The President of Malta

Christmas Get Together, Local Council Association (Speech in MT)

L-ewwel nett, il-lejla t-tajba lil kulħadd.

Sindki,

Kunsilliera,

Mistednin,

Nirringrazzjakom ħafna talli għoġobkom tistednuna, lili u lil Miriam, biex inkunu hawnhekk magħkom illejla u rrid qabelxejn nirringrazzjakom ta’ din is-sorpriża għaliex qatt ma immaġinajt li ser indaħħlu dan l-ammont kollu.

Irrid ngħid li matul iż-żmien li ili fil-Presidenza, kull meta fittixt l-appoġġ tagħkom dejjem sibtu. U bħalma tafu, dan l-aħħar pruvajt anki ningaġġa iktar fil-laqgħat ħalli nkun naf aħjar u iktar fil-qrib il-problemi li qegħdin taffaċċjaw intom. Irrid ngħidilkom li tgħallimt ħafna. U qed ngħidu b’serjetà għaliex affarijiet li ma kontx nimmaġina jew li kont nimmaġina li kienu differenti, sirt naf il-verità kif inhi.

Irrid ngħid li smajt u qabbilt dak li qaluli minn Għawdex, pereżempju, ma’ dak li qal ir-reġjun tan-naħa t’isfel, u tara li hemm ħafna affarijiet li huma komuni u affarijiet li qed jiġu esperjenzati mill-Kunsilli kollha.

Jiena nemmen li hemm bżonn li lill-Kunsilli nagħtuhom iktar importanza. Naf li hemm ħafna tgergir fostkom, u forsi, naħseb, li għandkom raġun, però hemm bżonn li lill-Kunsilli nagħtuhom ħafna iktar importanza. U dan ngħidu għax dejjem ħdimt fihom. Forsi, ma nafx, indur għall-fatt li kont l-ewwel wieħed li kont mort il-Kunsill tal-Ewropa biex nipprova nġib ideat kif ser nagħmlu l-Kunsilli Lokali hawn Malta. Dak iż-żmien konna għadna m’aħniex lesti biżżejjed u spiċċajna bl-idea – min għandu l-età hawnhekk, jiftakar – in-Neighbourhood Councils, il-Kumitati tal-Ġirien, li mbagħad ġew interpretati b’ħafna vuċijiet differenti.

Imma dejjem kont nemmen għaliex anki jien l-ewwel kont bdejt fil-Kunsill tal-Ewropa, kien il-Konferenza tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali, li kienu l-ekwivalenti ta’ dak li hemm illum. U nemmnu għaliex intom għandkom il-kuntatt dirett man-nies.

Sfortunatament meta nispiċċaw fil-Parlament, bħala Membri Parlamentari, l-esperjenza matul is-snin tinnota li hemm min imur mal-elettorat meta jkun wasal żmien il-vot, u matul is-sena kollha jgħix qisu ma ġara xejn.

Intom ma tistgħux, lanqas jekk tridu. Il-ħin kollu qegħdin f’kuntatt man-nies li hemm fid-distrett tagħkom, fil-lokalità tagħkom. U jkun iblah min ma jismagħkomx. Għaliex dak li tgħidu intom ikun ġej b’mod ġenwin mill-problemi li hemm.

Jiena, bħalma għidtilkom, meta din is-sena għamilna dawk il-laqgħat flimkien u nirringrazzjakom tal-kooperazzjoni li sibt mingħandkom, bdejt nara l-affarijiet komuni. Jekk Għawdex qegħdin igergru li hemm nuqqas ta’ ħaddiema, in-naħa t’isfel ukoll qed igergru li hemm nuqqas ta’ ħaddiema. Jekk kemm-il darba post minnhom, lokalità minnhom qiegħda tgerger minħabba l-overdevelopment, kellek l-istess sistema li qed igergru fuqha postijiet oħra. Jiġifieri meta dawn ikunu komuni, allura wieħed bilfors irid jagħti kashom dawn l-affarijiet.

Min-naħa l-oħra, jiena nemmen li l-idea tad-devolvement, li l-Gvern ċentrali jagħti l-poteri lill-awtoritajiet lokali, ippruvajna li taħdem, taħdem fl-Ewropa kollha, taħdem kullimkien, u ma nistax nifhem għaliex għad għandna problemi f’ċerti Kunsill Lokali illi jgħidulek: “Jiena nixtieq nimplimenta dan l-oġġett u qed ninżamm mbagħad minn min qiegħed fuqi”.

U dan qiegħed ngħidu bl-ebda dwejjaq li niġi ġġudikat. Iva naħseb li hemm bżonn li jekk kemm-il darba għandna l-Kunsilli Lokali u għandna l-Kunsilli Reġjonali, dawk li huma d-drittijiet tagħhom, dawk li huma l-kompetenzi tagħhom, irridu nħalluhom jagħmluhom kif suppost. Inkella mhux veru nemmnu fid-devoluzzjoni. Dik hija importanti ħafna.

Min-naħa l-oħra, naqleb fuq inqas kritika, nirringrazzjakom għall-kooperazzjoni tagħkom kull meta fittixniekom. Bħalma tafu, din id-darba minħabba l-COVID ma stajniex nagħmlu ċertu affarijiet u din hija eżempju ħaj ta’ kif f’daqqa waħda kellna għażla, qed nitkellem fuq il-Fun Run, jew li ma nagħmluhiex, u allura nneħħu xi ħaġa mill-kalendarju u anki sors ta’ dħul, jew inkella nirranġaw nagħmlu xi ħaġa. U bħalma taf Mario, fl-ewwel laqgħat li kellna, konna mill-ewwel indikajnielkom li ħa nippruvaw nużawkom bħala Kunsilli Lokali biex tgħinuna ħalli nagħmlu dan l-event. Fil-fatt seħħ, naf, u nirringrazzja lil ħafna minnkom, il-problemi li ħadtu f’dik li hija loġistika, minħabba biex wieħed jorganizza, minħabba permessi, minħabba t-toroq, minn fejn ser tgħaddu. Grazzi tal-kooperazzjoni tagħkom għax kull lokal kellu l-problema tiegħu u dderiġiena x’għandna nagħmlu u ma nagħmlux. U dan huwa riżultat tas-suċċess.

Jien naħseb li, minkejja li kellha ssir bilfors minħabba ċ-ċirkustanzi, fiha nnifisha kienet attività ta’ suċċess. X’ser jiġri ’l quddiem, jekk tibqax b’dan il-format jew inkella format ieħor, wieħed irid jara.

Jiena mill-ġdid nirringrazzjakom. Grazzi ta’ kull meta kelli bżonnkom u tkellimt magħkom u smajtkom u ftaħtu qalbkom miegħi. Però nistedinkom minn hawn ukoll, iżżommux lura. Jekk hemm minnkom ikun irid ikellimni jew inkella jwassalli ċertu affarijiet, kemm kunfidenzjali u anki mhux kunfidenzjali, jiena qiegħed hemmhekk, dak huwa r-rwol tal-President u nkun kuntent immens li nismagħkom ħalli nkun nista’ forsi jew ngħinkom jew inkella nagħti parir x’jista’ jiġri jew ma jiġrix.

Grazzi ħafna. Nieħu l-okkażjoni biex nixtiqilkom ilkoll il-Milied it-Tajjeb, il-festi sbieħ għas-sena d-dieħla, u meta nawgura l-festi sbieħ u meta nawgura l-affarijiet, jien ma nawgurax flus, ma nawgura xejn ħlief saħħa, għaliex mingħajr is-saħħa ma nagħmlu xejn.

Nirringrazzjakom u nawguralkom.

Skip to content