The President of Malta

Search
Close this search box.

Diskors tal-Għeluq mill-President ta’ Malta George Vella, Konferenza dwar l-Istat tan-Nazzjon, 9 ta’ Ġunju 2022

On. Prim Ministru,

On. Kap tal-Oppożizzjoni,

Sinjuri,

Nibda billi nrodd ħajr lill-kelliema kollha u l-esperti kollha li taw sehemhom illum u wasslulna l-ħsibijiet tagħhom matul il-ġurnata kollha.

Nirringrazzja b’mod partikolari, li għadna kemm smajna, lill-Prim Ministru u lill-Kap tal-Oppożizzjoni li ngħaqdu magħna hawnhekk biex jaqsmu l-ideat tagħhom ukoll.

Jien naħseb illi, kif kien mixtieq, l-eżerċizzju tal-lum għen mhux ftit biex inkomplu nsiru nafu aħjar fuq fejn sejrin bħala poplu, kif ukoll l-inkwiet, l-aspirazzjonijiet u l-opportunitajiet li għandna quddiemna.

Ċertament li ma kienx faċli li wieħed jiddiskuti, minħabba li dawn jolqtu, kif jgħid il-Malti, ‘fil-laħam il-ħaj’. 

Tajna ħarsa introspettiva fuqna nfusna.

Dan hu dejjem l-ewwel pass li wieħed għandu jieħu, sabiex itejjeb lilu nnifsu.

Naħseb li dan huwa l-għan aħħari tagħna lkoll – mhux xi eżerċizzju fieragħ, għall-gost – iżda wieħed li jagħti kontribut tanġibbli għat-titjib ta’ ħajjitna lkoll.

Bħalma tafu, l-ewwel messaġġ li smajna kien mingħand Dr Roberta Metsola, li saħqet fuq ir-riżorsi umani f’pajjiżna, l-edukazzjoni u l-futur tal-istudenti tagħna llum, li huma l-ġenituri, il-professjonisti u l-mexxejja ta’ għada.

Żgur li lkoll naqblu li viżjoni proattiva f’dan is-settur tista’ ġġib biss benefiċċji lis-soċjetà tagħna.

L-ewwel panel kien “Siġra flok kantun”.

Waqt din is-sessjoni kemxejn imqanqla dwar l-ambjent smajna kif hemm bżonn li jinstabu l-bilanċ u l-kompromess, u kif l-ambjent jaf ikun fattur li jgħaqqad u mhux li jifred.  

Li hu żgur hu li l-ambjent huwa marbut, anzi huwa biċċa waħda, mal-kwalità tal-ħajja tagħna lkoll – kif uriena sew meta konna magħluqin ġewwa bil-COVID.  

Meta nsemmu l-ambjent irridu nżommu f’moħħna kemm dan ma jfissirx biss bini, żvilupp u kostruzzjoni, iżda wkoll l-ibħra, it-tniġġis, it-tibdil fil-klima u ħafna affarijiet oħra.

Din mhix sfida tagħna biss – iżda hija sfida tal-komunità globali kollha.

Saret domanda dwar il-poter f’idejn l-iżviluppaturi, li hemm minn fostna li bdew isejħulu bħala eċċessiv.

Ħareġ ukoll kemm l-ambjent u l-ekonomija għandhom jimxu id f’id, u kemm it-teknoloġija tista’ tkun utli u tagħti sehemha wkoll għall-ħarsien tal-ambjent.

Kien hemm appell ċar li mmorru lil hinn mill-buzzwords, u li jiġu indirizzati b’mod konkret l-iżbalji u d-deċiżjonijiet ħżiena, li jiġu riveduti l-liġijiet u li għandu jkun kemm diskussjoni serja fuq dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ dan is-settur.

Minn dan kollu naħseb li hemm bżonn reviżjoni tal-politika eżistenti, pereżempju l-Istructure Plan.

Dak li qed jagħti riżultati ħżiena, pereżempju billi tapplika l-liġijiet u tara Streetscape titħassar, jiena naħseb li dan għandu jiġi rivedut biex jekk jista’ jkun jinbidel. Dan hu xogħol il-Planning Authority, u l-poplu jixraqlu li dan jiġi kkunsidrat bis-serjetà, u, ngħid, li qed jistenna proprju li jsir dan.

It-tieni panel fuq “Illum fl-aħbarijiet” għandu x’jaqsam ħafna mar-rwol tal-media.

Waqt it-taħdidiet marbuta mal-media, stajna napprezzaw kemm dan ir-raba’ pilastru tad-demokrazija huwa kruċjali għas-saltna tad-dritt, u l-importanza tal-fattwalità tal-aħbar, u kemm donnha nibtet prattika informali li llum qisu kulħadd sar ġurnalist.

Xi ħaġa li niltaqgħu magħha ta’ kuljum, hija l-bilanċ bejn il-libertà tal-espressjoni u l-integrità u r-reputazzjoni tal-individwu. Jien segwejt b’interess id-diskussjoni dwar jekk wasalniex fi stat fejn waħda qed teqred lill-oħra.

Saru osservazzjonijiet dwar in-nuqqas ta’ għodod biex il-ġurnalisti jagħmlu xogħolhom b’serenità assoluta. F’dan il-kuntest, qamet il-mistoqsija jekk wasalx iż-żmien li jissawwar kodiċi ta’ etika li tmexxi, tiggwida, jew inkella – qed noqgħod attent kif nużahom il-kliem – tikkontrolla jew tirregola. Ma jfissirx li tikkontrolla jew tirregola x’jgħidu jew fuqiex jiktbu, imma l-aġir tagħhom bħala professjonisti; f’dan is-sens li tiggwida jew tikkontrolla jew tirregola lil din il-professjoni, u donnu ma kienx hemm ftehim bejn il-kelliema dwar dan. Din hija xi ħaġa li anki min tkellem mal-ġurnalisti fix-xhur li għaddew jinduna li għad m’hemmx qbil bejniethom dwar eżattament kif iridu li jkunu marbutin flimkien.

Punt li laqatni kien kif il-ġurnalist għandu hu stess jagħmel l-aġenda tiegħu, u mhux jagħti lill-pubbliku dak li jixtieq jisma’. Il-ġurnaliżmu indipendenti veru kulma jmur qed narawh dejjem jiċkien. Hemm differenzi kbar bejn min huwa ġurnalist professjonist, u dawk li huma, ħa nsejħilhom hekk, ġurnalisti dilettanti.

L-importanza tal-bilanċ u l-imparzjalità tax-xandir nazzjonali ssemmiet ukoll bi prominenza. U nafu li kien hemm dibattitu jaħraq fuq din il-kwistjoni.

Issemma kif il-fiduċja tal-poplu fil-media jista’ jkun li qiegħda tonqos minħabba sentiment li wħud mill-media huma kultant parrokkjali żżejjed, provinċjali żżejjed jew partiġġjani żżejjed.

Bħala konklużjoni, naħseb li ħareġ ċar kemm dan il-qasam huwa wieħed diffiċli u sensittiv u kemm għad fadal x’isir sabiex ikun hemm ftehim u sens ta’ organizzazzjoni bejn il-ġurnalisti nfushom.

Panel ieħor kien jismu “Iva lilek inħobbok”.

Wieħed mill-ewwel punti li saru kien dwar il-qasam edukattiv – li naqblu li huwa wieħed mill-aktar elementi importanti għall-ġejjieni. B’mod partikolari kien hemm enfasi fuq il-ħsieb kritiku taż-żgħażagħ tagħna.

Issemma wkoll kif ma nistgħux ninsew li min mhux jgħix ħajja ta’ privileġġ, id-diskussjoni għandha wkoll tinkludih fiha, mhux jiġi eskluż meta nitkellmu. 

Hemm bżonn li nisimgħu wkoll x’jaħsbu l-hekk imsejħa ‘l-oħrajn’, mhux il-Maltin biss. Fil-fatt kien hemm anki min kellu kritika kostruttiva rigward is-survey meta qal li dawn huma kollha nies li jivvutaw.

Punt ieħor interessanti li tqajjem kien dwar kemm il-Maltin iħossuhom Ewropej u kemm huma magħrufa l-benefiċċji tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

Jista’ jkun li l-politiċi mhux iwasslu l-aspetti pożittivi b’mod ċar biżżejjed u dan qed jirriżulta wkoll f’populiżmu u nazzjonaliżmu li rajniehom jinbtu f’dawn l-aħħar snin.

Naraw ukoll kultant kif l-Unjoni taqla’ l-ħtija tad-disfatti filwaqt li l-gvernijiet individwali, u dan mal-Ewropa kollha, jiftaħru li s-suċċess kien tagħhom. 

Il-kumment tiegħi hawnhekk huwa li aħna għadna nħarsu bl-ikrah lejn kull forma ta’ l-hekk imsejjaħ ‘kolonjaliżmu’. Anki meta konna qed niddiskutu kemm Maltin jidentifikaw ruħhom bħala Maltin jew Ewropej. Tifhmunix ħażin – m’jien ngħid bl-ebda mod li l-Unjoni Ewropea tikkolonizza. Iżda nħoss li għad hemm din il-mentalità li aħna nixtiequ li ma nibqgħux ngħidu li aħna, bħalma konna qabel, taħt l-Ingliżi. Illum aħna Maltin, imbagħad on second thoughts ngħidu li aħna wkoll Ewropej. Dan ħareġ minn dan is-survey.

Id-diskussjoni kompliet telabora kif Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea b’formazzjoni distinta minn dik ta’ pajjiżi Membri oħrajn u kif baqgħat iġġorr magħha identità b’saħħitha Mediterranja.

Fil-kuntest tal-istituzzjonijiet, issemma kif ix-xandir għandu jaħdem favur iċ-ċittadin u mhux favur il-poter. Ġie propost li ċ-Chairman tal-Broadcasting Authority jiġi maħtur b’maġġoranza ta’ żewġ terzi fil-Parlament u mhux biss b’konsultazzjoni. U hawnhekk jien norbot u nirrifletti fuq dak li għadu kemm qal il-Prim Ministru rigward il-problema taż-żewġ terzi fejn għad m’għandniex anti-deadlock mechanism għal meta l-affarijiet jeħlu.

Osservazzjoni oħra tiegħi hi li jekk dan iseħħ, ikun hemm bżonn, ta’ dan li għadni kif semmejt issa, ta’ ‘anti-deadlock mechanism’ inkella ħafna mill-proċessi jafu jeħlu.

Wieħed mill-kelliema ġab eżempju b’dak li qed nisimgħu dwar l-art agrikola u l-interess pubbliku. Temi bħal dawn għandhom jissemmew bi prominenza akbar fuq l-aġenda nazzjonali. 

Saqsejna wkoll jekk il-Ministri teknokratiċi għandux ikollhom rwol, jew saħansitra ‘valur miżjud’ fuq dawk li ġejjin mill-kamp purament politiku? Din hija idea li sal-lum il-Kostituzzjoni ta’ Malta ma tippermettihiex, imma li wieħed jitkellem f’qasam bħal dan huwa interessanti. Kien hemm spekulazzjoni jekk dawn hux ser ikunu eletti, jekk kemm-il darba wieħed jaqbel ma’ dan il-kunċett, jew inkella maħtura mill-Prim Ministru. Jiena naħseb li wasal iż-żmien li dawn jiġu kkunsidrati b’mod konkret jekk kemm-il darba l-partiti jħossu li hemm il-lok u l-bżonn ta’ dan it-tip ta’ ħatriet.

Sar punt fuq il-bżonn li nħarsu lejn soluzzjonijiet għal ċerti ‘loopholes’ li għad fadal fil-Kostituzzjoni, sabiex ikunu jistgħu jiġu indirizzati dawk l-aspetti li fuqhom fadal x’isir. 

Intqal ukoll kif ir-relazzjoni u d-distinzjoni bejn ‘Stat u Gvern’ isserraħ fuq il-kontabilità tal-istituzzjonijiet.

Ġiet imwassla wkoll ix-xewqa li wara l-imxija tal-Covid, il-proċess tar-Riforma Kostituzzjonali jerġa’ jibda bis-sħiħ u jkun it-timbru tal-Presidenza kurrenti.

La ssemma dan il-punt, jien ser nieħu l-opportunità u nagħti rendikont qasir ħafna ta’ fejn wasalna. U dan għaliex il-kwistjoni ssemmiet minn żewġ persuni.

Rigward il-Konvenzjoni tal-Kostituzzjoni rrid ngħid li, bħalma kulħadd jifhem, waqaf kollox minħabba l-Covid. F’dak iż-żmien però sar studju tal-ġabra tal-opinjonijiet kollha li kienu daħlu virtwalment fuq l-internet. Dawk huma kollha miġburin, ippubblikati, u minbarra li huma ppubblikati, huma wkoll imqassma f’setturi ħalli jkunu lesti biex meta nerġgħu naqbdu l-proċess ikunu jistgħu jiġu diskussi.

Jiena tajt anki kopja tal-ktieb fejn hemm ippubblikat dan kollu lill-Membri tal-Parlament Ewropew li ġew ikellmuna dan l-aħħar u anki, bħalma jafu kemm il-Prim Ministru u anki l-Kap tal-Oppożizzjoni, tlabniehom biex jerġgħu jagħtuna n-nomini ta’ min se jkun f’dan il-kumitat ħalli nerġgħu navvjaw kollox.

Malli jkollna l-ismijiet inkunu nistgħu nibdew il-laqgħat u l-ewwel pass huwa li jkun hemm qbil, u hawnhekk nerġa’ mmur lura għall-qbil, li jkollna xi ħadd maqbul bejn iż-żewġ naħat, li jkun igawdi l-fiduċja taż-żewġ naħat. Ikollok persuna ta’ ċertu statura li tkun afdata miż-żewġ naħat. Minn hemmhekk imbagħad inkunu nistgħu nagħmlu n-nomina tal-membri tal-konvenzjoni, li qed nitkellmu fuq xi madwar 120 ruħ u l-laqgħat tal-konvenzjoni li jibdew imbagħad gruppi jistudjaw setturi differenti biex minn hemmhekk joħorġu r-rakkomandazzjonijiet biex jiġu kkunsidrati mbagħad eventwalment mill-Parlament.

Lejn l-aħħar ta’ din is-sessjoni smajna wkoll kif is-sistema edukattiva mhix twassal lil kulħadd sal-edukazzjoni terzjarja. Kellna r-rettur li qed jitkellem u jilmenta fuq il-fatt li minkejja l-investimenti ta’ miljuni ta’ ewro, xorta għad għandna rata relattivament baxxa ta’ studenti li jispiċċaw fl-edukazzjoni terzjarja. Ir-riċerka hija fundamentali għall-ġejjieni tal-edukazzjoni terzjarja f’Malta – u din hemm bżonn li tingħata aktar spazju, anki jekk dan ifisser aktar fondi ddedikati lil dan il-qasam.

Panel ieħor kien “Inti għandek prezz?”  

Id-diskussjoni bdiet b’mistoqsija dwar jekk aħniex ‘korrotti jew ipokriti’ – ma tantx huma alternattivi sbieħ dawn, u għalhekk naħseb li kienet introduzzjoni li pprovokat ħafna u ħafna ħsieb. 

Fl-istħarriġ smajna kif in-nies imorru għand il-politiċi. X’ifisser dan? Din bilfors xi ħaġa ħażina? U hawnhekk jien innutajt li sfortunatament kienet qed tiġi ekwiparata mal-fatt li għax tmur għand il-politiku, int ħa tmur biex titlob li ssir il-korruzzjoni.

Jiena ma naqbilx li l-Maltin imorru għand il-politiċi biex jikkorrompuh, jew biex jieħdu dak li mhuwiex tagħhom. Tista’ tmur tkellem lill-MP tiegħek biex jiggwidak, biex tistaqsih, biex ikun jista’ forsi anki jilluminak dwar ċerti affarijiet u anki, għaliex le, jekk kemm-il darba, bħalma kien hemm f’panel aktar tard, wieħed jara li forsi hemm dewmien għal dak li hu tiegħek, ikun qiegħed jgħinek ħalli dak li hu tiegħek tieħdu – dik mhijiex assolutament korruzzjoni. Ġew f’moħħi dak il-ħin jien il-famużi ‘surgeries’ li jsiru ġol-Ingilterra. Dawn mhumiex postijiet fejn in-nies imorru biex jikkorrompu lill-politiċi, imorru apposta biex jiltaqgħu magħhom. Però kollox imbagħad, fl-aħħar mill-aħħar, jiddependi mill-individwu.

Ġie mistoqsi jekk bil-kelma ‘prezz’ hawnhekk, hux qed ifisser valur, jew prezz f’termini ta’ flus. Intqal li l-ġid komuni ma jista’ jitkejjel qatt bi flus biss, u kif dan iserraħ fuq id-drittijiet u d-dinjità ta’ kull persuna umana. Dan jinkludi wkoll id-drittijiet u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ third country nationals, speċjalment fid-dawl ta’ rapporti dwar ċerti abbużi. Jekk mhux sejjer żball semmiehom anki Fr Tabone.

Punt ieħor li ssemma kien dwar l-użu tal-kliem ‘korruzzjoni’ u ‘klijenteliżmu’. Dan tal-aħħar ġie deskritt bħala wieħed li sikwit nirrikorru għalih. Il-‘prezz’ ħafna drabi jaf ikun ‘l-obbligu’ li jiġi maħluq, li meta inti tfittex lil xi ħadd, tkun imbagħad obbligat lejh. Hemmhekk tibda tonqos il-fiduċja.

Tajjeb li l-poplu jsemma leħnu wkoll f’diskussjoni bħal din, għaliex hawnhekk, bir-rispett kollu, ma kellniex lill-popolin li qiegħed jirreaġixxi jew inkella jgħid l-opinjonijiet tiegħu, imma kellna panels, magħmulin minn akkademiċi, minn esperti, minn nies ta’ ċertu livell edukattiv li taw l-opinjonijiet tagħhom. U għalhekk jiena nemmen li, mhux biex nagħmel distinzjoni bejn l-elite u l-intellettwali u l-popolin, imma fil-fatt in-nies ma kinux qegħdin hawnhekk biex jirrispondu jew inkella jirribattu.

Issemmiet is-saħħa tal-qwiel u l-proverbji Maltin li jaslu għand kulħadd, minn fuq s’isfel. U dan meta qed nitkellmu rigward is-saħħa tal-flus.

Jien għoġbitni din ir-rabta bejn il-kunċett ta’ flus u kemm jipprovdi espressjonijiet l-ilsien Malti biex infissruh, inkejluh u anki biex napprezzawh.

B’ton aktar serju, intqal kif soluzzjonijiet jinstabu dejjem jekk ikun hemm ir-rieda. 

Hemm bżonn, fi kliem ieħor, nedukaw – din ħarġet ċara – mhux biss fix-xjenza politika, iżda nedukaw ukoll fit-tħaddim tal-politika. Għandna ħafna studenti tax-xjenza politika, però f’dak li huwa taħriġ u tagħlim kif tgħix il-politika, jien naħseb li wieħed għad irid jidħol fihom ukoll.

Panel ieħor kien “Sport, politika u qaddisin”.

U hawnhekk ħa nkun ristrett ħafna fuq dak li se ngħid. U se ngħidu għar-raġuni li d-diskussjoni waqgħet f’livell wisq ta’ politika partiġġjana, u ħassejtni skomdu fil-pożizzjoni tiegħi li jiena jew nikkummenta jew inkella naqbel jew ma naqbilx ma’ dak li kien qed jingħad. Qed inkun onest f’dak li qed ngħid hawnhekk.

Kien hemm kummenti rigward il-bżonn li jkollna ċittadinanza attiva, ’il bogħod mill-partiti. Kien hemm ukoll min qed jispekula rigward in-numru ta’ nies li ma marrux għall-votazzjoni, rigward jekk bdejnihiex aħna, dak li ġie msejjaħ “process of disenchantment” – jekk bdejniex insiru mhux daqshekk interessati fil-politika.

Però fl-istess ħin baqgħet tirrepeti ruħha l-kwistjoni tal-manipulazzjoni, il-ħolqien ta’ obbligi, u anki tal-korruzzjoni. Jiena ngħid li, li wieħed jgħin lil xi ħadd mhijiex korruzzjoni – ħa nerġa’ nirrepetiha. U hawnhekk ħa nagħmel dikjarazzjoni personali, għax jiena bħala politiku, f’dawn is-snin kollha, jien għamilt għomri kollu fil-politika, għent lil ħafna nies fil-politika, però qatt ma kkorrompejt lil ħadd jew xi ħadd ikkorrompieni. Jiġifieri aħna ma nistgħux naqbdu pinzell wiesa’ u ngħidu li kull min qiegħed fil-politika… Għax hawn ser norbot ma’ li qal il-Prim Ministru li aħna aktar ma nitkellmu fuq dawn l-affarijiet, aktar inwarrbu u nbiegħdu lil min jitħajjar biex jibda jagħti sehmu fil-politika ta’ pajjiżna.

Sinjuri,

Id-diskussjonijiet li saru llum inħoss li komplew ilaħħmu ħafna r-riżultati tal-istħarriġ li kien il-qofol ta’ din it-tieni Konferenza.

Wara medda ta’ tnax-il xahar mill-ewwel Konferenza, illum diġa għandna għodda biex inkejlu kif il-Malti tal-lum żamm jew biddel xi ħsibijiet meta mqabbel mas-sena l-oħra.

Fil-qosor, ħa nerġa’ mmur lura għal dik is-‘snapshot’ li semmejt fil-kelmtejn tiegħi tal-ftuħ ta’ dalgħodu.

Bla dubju, il-familja hija fattur fundamentali fil-ħajja tagħna ta’ kuljum – dan huwa xi ħaġa li ħarġet mill-ġdid – anki fid-deċiżjonijiet li nieħdu.

Ħareġ ukoll li l-Malti huwa kuntent li ħeles mir-restrizzjonijiet tal-pandemija u jinsab aktar kuntent mis-sena l-oħra. Issa li għaddiet l-elezzjoni, il-politika tidher li hija inqas importanti, filwaqt li qed jinħass il-piż tal-inflazzjoni.

Rajna wkoll kemm għadha b’saħħitha l-fidi f’Alla, iżda mhux neċessarjament il-prattika tar-reliġjon.

Punt interessanti li laqatni huwa kemm il-Malti għandu għal qalbu lil pajjiżu u kemm jidentifika ruħu ma’ dak li hu Malti, iżda fl-istess ħin jidher ukoll li l-Malti qed jassoċja ruħu aktar mis-sena l-oħra mal-Ewropa.

Naħseb dan tal-aħħar huwa eżempju ċar ta’ kemm l-iżviluppi internazzjonali – bħal ma hija l-gwerra fl-Ukrajna – żiedu fina sens ta’ solidarjetà fuq livell reġjonali.

Jidher li l-Malti huwa aktar komdu bil-multikulturaliżmu milli kien iddikjara li huwa fis-survey tas-sena l-oħra, filwaqt li jippreferi ġnien mad-dar minflok borża flus. Din kienet waħda mill-mistoqsijiet poġġuti rigward jekk tippreferix li jkollok ġnien mad-dar jew inkella EUR 25 000. Ovvjament iż-żgħażagħ jippreferu l-flus aktar milli jippreferuhom il-kbar. Min hu aktar anzjan ovvjament jippreferi li jkollu ġnien ħalli jkollna aktar ħdura.

Fir-rigward tal-media ma rajniex xi ċaqliq kbir hekk kif għadhom jiddominaw il-mezzi soċjali, u kif komplew jiżdiedu dawk li jsegwu l-aħbarijiet minn portals jew gruppi fuq Facebook. Jiena kelli l-konsolazzjoni li nies bħali li s-sena l-oħra kienu 3% li jaqraw il-gazzetti, issa tlajna għal 5% – jiġifieri żdidna.

Fl-aħħar nett, jidher li l-Malti huwa mixtieq ħafna għall-avvenimenti kulturali li jlaqqgħu l-komunità bħal pereżempju l-festi tal-irħula, hekk kif konna mċaħħdin minnhom għal dawn l-aħħar sentejn minħabba l-pandemija.

Nagħlaq billi ngħid li dak li għadni kemm fissirt jagħti xejra forsi xi ftit simplistika ta’ min aħna, iżda naħseb li ppruvajt niġbor fil-qosor kemm jista’ jkun dak kollu li għidna dalgħodu. Jiena naf li bħalma għamilna s-sena l-oħra, jiġi ppubblikat it-test kollu testwalment ta’ dak li ntqal, u hemm ħafna x’wieħed jirrifletti u jistudja fihom. Iżda naħseb li din hija waħda wkoll li tinftiehem b’mod ċar, u waħda msawra fuq figuri miġbura b’mod xjentifiku. L-importanti li qegħdin nagħmlu l-affarijiet b’mod xjentifiku.

Kull wieħed minn dawn l-aspetti fih x’tomgħod.

Jien nittama għalhekk li din l-informazzjoni prezzjuża tkun imħaddma b’mod siewi mill-esperti f’oqsma differenti, minn akkademiċi, minn ġurnalisti, mill-istudenti ta’ kull età, iżda anki minna stess, iċ-ċittadini.

Nixtieq ukoll nara diskussjoni fuq livell ta’ pubbliku inġenerali, li jaf twassal għal rakkomandazzjonijiet u proposti, maħsuba biex itejbu l-għajxien tagħna fuq kull livell.

Żgur li din hija x-xewqa kollettiva tagħna, u kollha kemm aħna għandna sehem x’nagħtu.

Jien ningħaqad mal-Prim Ministru meta ngħid li jien konvint li lkoll kemm aħna, nemmnu x’nemmnu, għandna għal qalbna lil dan il-pajjiż u rridu nagħmlu minn kollox u kull wieħed minna jaħdem biex naraw li dan il-pajjiż ikun aħjar ħalli nħalluh aħjar għal uliedna.

Jiena nagħlaq billi ntenni r-ringrazzjament tiegħi lis-Sur Lou Bondi u anki lil Dr Vince Marmarà għax-xogħol li għamlu, lill-kelliema kollha, l-esperti, l-akkademiċi, ir-rappreżentanti tal-korpi kostitwiti, ir-rappreżentanti tal-partiti li kellna, attivisti tas-soċjetà ċivili, ġurnalisti u oħrajn, u l-uffiċjali kollha involuti, u lilkom kollha li segwejtu d-diskussjoni tal-lum.     

Nirringrazzjakom tal-attenzjoni tagħkom.

Grazzi.

Skip to content