The President of Malta

Search
Close this search box.

Diskors fl-okkażjoni ta’ ċerimonja ta’ għotja ta’ rikonoxximent Servizz Pubbliku

Għoti ta' rikonoxximent - Servizz Pubbliku

Segretarju Permanenti Ewlieni, Sur Cutajar Mistednin Distinti

Nibda billi qabel xejn nirringrazzjakom ta’ din l-istedina biex, minkejja ċirkostanzi ta’ restrizzjonijiet imposti mill-imxija tal-Covid, insibu mezz ta’ kif ngħarfu u niċċelebraw il-bosta kisbiet li għamel is-Servizz Pubbliku f’dawn l-aħħar xhur.

Intom li qegħdin hawn illum, u li ser jingħatalkom rikonoxximent, kontu fost dawk li spikkaw, mhux biss bir-riżultati tanġibbli li kontu kapaċi tiksbu, iżda wkoll b’għemilkom u l-eżempju li tajtu lill-uffiċċjali l-oħra fis-Servizz Pubbliku.

F’isem il-Poplu Malti kollu, inroddilkom ħajr.

Fl-istess ħin, nixtieq illi l-okkażjoni tal-lum isservi wkoll bħala turija ta’ rispett u ta’ apprezzament lill-membri kollha tas-Servizz Pubbliku – f’kull livell – li ta’ kuljum jagħtu sehemhom biex il-pajjiż ikompli jistagħna, il-pubbliku jkompli jinqeda u r- rota tal-amministrazzjoni tkompli tagħti s-servizzi meħtieġa.

Kull meta kelli l-opportunità, dejjem tkellimt fuq ir-rispett li għandi lejn ix-xogħol u l-funzjonijet li taqdu – kull wieħed u waħda minnkom.

Tul il-karriera tiegħi, u speċjalment issa bħala President tar-Repubblika, kelli bosta okkażjonijiet fejn stajt nosserva ir-reqqa, id-dedikazzjoni u l-integrità, li jixprunaw il-ħidma tagħkom.

Sinjuri,

Sentejn ilu waqt l-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku kont għidt illi s-Servizz Pubbliku huwa s-sinsla amministrattiva tal-pajjiż.

Hekk kif ġiet fi tmiemha is-seba’ edizzjoni tal-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku, nerġa’ ntenni dan kollu għax il-provi wrew illi f’sena ddominita minn pandemija, is- Servizz Pubbliku baqa’ magna amministrattiva b’saħħitha u mutur importanti li baqa’ għaddej fis-soċjetà.

Innutajt li qiegħed isir aċċenn qawwi fuq il-kwalita’ u l-viżjoni ta’ fejn irridu nwasslu s-Servizz Pubbliku fil-ħames snin li ġejjin.

Kienet Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku ta’ suċċess, mimlija b’laqgħat dwar policies li minnhom ħarġu dettalji importanti u viżjoni ċara ta’ strateġija fejn il-klijent jibqa’ dejjem fuq quddiem b’servizz mogħti lilu li jkun ta’ eċċellenza.

Servizz li jagħmlilna unur anke internazzjonalment.

Dak li qed jiġi propost huwa Servizz Pubbliku mibni fuq tliet pilastri, in-Nies, is- Servizz u t-Teknoloġija. Tliet pilastri illi ma jistgħux joperaw sew jekk mifrudin minn xulxin, għaliex huma kumplimentari ma’ xulxin.

Tista’ tgħid li kollha huma importanti indaqs…it-tlieta li huma.

Ħa nsemmi wħud mill-aktar xejriet li laqtuni, u li nħoss li ser jissarfu f’valur miżjud, mhux biss lis-Servizz Pubbliku, iżda wkoll lill-pajjiżna kollu kemm hu.

Nibda b’suġġett li lkoll tafu kemm hu għal qalbi, u li sikwiet smajtuni nitkellem dwaru – l-ambjent.

L-isforzi tagħkom biex tibdlu l-flotta tal-vetturi tas-Servizz Pubbliku f’waħda moderna u bl-anqas tniġġiż possibbli, xi ħaġa li qed tkunu minn ta’ quddiem biex fl- aħħar din il-bidla ssir f’pajjiżna.

Insemmi wkoll ix-xogħol u l-miżuri kollha li ħadtu biex tnaqqsu l-użu tal-karta. Dawn huwa kollha inizzjattivi ta’ min ifaħħarhom.

Ħadt pjaċir immens bil-kampanja li għamiltu f’dawn l-aħħar jiem ‘insebbħu

pajjiżna’ biex nassiguraw illi pajjiżna mhux biss jagħraf, iżda wkoll jieħu ħsieb, il- ġmiel naturali u l-wirt arkitettaniku tiegħu.

Ħadt aktar u aktar gost nisma’ lis-Segertarju Permanenti Ewlieni jgħid li din mhux se tkun kampanja ta’ darba, iżda waħda li ser tibqa’ għaddejja b’mod regolari.

Permezz ta’ dawn il-kampanji qed inwasslu lill-poplu messaġġ ċar ħafna biex pajjiżna nieħdu ħsiebu.

Apprezzajt ferm ukoll kif dan il-proġett kellu fil-qofol tiegħu diskussjonijiet ma’ aktar minn tletin Kunsill Lokali, li matulhom ġew identifikati l-aktar bżonnijiet urġenti u importanti f’kull lokalità. Din it-tip ta’ sinerġija bejn gvern ċentrali u dak lokali għandha tħalli riżultati dejjiema, jekk rispettata u mħaddma tajjeb.

Sinjuri,

Kif inhu xieraq, is-Servizz Pubbliku ma jitkellimx biss dwar il-klijenti tiegħu imma jħares ukoll lejn l-obbligi tiegħu stess lejn is-soċjetà.

Bla dubju waħda mit-tagħlimiet li ġabet magħha il-Pandemija hija, kemm ir-remote working, meta mħaddem tajjeb iwassal għal-riżultati pożittivi kemm għall-klijient kif ukoll għall-uffiċċjal u l-istituzzjoni nfisha.

Mhux hekk biss.

Ir-remote working ħa jwassal għal inqas traffiku fit-toroq u inqas traġitti. Ħafna uffiċċjali ser ikunu iktar sodisfatti.

L-istess bħal meta qed taqdu lill-klijenti tagħkom mhux biss il-Belt u fl-uffiċini imma fil-hubs fiċ-ċentri ta’ l-irħula. Ftit passi bogħod minn djarhom stess, in-nies ikunu qegħdin jirċievu servizz.

Permezz tat-teknoloġija moderna, illum sar faċli mmens li takkwista servizz governattiv, anke mill-kumdità ta’ darek u mhux biss matul il-ħinijiet ta’ l-uffiċċju.

Fuq kollox u dan huwa importanti ħafna, f’dak kollu li tagħmlu huwa neċessarju li tibqgħu kontabbli mija fil-mija bi strutturi li jagħtu permanenza f’dak kollu li jsir.

Il-pubblikazzjonijiet li toħorġu u li minn żmien għal żmien tippreżentawli huma turija ċara ta’ din it-trasparenza u kontabilità.

F’dawn l-aħħar snin segwejt kif qed taħdmu ma’ l-Awditur Ġenerali u ma’ l-Uffiċċju tal-Ombudsman. Illum jidher ċar li r-rapporti ta’ dawn l-istituzzjonijiet mhux jispiċċaw jintesew u jiġbru t-trab, imma jingħataw l-attenzjoni meħtieġa.

Sodisfatt li l-Awdituri illum il-ġurnata mhux biss jagħmlu audits u jikkritikaw imma jmorru jagħmlu audits u jagħtu ċertifikati ta’ ‘good practises’ għax ma jsibu xejn ħażin x’jirrappurtaw.

Irrid ngħid li naqbel ukoll ma’ inizjattiva oħra li fil-fehma tiegħi kien hawn ħafna bżonnha, sabiex l-istudenti tal-lum jagħrfu fis-Servizz Pubbliku, bħala karriera li taf tkun ta’ sodisfazzjon daqs, jekk mhux iktar, minn oħrajn fis-settur privat.

Ħadt pjaċir nara kif is-Servizz Pubbliku mar HU għand it-tfal u saqsiehom il- mistoqsija ‘ X’tixtieq issir la Tikber’, fejn it-tfal wasslu l-ħsibijiet tagħhom permezz ta’ kompetizzjoni.

Numru sabiħ ta’ l-fuq minn 600 tifel u tifla ħadu sehem u wħud miċ-ċifri huma tassew interessanti – 22% iridu jidħlu fid-dinja tax-xjenza, 18% jippreferu l-arti, l-

istorja u l-isport, 15% jixtiequ jsiru pumpieri, pulizija jew suldati; 14% jitħajru jsiru għalliema,u 10% jagħżlu karriera qalb in-natura u l-annimali.

Dan l-ispazju lil min għad jiġi warajna jimla dawn is-siġġijiet, huwa importanti biex is-Servizz Pubbliku jibqa’ fis-snin li ġejjin, is-sinsla ta’ pajjiż modern, kompetittiv u dinamiku.

Nikkonkludi billi nawguralkom iktar ħidma sfieqa fix-xhur li ġejjin, u ngħid ‘proset’ lil dawk kollha li illum se jkunu ippremjati għall-isforzi tagħhom.

Grazzi.

Skip to content