OPR - Il-Gimgħa, 3 ta` Diċembru 2004, Attard

 


DISKORS MILL-E.T. DOTT. EDWARD FENECH ADAMI,

PRESIDENT TA’ MALTA, FL-OKKAŻJONI TAL-FTUĦ TAS-VI MALTA

 CONFERENCE OF PYSCHOLOGY:  “THE UNBORN CHILD”

ATTARD - 3 TA’ DIĊEMBRU 2004


 

Aħna bħala pajjiż bir-raġun inħossuna kburin li ġibna ’l quddiem il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.  Fl-aħħar indiċi tal-quality of life ta’ l-Economist Intelligence Unit, Malta kienet fit-tmienja u għoxrin post, aħjar mill-Ingilterra, il-Korea ta’ Isfel u l-biċċa l-kbira tal-membri ġodda ta’ l-Unjoni Ewropeja.  Fost l-oħrajn, f’dan l-indiċi jitqis il-fatt li l-imwiet tat-trabi illum f’Malta hija waħda mill-iktar imnaqqsa għal tlieta punt disgħa erbgħa (3.94) minn kull elf tarbija li titwieled ħajja.

 

Forsi wieħed jista’ jqis id-diskussjoni li qed tqanqal din il-konferenza bħala indikazzjoni oħra tal-progress fir-rispett lejn il-ħajja umana li qed issir fil-gżejjer tagħna.  U din il-konferenza tista’ tassew isservi biex tkompli ġġib ’il quddiem il-ħajja ta’ wliedna.

 

L-ewwelnett, filwaqt li hija organizzata mill-psikoloġi, il-programm ta’ din il-konferenza juri li l-preżentazzjonijiet huma multidixxiplinarji: dan iwassal għal iktar fehmiet meqjusa li jolqtu l-kwalità tal-ħajja holistika tal-bniedem.  Hawn se tisimgħu dwar il-psikoloġija ta’ l-iżvilupp, imma wkoll dwar il-ġenetika, il-mediċina u l-psikjatrija, is-soċjoloġija, il-liġi u l-etika.  Il-kwalità tal-ħajja tal-bniedem tiddependi minn dawn il-ħafna aspetti li jsawwru l-individwu u s-soċjetà.  Huwa tajjeb li jkun hawn opportunitajiet biex dawn id-dixxiplini kollha jiltaqgħu u jaqsmu flimkien it-taħbit tagħhom biex intejbu dejjem iżjed l-għarfien tagħna tal-bniedem u tal-modi kif nistgħu inġibu ’l quddiem il-kwalità tal-ħajja.  Nafu li, ngħidu aħna, mingħajr l-etika u t-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem, żviluppi tax-xjenza jistgħu jwasslu għall-qirda tal-bnedmin minflok għat-tisħiħ tal-ħajja tagħhom.

 

U meta nitkellmu dwar il-ħajja holistika ta’ wliedna, ma nistax ma nirreferix għall-funzjoni tal-familja li hija s-sies tat-trobbija u tas-soċjetà tagħna.  Il-familja tiġbor fiha d-dixxiplini u d-dipartimenti ta’ sapport tal-Gvern kollha - s-saħħa fiżika u mentali, is-sapport ekonomiku, u s-sapport soċjali u wkoll sistema sħiħa ta’ valuri.  Għalhekk ma tistax tassew tifred id-diskors dwar l-iżvilupp tal-fetu u tat-tarbija minn dak dwar il-qagħda tal-familja kollha.  Jekk aħna inġibu ’l quddiem il-ħajja tal-familja, billi naraw li tkun ekonomikament tista’ tlaħħaq mal-ħtiġijiet tal-ħajja, inġibu ’l quddiem is-saħħa fiżika u mentali tal-familja billi nedukaw dwar l-aħjar għażla ta’ ikel u ambjenti tajbin, u nipprovdu edukazzjoni u sapport għal relazzjonijiet sani, filwaqt li dejjem intejbu u nagħmlu aċċessibbli s-servizzi mediċi, aħna nkunu qed noffru benniena ta’ saħħa għal uliedna.

 

It-tieni raġuni għaliex nara li din il-konferenza tista’ ġġib ’l quddiem il-kwalità tal-ħajja ta’ wliedna hija li l-fokus prinċipali ta’ din il-konferenza huwa fuq it-tnissil u l-bidu tal-ħajja li qabel kien moħbi għal għajn il-bniedem.  Illum tassew nafu iktar minn qatt qabel li l-ħajja tal-bniedem ma tibdiex mit-twelid, imma ta’ l-inqas mit-tnissil, u anzi minn qabel it-tnissil.  Wieħed jista’ verament jgħid li dak li jwassal għall-istess tnissil u għall-ambjent li fih isir it-tnissil diġà qed jipprepara t-triq tajba jew ħażina għal min se jitnissel.

 

Dan it-tagħrif l-ewwelnett iqanqal biżgħat dwar il-futur tal-bniedem.  Illum mad-dinja kollha għandna l-kwistjoni tal-kontroll ta’ l-istess tnissil: il-bniedem illum għandu l-ħila li jnissel bniedem ġdid biex ngħidu hekk fil-laboratorju.  Dan iqanqal fina biżgħat dwar il-possibbilità li l-bniedem jista’ jilgħab bil-ħajja ta’ bnedmin sa minn qabel u waqt it-tnissil.  Iktar minn hekk, bħalissa, ir-riċerka dwar l-‘istem cells’ miġbura minn fetu u li minnhom wieħed jista’ jiżviluppa fil-laboratorju partijiet ġodda tal-ġisem biex jingħataw lil min għandu partijiet morda, qajmet biżgħat kbar fost l-umanità: biżgħat li jibdew jitnisslu bnedmin mhux biex jissawwru u jitwieldu, imma biex minnhom jittieħdu biss dawn l-istem cells u mbagħad jiġu mormija – ħaġa li tkexkex bir-raġun dwar kif ix-xjenza tista’ tħares lejn it-tnissil bħala esperiment u strument bla ebda rispett lejn il-ħajja li tkun tnisslet.

 

Għandna wkoll problemi etiċi dwar kif nitrattaw it-tarbija qabel it-twelid.  Illum permezz tat-teknoloġija nistgħu nittawlu fil-ġuf u nistgħu neżaminaw il-kundizzjoni tat-tarbija qabel it-twelid.  U dan jista’ jwassal ukoll biex wieħed jista’ jipprova jiddeċiedi d-destin tat-tarbija propju qabel titwieled.  Dawn il-possibbilitajiet idaħħluna fi problemi serji u importanti ta’ etika li għandi nifhem se jiġu wkoll diskussi f’din il-konferenza.

 

Ninkwetaw illum ukoll għaliex sirna nifhmu aktar kif it-tarbija fil-ġuf tgawdi jew tbati ma’ dak li minnu tgħaddi l-omm.  Din il-konferenza se ġġib quddiem għajnejna fatti koroh: trabi jistgħu jieħdu l-marda ta’ l-AIDS mingħand l-omm; xorb alkoħoliku eċċessiv ta’ l-omm waqt it-tqala jista’ jwassal għal kundizzjoni tal-Fetal Alcohol Syndrome li toħloq problemi kbar għall-iżvilupp tat-tarbija; it-tipjip jagħmel ukoll ħsara fiżika permanenti lit-trabi minn qabel it-twelid.  U dan kollu għandu jwassal biex nieħdu ħsieb is-saħħa fiżika tat-tarbija sa mill-bidunett tat-tnissil tagħha.

 

Però jiena rrid nieqaf iktar fuq il-potenzjal ta’ din il-konferenza għas-sostenn tat-tarbija qabel it-twelid.  Din il-konferenza se turi l-mod kif is-saħħa fiżika tat-tarbija tista’ tiġi mħarsa u msaħħa anke fil-ġuf.  U kif is-soċjetà hija obbligata u tista’ tieħu ħsieb saħħet l-omm li qed iġġorr it-tarbija.

 

U hawn se jinxtegħel dawl iktar riċenti wkoll minn studji tal-mistiedna speċjali ta’ din il-konferenza, Prof. Van Den Burgh, fuq kif is-saħħa psikoloġika ta’ l-omm waqt it-tqala tista’ teffetwa s-saħħa psikoloġika tat-tarbija tagħha fil-ġuf.  Nittama li dan it-tagħrif ikompli jħeġġiġna biex napprezzaw ix-xogħol importanti ta’ l-omm waqt it-tqala biex nieħdu ħsieb l-omm b’iktar għożża.  Nafu kif illum, dawk il-koppji li jaħsbu fit-tul u bil-quddiem dwar it-tnissil ta’ tarbija, jaraw kif l-omm tipprepara ruħha fiżikament biex tkun b’saħħitha; imma wkoll tkun sostnuta psikoloġikament biex ma tgħaddix minn trawmi u għejja psikoloġika.  U nafu kif l-ommijiet li tassew jaħsbu fit-tarbija f’ġufhom, mhux biss ma jpejpux u jevitaw ħsara fiżika, imma jagħtu każ ta’ tagħrif ieħor kif iġibu ’l quddiem il-ħajja tat-tarbija sa minn ġufhom. 

 

Ngħidu aħna hawn numru ta ġenituri li jgħaddu ħin jsemmgħu lit-tarbija fil-ġuf tagħhom mużika li jidhrilhom li hija sabiħa u li xi studji wrew li tkun ta’ fejda għal uliedhom.  Nafu wkoll kif waqt li jieħdu ħsieb it-tqala, jippreparaw ruħhom minn quddiem ukoll għat-twelid u l-ewwel żmien tat-tarbija.  Nafu li, fejn hemm l-għożża għat-tarbija, tkun xi tkun il-kundizzjoni ġenetika tagħha, se jkollha kwalità ta’ ħajja aħjar jekk ikun hemm attenzjoni għas-saħħa ta’ l-omm u anzi kultant jistgħu jiġu evitati problemi psikoloġiċi.  Dan mhux biss ipoġġi responsabbilità kbira fuq l-omm imma fuq il-familji u s-soċjetà biex issostni lill-omm fil-ħidma tagħha.

 

Jiena nawgura li din il-konferenza tkompli ssaħħaħ l-għożża li aħna l-Maltin dejjem kellna lejn it-tnissil u trawwim ta’ l-ulied sa mill-bidunett tal-ħajja tagħhom.


HOME  |  GOV.MT  |  CIMU PRIVACY POLICY  | SITE MAP  | DISCLAIMER  |  SEARCH  |  HELP