Menu Arrow Home Menu Arrow Contact Menu Arrow Sitemap
 
  The President of Malta Official Website
 
The President of Malta
spacer
spacer
 
Spacer
Menu Arrow

The President of Malta

Menu Seperator
Menu Arrow

The Presidents

Menu Seperator
Menu Arrow

The Constitution of Malta

Menu Seperator
Menu Arrow

The Role of the President

Menu Seperator
Menu Arrow

Staff at the Office of The President

Spacer
Spacer
Spacer
Menu Arrow

The Republic of Malta

Menu Seperator
Menu Arrow

National Symbols

Menu Seperator
Menu Arrow

National Anthem

Menu Seperator
Menu Arrow

Virtual Tours

Menu Seperator
Menu Arrow

Ambassadors’ Room

Menu Seperator
Menu Arrow

Tapestry Chamber

Menu Seperator
Menu Arrow

Throne Room

Menu Seperator
Menu Arrow

Pages Room

Menu Seperator
Menu Arrow

The Presidential Palaces

Menu Seperator
Menu Arrow

The Palace, Valletta

Menu Seperator
Menu Arrow

San Anton Palace

Menu Seperator
Menu Arrow

Verdala Palace

Menu Seperator
Menu Arrow

Timeline of the History of Malta

Spacer
Spacer
Spacer
Menu Arrow

The Malta Community Chest Fund

Spacer
Spacer
Spacer
Home : Speeches : ZJARA F ST JAMES HOSPITAL 22 TA` FRAR 2010

ZJARA F ST JAMES HOSPITAL 22 TA` FRAR 2010

Dottor Josie Muscat,

Staff mediku, paramediku u amministrattiv,

Mistiedna distinti,

Hu ta' pjaċir għalija nżur dan l-isptar modern u sabiħ u nirringrazzja lid-direzzjoni tal-istedina.  Għadni kif kelli l-opportunita` nara dak li joffri dan l-isptar f'dawk li huma servizzi professjonali, attrezzament tekniku innovattiv u l-kumditajiet stupendi ta' ospitalita` li għandkom hawn u nista' ngħid li ħadt impressjoni eċċellenti.  Ma nistax ħlief nifirħilkom kollha kemm intom għas-servizzi li tatu b'tant dedikazzjoni.  Dan hu sptar li jħabbatha tajjeb ma' sptarijiet privati oħra f'Malta, fl-Ewropa u f'pajjiżi oħra.  Bil-Malti ngħidu "tistaqsix lit-tabib imma lill-imġarrab".  Jidhirli li l-maġġoranza kbira tal-imġarrbin, il-pazjenti, għandhom biex joħorġu sodisfatti bis-servizzi li joffri dan l-isptar.

Bħall-parti l-kbira ta' ħutna l-Maltin, jiena għandi ammirazzjoni kbira lejn il-professjoni medika u nagħti ġieħ lit-tobba u l-paramediċi tagħna li jpoġġu l-pazjent l-ewwel u qabel kollox b'mod li l-pazjent li jkun jeħtieġ il-kura u l-attenzjoni tagħhom, isib il-konfort li jkun jeħtieġ.

Pajjiżna huwa fortunat li għandu tobba u speċjalisti kwalifikati daqs l-aħjar li hemm f'pajjiżi avvanzati f'oqsma bħall-pedjatrija, il-ġerjatrika, l-onkoloġija, l-ostetrika u l-ġinekoloġija, il-kirurġija u speċjalizzazzjonijiet oħrajn.  Il-professjoni medika Maltija, jixirqilha kull tifħir għall-livell professjonali għoli tagħha u dan jixħduh anki istituzzjonijiet mediċi barranin, fejn ħafna tobba Maltin għamlu isem u taw ġieħ lil art twelidhom u huma rispettati fil-pajjiżi fejn għażlu li jipprattikaw il-professjoni tagħhom.  Malta għandha tradizzjoni twila fil-mediċina u l-kirurġija li tmur lura għaż-żmien tal-Ordni ta' San Ġwann li kellha missjoni ospedaliera ta' livell għoli u li kienet ukoll tħarreġ tobba Maltin ta' dak iż-żmien.  L-iskola medika li għandna Malta wkoll għandha storja antika u t-taħriġ li tagħti lit-tobba huwa ta' livell tajjeb.

Naħseb li Malta hija addattata biex tkun ċentru ta' kura medika fir-reġjun tal-Mediterran u naf li dan l-isptar u sptarijiet privati oħrajn ġieli ikkuraw pazjenti li ġew Malta apposta biex jibbenefikaw mill-kura li joffru l-isptarijiet u l-professjonisti mediċi Maltin.  Dan hu objettiv li nagħmlu tajjeb nimmiraw għalih, għax mhux biss jgħin fil-viabilita` tal-isptarijiet privati tagħna imma wkoll jgħin l-ekonomija u jkompli jsaħħaħ ir-reputazzjoni tajba li għandha Malta f'dan il-qasam.

Nemmen li jkun ta' benefiċċju għall-pazjenti li jkun hemm kooperazzjoni sħiħa bejn l-isptarijiet statali u dawk privati biex dan iservi ta' ġid għall-pazjent.  Aktar milli jikkompetu ma' xulxin, naħseb li tista' tinħoloq u tissaħħaħ simbjosi bejn il-privat u l-istatali sabiex il-pazjenti jinqdew mill-aħjar li joffri l-pajjiż.  Fejn tidħol is-saħħa, il-pazjent jieħu priorita` fuq kull konsiderazzjoni oħra.

Il-professjoni medika Maltija, mhux biss għandha livell għoli fix-xjenza u t-teknika medika u l-kirurġika, imma wkoll tgawdi minn reputazzjoni għolja f'dik li hija etika professjonali.  Aħna nemmnu bis-sħiħ li l-bniedem għandu valur inestimabbli u l-ħajja umana hija sagra mill-mument tal-konċepiment sat-tmiem naturali tagħha.  Il-persuna umana tibqa' invjolabbli tul il-ħajja kollha.  Kif jaf kulħadd, illum jeżistu kwestjonijiet etiċi u bio-etiċi li ma kinux jeżistu dahri.  F'dan ir-rigward, jista' jkun li Malta, f'xi każijiet, għadha nieqsa minn normativi suffiċjenti li jirregolaw kwistjonijiet bħal dawn u li jiggwidaw lit-tabib f'każijiet li jistgħu jkunu sensittivi.

It-tabib, u meta qed ngħid tabib ninkludi wkoll każijiet fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu kolleġġjalment minn tim ta' tobba u speċjalisti, jista' jkun rinfaċċat b'okkażjonijiet fejn irid jieħu deċiżjonijiet etiċi gravi.  Għaldaqstant, il-professjoni medika trid tkun preparata u edukata dwar aspetti speċifiċi tal-etika medika u mħarrġa biex taħseb b'mod kritiku dwar id-dinja dejjem aktar kumplessa ta' din il-professjoni.  Dan irid isir, kif naħseb li qed isir, sa mill-iskola medika meta t-tobba prospettivi għadhom qed jitħarrġu.

Hawn m'għandix iż-żmien nidħol f'ħafna dettall imma ta' min isemmi xi eżempji prattiċi.  Kif inhu magħruf, it-tekonoloġija ta' life-support għamlet avvanzi kbar fl-aħħar erbgħin sena u dan qajjem mistoqsijiet etiċi ġodda f'każijiet ċelebri barra minn Malta.  Għal sekli sħaħ, il-mewt kienet tiġi ċertifikata fuq il-bażi tal-funzjoni kardijaka jew respiratorja.  Illum, il-linja bejn il-mewt u l-ħajja mhux dejjem hija daqshekk ċara u l-mewt kellha tiġi definita b'mod ieħor bħalma hu l-waqfien tal-funzjonijiet ċerebrali.  Sakemm hemm il-ħajja, aħna nemmnu li għad hemm id-dinjita` umana u d-dritt għall-ħajja.  Il-mistoqsija li tqum hija: meta għandna nwaqqfu l-magni ta' life support?  Meta għandhom jitwaqqfu metodi straordinarji ta' kura medika li jżommu ħaj lill-pazjent afflitt b'mard inkurabbli u terminali?  Liema konsiderazzjonijiet iridu jiġu eżaminati?  Raġunijiet ekonomiċi, bħal kemm qed tiswa l-kura tal-pazjent, huma ġustifikabbli f'każijiet bħal dawn?  Min se jieħu d-deċiżjoni finali - it-tabib, il-pazjent innifsu, il-familja tal-pazjent, il-qorti?

Il-fertilita` u l-prokreazzjoni assistita huma aspett ieħor importanti tal-etika medika.  Koppji bi problemi ta' fertilita` jistgħu jfittxu għajnuna teknoloġika.  Fl-1978 twieldet l-ewwel tarbija bil-proċess ta' fertilizzazzjoni in vitro.  Din it-teknoloġija hija llum ipprattikata f'Malta wkoll b'suċċess u ġenituri Maltin irrealizzaw il-ħolma tagħhom li jkollhom l-ulied.  Dan ukoll ġab mistoqsijiet etiċi dwar embrijuni mhux impjantati fl-utru u x'sejjer isir minnhom.  Nafu li fid-dinja hemm iffriżati eluf ta' embrijuni li d-destin tagħhom huwa inċert.  Illum hu possibbli li anki jingħażlu donaturi taċ-ċelloli riproduttivi.  B'liema garanziji ta' privatezza u taħt liema ċirkostanzi għandu jsir dan, jekk għandu jsir?  X'inhuma l-kwestjonijiet ġuridiċi ta' paternita` jew maternita` li jqumu f'dawn il-każijiet?  Din it-teknoloġija għandha tiġi użata f'każ, pereżempju, fejn l-omm hija ta' eta` avvanzata kif diġa' rajna jsir barra minn Malta?  Huwa moralment leċitu li koppji mingħajr problemi ta' fertilita` jirrikorru għal prokreazzjoni assistita sabiex ikollhom ċertezza akbar li t-tarbija tagħhom tkun kif jixtiquha huma permezz ta' selezzjoni ġenetika?

Jeżisti wkoll dibattitu barra minn Malta rigward riċerka fuq iċ-ċelluli staminali embrijonali u jqumu ħafna mistoqsijiet morali fuq dan. 

Punt ġuridiku-etiku ieħor li nixtieq nalludi għalih jirrigwarda d-donazzjoni tal-organi post-mortem.  F'Malta, id-donazzjoni hija fakultattiva u anke f'każijiet fejn l-individwu jkun wera x-xewqa li jingħataw l-organi tiegħu wara mewtu, hu meħtieġ il-kunsens tal-familjari.  Dan il-kunsens għandu jibqa' neċessarju meta diġa' jkun hemm il-kunsens tad-donatur mogħti meta kien għadu ħaj?  F'ċerti pajjiżi, id-donazzjoni tal-organi hija obbligatorja anki fl-assenza tal-indikazzjoni pożittiva waqt li d-donatur kien għadu ħaj u mingħajr il-kunsens tal-familjari: huwa etiku li jsir dan?  L-interessi leġittimi tar-riċevitur tal-organi għandhom jissuperaw ix-xewqat tad-donatur mejjet u tal-familjari tiegħu?

Kwestjoni oħra fundamentali hija dik dwar kura medika jew trattament ieħor li jkun għadu ġdid u li jkun ta' prezz għoli.  Sa fejn huwa l-Istat obbligat li jagħti trattament bħal dan lil kull pazjent li jista' jibbenefika minnu?  Jekk kull persuna għandha valur inestimabbli u l-ħajja hija l-aktar don prezzjuż, l-Istat għandu jipprovdi bla ħlas kwalsiasi kura, tqum kemm tqum f'termini ekonomiċi, jekk tista' ssalva l-ħajja tal-pazjent?  Il-mezzi finanzjarji ta' individwu għandhom jiddeterminaw jekk jieħux il-kura kollha disponibbli jew le?

Dawn huma biss xi ftit riflessjonijiet fuq numru żgħir ta' kwestjonijiet bioetiċi li tajjeb wieħed jaħseb fuqhom għaliex inħoss li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar se jsiru relevanti anki hawn Malta u li dwarhom għad iridu jittieħdu ċerti deċiżjonijiet u isiru dispożizzjonijiet legali biex jirregolawhom.

Fl-aħħarnett filwaqt li nirringrazzja ħafna lid-direzzjoni tal-għotja ta' ħames PET/CT scans lill-Malta Community Chest Fund, nixtieq lilkom ilkoll aktar ħidma fil-missjoni nobbli tagħkom b'risq il-pazjenti u nawguralkom aktar suċċess fiż-żmien li ġej.

 

Disclaimer Footer Seperator Privacy Policy Footer Seperator Copyright Footer Seperator Accessibility Footer Seperator Help Footer Seperator Sitemap Footer Seperator Contact Us Footer Seperator Bookmark Site (Ctrl+D) Footer Seperator Home
 
GOV Logo Government of Malta
© The office of the Prime Minister
Developed by Alert Communications