċetta għadd ta’ refuġjati kif ukoll li tikkontribwixxi għall-operazzjoni tal-Frontex imsejħa ‘Nautilus’, bl-għan li tilqa’ kontra l-fenomenu ta’ l-immigrazzjoni irregolari fiċ-ċentru tal-Mediterran.
Rigward il-proċess ta’ aktar integrazzjoni fl-Unjoni Ewropea, Malta ser taddotta l-Ewro bħala l-munita nazzjonali tagħha b’seħħ mill-ewwel ta’ Jannar 2008, u ser tibda tkun parti miż-żona Schengen mix-xahar id-dieħel. Aħna grati għall-għajnuna kollha li l-Ġermanja offriet f’dawn l-isforzi importanti.
Sur President
Fl-2007, il-Ġermanja assumiet żewġ Presidenzi, dik ta’ l-Unjoni Ewropea u dik tal-G8. It-tmexxija Ġermaniża kienet kruċjali għas-suċċess milħuq s’issa. F’Marzu ċċelebrajna f’Berlin l-anniversarju tat-Trattati ta’ Ruma, fejn ftakarna li għal dawn l-aħħar ħamsin sena, l-Ewropa għexet fil-paċi u fil-ħelsien – kisba li għandna ngħożżuha iżda li qatt m’għandna nqisuha bħala gratuwita. F’Ottubru, tkomplija fuq il-ħidma kruċjali tal-Presidenza Ġermaniża, l-Unjoni Ewropea waslet għal ftehim fuq Trattat ta’ Riforma, fejn irnexxielha żżomm is-sustanza tat-Trattat Kostituzzjonali, filwaqt li biddlet f’realtà tlett elementi essenzjali għal futur ta’ l-Ewropa: it-tisħiħ fil-kapaċità ta’ l-Unjoni Ewropea li tieħu azzjoni, kemm internament kif ukoll esternament; li ġġib l-Ewropa eqreb lejn iċ-ċittadini tagħha; u t-tisħiħ fil-poteri tal-Parlamenti Nazzjonali.
Malta mxiet spalla ma’ spalla mal-Ġermanja fil-konvinzjoni tagħha li jkun biss jekk naħdmu flimkien u bi skop wieħed li naslu biex insaħħu d-determinazzjoni kemm ta’ l-Unjoni Ewropea kif ukoll dik dinjija biex niffaċċjaw l-isfidi kbar li qed iħabbtu lill-umanità, inklużi t-tibdil fil-klima, is-sigurtà ta’ l-enerġija u t-tnaqqis tal-faqar. Il-Kanċillier Federali tal-Ġermanja, Angela Merkel, esprimiet dan l-ispirtu, meta fid-diskors tagħha lill-Parlament Ewropew f’Ġunju li għadda qalet: “L-Ewropa tfisser obbligu biex ngħinu li jiġi żgurat li d-dinja tagħna tibqa’ pjaneta li nistgħu ngħixu fiha, li anqas u anqas nies jiġu mġiegħla jħallu djarhom minħabba l-gwerra u l-vjolenza, li mard bħall-Aids, il-malarja u t-tuberkolożi jkunu jistgħu jiġu megħluba b’suċċess”.
Konxji għall-aħħar mill-ħidma u l-involviment personali tiegħek favur l-Afrika u minn kemm inti tiġbed l-attenzjoni dinjija favur it-titjib fil-kundizzjonijiet ta’ l-għajxien f’dan il-kontinent, Malta hija marbuta biex tonora u taderixxi ma’ l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp u tibqa’ tgħin ġenerożament lill-popli ta’ l-Afrika skond il-valuri tradizzjonali nsara li nħaddnu.
Eċċellenza
B’dawn il-ħsibijiet, ejjew nixorbu bis-saħħa ta’ l-Eċċellenza Tiegħek il-President tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, b’riżq il-kuntentizza u l-prosperità tal-Poplu Ġermaniż u biex insaħħu l-ħbiberija u l-kooperazzjoni mill-viċin bejn iż-żewġ pajjiżi u l-Popli tagħna.
|
HOME | GOV.MT | PRIVACY POLICY | SITE MAP | DISCLAIMER | SEARCH | HELP |