OPR- Il-Ħamis, 31 ta' Mejju, 2007

 


DISKORS MILL-EĊĊELLENZA TIEGĦU DOTT. EDWARD FENECH ADAMI, PRESIDENT TA’ MALTA,

 WAQT ĊENA STATALI MOGĦTIJA F’GIEĦ L-EĊĊELLENZA TIEGĦU S-SUR LÁSZLO SÓLYOM,

 PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TA’ L-UNGERIJA - IL-PALAZZ, VALLETTA

IL-ĦAMIS, 31 TA' MEJJU, 2007


Sur President,

Mistednin Distinti,

Sinjuri, 

 

Għandi pjaċir nilqa’ lill-Eċċellenza Tiegħek f’Malta.

 

Il-fatt illi din m’hix l-ewwel żjara ta’ Kap ta’ Stat Ungeriż f’Malta huwa sinjal ċar tar-relazzjonijiet eċċellenti bejn iż-żewg pajjiżi.  Madankollu din hija l-ewwel darba li fi Żjara Statali l-Kapijiet ta’ l-Istat taż-żewġ pajjizi tagħna qed ikellmu lil xulxin bħala kapijiet ta’ l-Istat ta’ żewġ pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea.  

 

Is-sena li għaddiet l-Ungerija fakkret il-ħamsin anniversarju tar-Rivoluzzjoni Ungeriza u l-Ġlieda għall-Ħelsien ta’ l-1956.  Ħassejtni onorat li ħadt sehem bħala President ta’ Malta f’din il-kommemorazzjoni organizzata mill-Gvern Ungeriż.  Kienet tifkira kommoventi li tixraq lil dawk l-irġiel u nisa qalbiena u kuraġġużi li ssieltu kontra diffikultajiet kbar biex jerġgħu jiksbu l-ħelsien għalihom u s-sovranita` għal pajjiżhom.  Kienet tislima xierqa lil dawk li ġew brutalment issagrifikati matul ir-rivoluzzjoni u r-ritaljazzjoni ħarxa li ġiet wara.

 

Sbatax-il sena ilu l-Ungerija bdiet twettaq ħafna tibdil u għaddiet mill-perijodu diffiċli ta’ trasformazzjoni u aġġustament li bidla sħiħa fis-sistema neċessarjament titlob.  Sur President, jiena konxju li inti kont ħadt sehem f’dawn il-ġrajjiet billi kont l-ewwel President tal-Qorti Kostituzzjonali li kienet għadha kif twaqqfet.  Aħna segwejna mhux biss it-trasformazzjoni politika ta’ l-Ungerija ta’ l-1989/1990, iżda wkoll id-dħul ta’ l-Ungerija fl-Unjoni Ewropea – għaqda ta’ pajjiżi tal-Lvant ma’ dawk tal-Punent ta’ l-Ewropa u li fejqet inġustizzja li kienet ilha tkarkar mit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija.  

Sur President,

 

Fl-ewwel ta’ Mejju, 2004, il-futur ta’ Malta u ta’ l-Ungerija ġie ankrat bis-sħubija fl-Ewropa li għaniet ir-relazzjonijiet tagħna b’dimensjoni ġdida.  Issa jeżistu l-kondizzjonijiet kollha biex jitjiebu r-rabtiet bejn il-pajjiżi tagħna fil-kultura, fl-edukazzjoni, fir-riċerka u żvilupp, fil-kummerċ u l-investiment, fit-turiżmu u fl-iskambji kollha bejn il-popli li l-isħubija fl-Unjoni Ewropea tiffaċilita.  

 

Jiġini li nistaqsi lili nnifsi x’inhuwa s-sigriet tas-suċċess ta’ l-Unjoni Ewropea?  Nemmen li r-rwol ta’ għeruq komuni fil-kultura, l-istorja u l-filosofija jidher ċar.  Iżda t-tradizzjoni kulturali ma kinitx tkun biżżejjed kieku l-Ewropa ma kinitx immexxija minn Statisti li kellhom viżjoni u ħarsu ’l quddiem u ħassew ir-responsabbilta` għal futur aktar ’l bogħod.  Din ir-responsabbilta`, il-vizjoni u l-kuraġġ intellettwali huma meħtiega wkoll llum.  

 

L-isfidi li qed tiffaċċja l-Ewropa llum jista’ jkun li m’humiex iżgħar, imma żgur li huma differenti minn dawk ta’ ħamsin sena ilu meta kienu qed jitqiegħdu l-pedamenti ta’ l-Unjoni Ewropea.  Waqt li nippreservaw il-kultura u l-identita` nazzjonali tagħna, kif ukoll il-valuri fil-qasam tad-drittijiet umani u tad-demokrazija, aħna l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea għandna nkunu kapaċi nilqgħu b’suċċess l-isfidi Ewropej u globali bis-sehem attiv taċ-ċittadini tagħna.  Meta nkunu qed nagħtu sehemna fix-xena dinjija u nkunu minn ta’ quddiem fejn għandhom x’jaqsmu sfidi globali bħalma huma l-globalizzazzjoni, is-serħan il-moħħ fl-enerġija, bidla fit-temp, żvilupp sostenibbli u l-immaniġġar ta’ l-immigrazzjoni irregolari, dawn kollha jsiru possibbli meta jkun hemm Unjoni Ewropea qawwija effettiva.  

 

It-Trattat Kostituzzjonali rratifikat kemm minn Malta kif ukoll mill-Ungerija jsaħħaħ il-valuri komuni tagħna – il-liberta`, id-demokrazija u l-istat tad-dritt – u huwa impenn favur il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li hemm fih.  L-appoġġ taċ-ċittadini ta’ l-Ewropa huwa essenzjali għas-suċċess tal-proċess ta’ integrazzjoni.  Irridu nirsistu biex nibnu pont bejn kif jaħsbuha l-politiċi flimkien ma’ l-akkademiċi, u ċ-ċittadini.  Jiena nemmen bis-sħiħ li jista’ jsir aktar progress lejn il-viżjoni ta’ Ewropa magħquda jekk din tkun tgawdi l-appoġġ qawwi tal-Popli tal-pajjiżi membri.  

 

Bħall-Ungerija, aħna nirrikonoxxu l-importanza tal-parteċipazzjoni sħiħa tagħna fil-Politika tal-Ġirien ta’ l-Unjoni Ewropea.  Il-paċi u l-prosperita` fir-reġjuni ġirien tagħna, fil-medda tal-Mediterran u fil-Balkani tal-Punent, kif ukoll relazzjonijiet qawwija u stabbli bejnietna huma fl-interess strateġiku komuni tagħna lkoll, kif ukoll sfida kbira għall-Unjoni Ewropea.  

 

Eċċellenza,

 

Jiena ċert li r-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi tagħna hija msejsa fuq bażi soda u li ż-żjara tiegħek tqarreb il-pajjiżi tagħna aktar lejn xulxin.  Il-kooperazzjoni f’ bosta oqsma bejn iż-żewġ pajjiżi tagħna hija ta’ benefiċċju għalina t-tnejn u kompliet tiżviluppa fis-snin reċenti, anki minħabba l-possibilitajiet li jeżistu riżultat tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea – madankollu għad baqa’ lok biex ninkludu oqsma oħra u nfasslu aktar possibilitajiet.  

 

Inħossni fiduċjuż li sa nkomplu nibnu fuq dak li ġa ksibna.  Flimkien nistgħu nkomplu nsawru u nibnu futur komuni aħjar għalina u għall-Ewropa.  

 

B’dawn il-ħsibijiet, ejjew nixorbu bis-saħħa ta’ l-Eċċellenza Tiegħu l-President ta’ l-Ungerija, b’riżq il-kuntentizza u l-prosperita` tal-Poplu Ungeriż u biex insaħħu l-ħbiberija u l-kooperazzjoni mill-viċin bejn iż-żewġ pajjiżi u l-Popli tagħna.   

 


HOME  |  GOV.MT  |  PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP