Stqarrija maħruġa mill-Malta Community Chest Fund Foundation

Illum, is-Sibt, 18 ta’ Marzu saret iċ-ċerimonja tal-iffirmar tal-kuntratt minn 28 għaqda volontarja li bbenefikaw minn fond ta’ Eur850,000, approvat mill-Bord tas-Superviżjoni tal-Malta Community Chest Fund Foundation.  Il-kuntratt jorbot lill-għaqdiet volontarji biex iwettqu proġetti soċjali fuq medda ta’ sentejn.  Dawn il-proġetti jista’ jkollhom sa 40% investiment infrastrutturali, liema investiment imur biex iwieżen il-ħidma soċjali tal-proġett.  L-għaqdiet benefiċjarji  rċevew 40% tal-fondi mal-firma tal-kuntratt.  Il-kumplament  tal-fondi se jingħataw mal-preżentazzjoni ta’ rapporti anwali, fl-aħħar tal-ewwel  u tat-tieni sena rispettivament.

F’diskors waqt iċ-ċerimonja, il-Professur Carmel Borg, Chairperson tal-Fond għall-Ghaqdiet Volontarji tal-MCCFF ħabbar li b’ħidma għalenija mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji ġie żgurat li l-għaqdiet  benefiċjarji huma reġistrati u konformi mal-obbligi tagħhom bħala għaqdiet reġistrati.  Il-Professur Borg spjega li kull applikazzjoni eliġibbli, 42 b’kollox, għaddiet minn erba’ saffi ta’ evalwazzjoni sakemm ir-riżultat finali ġie approvat mill-Bord tas-Superviżjoni tal-MCCFF. Il-proġetti magħżula jirrappreżentaw firxa ta’ ħidma soċjali li bejniethom ikopru ħafna mill-miri għall-iżvilupp sostenibbli tal-Ġnus Magħquda (Sustainable Development Goals).

Il-lista tal-għaqdiet benefiċjarji tinsab fuq is-sit https://president.gov.mt/mccf/fond-ghall-ghaqdiet-volontarji/

L-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta, irringrazzjat lill-kumitat tal-Fond għall-Għaqdiet Volontarji għall-ħidma tagħhom matul dawn is-sentejn u n-nofs, minn mindu saret it-trasformazzjoni fil-mod ta’ kif jitqassmu l-fondi miġburin mill-Istrina għall-għaqdiet mhux governattivi. Il-President qalet li “l-fatt li l-proġetti kienu marbutin mal-Miri għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Ġnus Magħquda, huwa input li ħassejna li kellna nagħmlu bħala parti mill-komunita’ globali li taspira li jkun hawn trasformazzjoni fid-dinja għall-ġid u għall-benefiċċju tal-popli tad-dinja. Hija qalet li hija kburija li għandna 21 proġett soċjali li ser inkunu qed ngħinu fih bħala poplu, permezz tal-fondi li jinġabru mill-ġenerożita tan-nies – “proġetti soċjali li ser jkabbru l-ġid soċjali, u li ser jħallu impatt fil-kwalita’ tal-ħajja tan-nies u fil-ġid ħolistiku jew wellbeing ta’ kull wieħed u waħda minna”.

Aktar tard din is-sena se jiftħu l-applikazzjonijiet għal aktar għajnuna finanzjarja mill-imsemmi Fond.

Aktar...