The President of Malta

Search
Close this search box.

“Biż-żieda fit-temperaturi hu importanti li nkunu aktar konxji ta’ proġetti li jħarsu u mhux iħassru l-ambjent” – il-President ta’ Malta

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-President George Vella qal li l-irwol tal-edukazzjoni, speċjalment fl-iskejjel, jibqa’ ċentrali biex Malta tkun verament favur dinja sostenibbli, waqt li wissa mill-impatt tan-nuqqas ta’ preservazzjoni tal-ilma fuq l-ambjent ta’ madwarna.

“Illum aktar minn qatt qabel għandna bżonn nifhmu kemm hu minnu dak li dejjem għallmuna b’għaqal kbir l-antenati tagħna li kull qatra tgħodd. Din il-filosofija u l-apprezzament għall-preservazzjoni tal-ilma għandha tinxtered f’oqsma oħra fosthom f’industriji li jagħmlu użu eċċessiv tal-ilma,” qal il-president waqt li ġie ppreżentat bil-ktieb ‘8000 Years of Water’.

Il-president irrefera għall-informazzjoni li nħarġet fl-aħħar ġimgħat li l-produtturi tal-konkos waħedhom ħadu 237 miljun litru ta’ ilma f’perjodu ta’ tliet snin filwaqt li n-numru ta’ pixxini u meded ta’ turf artifiċjali li jkollhom bżonn ħafna ilma qed dejjem jiżdiedu b’piż akbar fuq l-ekosistema Maltija. “Meta wieħed iqis li t-temperatura tad-dinja qed dejjem tiżdied, importanti ferm li nkunu aktar konxji ta’ proġetti li jħarsu u mhux iħassru jew jheddu l-ambjent,” stqarr il-president.

Waqt żjara f’ġibjun tal-ilma f’Ħal Luqa, il-president qal li meta nsemmu sostenibbiltà, tibdil fil-klima u preservazzjoni tar-riżorsi naturali, il-ħsieb tal-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann fuq il-ħażna tal-ilma hu sors importanti ta’ ispirazzjoni għalina lkoll fosthom bl-introduzzjoni tal-liġi li f’kull binja jkun hemm bir.

Il-president irringrazzja lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għall-inizjattiva li l-qligħ mill-bejgħ tal-pubblikazzjoni jmur għal The Malta Community Chest Fund (MCCF). “Dan huwa ħsieb nobbli li għandu jservi ta’ mudell għal entitajiet oħrajn pubbliċi u privati li għandhom il-MCCF għal qalbhom,” qal il-President Vella.

Il-President Vella wera t-tama li l-pubblikazzjoni mhux biss isservi bħala ktieb importanti għall-istorja u l-patrimonju Malti, iżda wkoll manwal ta’ kif Malta għarfet matul is-sekli biex tapprezza, tippreserva u tiġġenera s-sors ewlieni li mingħajru l-ħajja lanqas biss tkun possibbli, l-ilma.

Skip to content