Sinjuri,
Għal sena oħra ser ikolli inwassal ix-Xewqat tiegħi għal Sena Ġdida b’ mod virtwali.
F’ċirkostanzi normali kont nieħu pjaċir ħafna niltaqa’ magħkom personalment, biex flimkien inħarsu lejn dak li għaddejna minnu u nagħtu titwila lejn dak li rridu naħdmu għalih.
Nibda’ qabel xejn, biex inwassal ir-ringrazzjament tiegħi lill-Membri li sa ftit ilu servew fil-Kunsill tal-Konsli Onorarji, u nixtieq kull suċċess lill-Membri l-ġodda li kelli l-pjaċir li niltaqa’ magħhom xi ftit tal-ġranet ilu.
Fil-qadi ta’ dmirijietkom bħala Konsli Onorarji ta’ pajjiżi minn diversi bnadi tad-dinja, intom għandkom rwol uniku li bih tistgħu twasslu l-viżjoni ta’ pajjiżna f’diversi oqsma.
Dan jgħodd primarjament f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kummerċ u investiment, it-turiżmu u l-kultura, u fuq kollox il-kuntatti ta’ bejn il-popli.
F’mumenti ta’ kriżi globali u ostakli li ġabet magħha il-Pandemija ix-xogħol tagħkom, li permezz tiegħu jinħolqu u jinżammu skambji, ħa xejra iktar rilevanti minn qatt qabel.
Mingħajr ebda dubju, ix-xogħol tagħkom bħala Konsli Onorarji tħarbat sew matul din is-sena.
Żgur li ħdejn li jiġri ssoltu, ftit stajtu żżommu pass imgħaġġel li kontu mdorrijin bih – fl-oqsma tal-promozzjoni tal-kummerċ u l-investiment, it-turiżmu, l-iskambji kulturali, u l-laqgħat mal-komunitatajiet tal-pajjiżi li akkreditawkom għal Malta.
Fl-istess ħin u b’mod tanġibbli, żdied sew ix-xogħol ta’ natura purament konsolari kull meta intlabtu tagħtu assistenza lil kull min iltaqa’ ma’ xi problemi ta’ vjaġġar, miżura ta’ kwarantina jew dokumentazzjoni meħtieġa.
F’ħafna okkażjonijiet kontu intom il-linja diretta ta’ kuntatti bejn il-kapitali, u b’mod iktar importanti ma’ ċittadini u residenti barranin f’Malta li fikom sabu għajnuna u gwida responsabbli, f’mumenti ta’ inċertezza.
Napprezza ferm kif ir-rwol tagħkom kompla jżid fl-importanza tiegħu bil-preżenza ta’ bosta barranin – ħafna minnhom mill-pajjiżi li akkreditawkom – li qegħdin Malta b’xogħol jew studju.
Apparti il-proċeduri marbuta ma’ dawn l-aspetti konslari, huwa fundamentali għas-saħħa ta’ dawn l-individwi, u kull min jinsab f’Malta, li twasslulhom id-direttivi maħruġa kontra l-Pandemija b’mod ċar ħalli huma wkoll jagħtu sehemhom.
Nitlobkom twasslu lill-dawn komunitajiet, ringrazzjament għal kif ikkolaboraw mal-awtoritajiet tas-Saħħa tul dawn ix-xhur kollha.
Inrodd ukoll kull ħajr lilkom għall-isforzi miżjuda li komplejtu tagħmlu bla waqfien.
Ix-xogħol tagħkom huwa wkoll marbut mat-tkabbir ekonomiku ta’ Malta u dehra ta’ pajjiżna fuq livell internazzjonali.
Intom għandkom kull mezz u fakultá li tkunu kontributuri ewlenin tal-irkupru ekonomiku li lkoll qed inħabirku għalih, hekk kif l-oqsma li fihom toperaw għandhom effett kbir fuq it-tkabbir u l-istabbilitá ekonomika.
Barra minn dan, inħeġġiġkom tużaw il-kuntatti u n-networks tagħkom biex twasslu u tispjgaw ir-riformi li minnu għaddej pajjiżna li bihom qed ikomplu jissaħħu l-iStat tad-Dritt u l-kredenzjali demokratiċi ta’ Malta.
Qabel nagħlaq nixtieq nerga’ ntenni l-importanza u l-valur li nagħti lix-xogħol tagħkom.
Nittama li matul ix-xhur li ġejjin tkompli tittejjeb is-sitwazzjoni globali sabiex issibu l-art mifruxa għal ħidma bla xkiel u ostakli, u li nerġgħu naqbu r-ritmu tas-snin ta’ qabel il-Pandemija.
M’għandix dubju ser tibqgħu twettqu d-doveri tagħkom bl-għaqal u bid-deteminazzjoni.
Nawguralkhom saħħa u paċi għas-Sena l-Ġdida.
Grazzi.