OPR- Il-Ħamis, 2 ta' Ġunju, 2005

 


DISKORS MILL-PRESIDENT TA’ MALTA, L-E.T. DR. EDWARD FENECH ADAMI,

 FL-OKKAŻJONI TAĊ-ĊENA STATALI MOGĦTIJA AD UNUR

IL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TAT-TUNEŻIJA,

L-E.T IS-SUR ZINE EL ABIDINE BEN ALI

IL-PALAZZ, VALLETTA – 2 TA’ ĠUNJU 2005


 

Eċċellenza,

Onorevoli Prim Ministru,

Mistednin Distinti,

Sinjuri

 

Huwa pjaċir tiegħi nilqa’ f’Malta lilek, Eċċellenza, kif ukoll lid-delegazzjoni tiegħek.

 

Malta u t-Tuneżija għandhom affinità kbira bejniethom, li tmur lura fl-istorja u fil-ġeografija komuni tal-pajjiżi tagħna.  F’Malta stajt tara xi wħud mill-għeruq kulturali li jgħaqqdu lill-popli tagħna.  Iż-żewġ pajjiżi għamlu progress kbir minn mindu ħadu l-indipendenza politika tagħhom.  Minħabba l-istatus tagħhom ta’ nazzjon, Malta u t-Tuneżija, permezz tal-pożizzjoni tagħhom f’salib it-toroq tal-baċin Mediterranju, attivament ħaddnu politika biex jippromwovu paċi u stabbiltà fir-reġjun.

 

Bil-mod tagħhom, Malta u t-Tuneżija dejjem ħabirku biex jippromwovu l-aspirazzjonijiet tal-popli tal-Mediterran f’fora internazzjonali, bħalma huma n-Nazzjonijiet Uniti u l-aġenziji tagħha, kif ukoll fil-konferenzi diplomatiċi reġjonali, bħalma huma s-Sħubija Ewro-Mediterranja ta’ Barċellona, il-Forum tal-Mediterran, u l-Konferenza tal-Pajjiżi tal-Punent tal-Mediterran, imsejħa wkoll l-Inizjattiva tal-Five + Five.

 

Irrid nisħaq dwar kemm Malta temmen fiċ-‘ċentralità’ tas-Sħubija Ewro-Mediterranja safejn għandha x’taqsam il-politika ta’ l-Unjoni Ewropea għall-Mediterran.  Billi din is-sena jaħbat l-Għaxar Anniversarju tas-Sħubija Ewro-Mediterranja, Malta tittama li s-Summit li hemm il-ħsieb li jsir f’Barċellona f’Novembru li ġej għandu jiffoka fuq riżultati tanġibbli biex jirriżultaw fi sħubija vera.  Dan jimplika titjib fis-sħubija biex din tkun kapaċi tindirizza l-kwestjonijiet ekonomiċi, soċjali u umanitarji, kif ukoll kwestjonijiet ta’ sigurtà li pajjiżi fil-Mediterran qed jiffaċċaw fis-sitwazzjoni kontemporanja.

 

Ninnota b’sodisfazzjoni l-implimentazzjoni meqjusa tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija.  Malta tilqa’ bil-ferħ il-bidu tat-tneħħija ta’ l-ostakli kummerċjali li għandha twassal, b’mod sħiħ, għal żona Ewro-Mediterranja ta’ Kummerc ħieles, possibilment sa l-2010.  Bla dubju ta’ xejn, il-liberalizzazzjoni progressiva ta’ tendenzi kummerċjali għandha twassal għal aktar prosperità għall-popli tal-baċin Mediterranju.

 

Malta tilqa’ wkoll il-fatt li t-Tuneżija kienet fost l-ewwel pajjiżi li kkonkludew il-Pjan ta’ Azzjoni fil-kuntest tal-Politika tal-Viċinanza Ewropea.  Din il-politika toffri lill-pajjiżi sħab fl-Unjoni Ewropea relazzjoni dejjem iżjed wiesgħa ma’ l-Unjoni Ewropea, ibbażata fuq integrazzjoni ekonomika u kooperazzjoni politika aktar profonda.

 

Malta, bħala membru ta’ l-Unjoni Ewropea, hija f’qagħda aħjar biex tisvolġi rwol bħala interlokutur validu għall-Affarijiet Mediterranji.  Aħna nilqgħu b’idejna miftuħa l-idea li pajjiżi sħab jistgħu jimxu ’l quddiem skond il-pass tagħhom mingħajr ma jixxekklu minn limiti u parametri f’oqsma ta’ kooperazzjoni.  Malta appoġġat b’konsistenza t-talbiet tat-Tuneżija matul in-negozjati għall-pjan ta’ Azzjoni tagħha u tgħin ukoll waqt l-implimentazzjoni tiegħu.

 

Waqt li qed insemmu l-kooperazzjoni fil-Mediterran, Malta tixtieq tirringrazzja lill-awtoritajiet tat-Tuneżija għall-appoġġ ġeneruż li taw lill-proposta Maltija biex titwaqqaf f’Malta l-Assemblea Parlamentari Mediterranja fi ħdan l-Unjoni Parlamentari Internazzjonali u biex is-Segretarjat ta’ din l-Assemblea jiġi ospitat f’Malta.

 

 

Eċċellenza,

 

Iż-żewġ pajjiżi tagħna huma impenjati attivament fil-Konferenza tal-Pajjiżi tal-Punent tal-Mediterran, imsejħa wkoll l-Inizjattiva Five + Five u l-Forum Mediterranju.

 

Bħalissa, Malta qed tokkupa l-Presidenza ta’ l-Inizjattiva Five + Five u se tospita l-Laqgħa tal-Ministri ta’ l-Affarijiet Barranin fid-29 u t-30 ta’ Ġunju 2005.  Malta hija tal-fehma li l-Inizjattiva Five + Five għandha tkun forum informali, prammatiku u viżibbli.  Pajjiżi wkoll bi ħsiebu jeżamina ma’ sħabu b’liema mod il-Politika tal-Viċinanza Ewropea/il-Pjanijiet ta’ Azzjoni jistgħu jintużaw biex isaħħu s-sistemi tal-ħarsien soċjali tal-pajjiżi sħab.  Huwa ta’ sodisfazzjon li Malta u t-Tuneżija se jressqu Karta Konġunta fuq il-Kultura u l-Iżvilupp, kif ukoll li l-laqgħa se tiddiskuti l-proposta Tuneżina dwar is-Sena tal-Mediterran.

 

Ninnota b’sodisfazzjoni li l-Laqgħa Ministerjali tal-Forum tal-Mediterran sejra ssir fit-Tuneżija, f’Ottubru li ġej, biex teżamina ideat u proposti rigward l-evoluzzjoni fil-ġejjieni tas-Sħubija Ewro-Mediterranja ta’ Barċellona.

 

Eċċellenza,

 

Minn mindu twaqqfu r-relazzjonijiet diplomatiċi fl-1967, iż-żewġ pajjiżi tagħna gawdew relazzjonijiet ta’ ħbiberija mill-qrib.  Illum għandi s-sodisfazzjoni ninnota li Malta u t-Tuneżija kkonkludew Trattat ta’ ħbiberija, u Kooperazzjoni bejn pajjiżi ġirien, Ftehim ta’ Kooperazzjoni rigward l-Avvanz tal-Mara, il-Familja u t-Tfulija, u Programm ta’ Kooperazzjoni Kulturali.  Dawn l-iżviluppi huma awgurju sabiħ għall-ġejjieni komuni tagħna t-tnejn.

 

L-istorja tgħallimna li ż-żewġ pajjiżi tagħna kienu kolonji u għalhekk it-tnejn kellhom esperjenzi komuni biex inbnew bħala nazzjon.  Issa, aħna qegħdin naħdmu mill-qrib it-tnejn flimkien biex nassiguraw prosperità u ġejjieni aħjar għall-popli tagħna.

 

B’dawn is-sentimenti, nistedinkom, Eċċellenzi, Sinjuri, biex nixorbu bis-saħħa tal-President tat-Tuneżija u b’riżq il-ħbiberija bejn il-Gvernijiet u l-Popli ta’ Malta u tat-Tuneżija.

  


HOME  |  GOV.MT  |  CIMU PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP