The President of Malta

Search
Close this search box.

Diskors fl-okkażjoni tal-Ġurament tal-Ħatriet fil-Ġudikatura

Palazz ta’ Sant’Anton

8 ta’ Frar 2023

On. Prim Ministru,

On. Prim Imħallef,

On. Ministru tal-Ġustizzja,

Avukat tal-Istat,

Sinjuri Maġistrati,

Mistednin Distinti,

Insellmilkom u nilqagħkom bi pjaċir għal din l-okkażjoni importanti għat-tkomplija tat-tisħiħ tal-Istat tad-Dritt f’pajjiżna.

Filwaqt li nagħti merħba lilkom ilkoll, nilqa’ b’mod speċjali likom – Sinjuri Maġistrati –  Dott. Kevan Azzopardi; Dott. Gianella Camilleri Busuttil; Dott. Abigail Critien; Dott. Joseph Gatt.

Nifirħilkom għal din il-ħatra prestiġjuża.

Nilqa’ wkoll lill-familjari tagħkom, li m’għandix dubju kienu ta’ appoġġ kbir fil-fażijiet differnti ta’ ħajjitkom sabiex stajtu tilħqu din il-milja – minn tfal fl-iskola, għall-istudji Universitarji, u anki bħala professjonisti fil-qasam legali.

Bir-raġun, illum qed jifirħu u jħossuhom kburin bikom.

Aħna wkoll, l-awtoritajiet tal-Istat nilqgħu b’sodisfazzjon din l-okkażjoni.

Dan mhux biss għax ser ikunu qed jiżdiedu b’mod konkret ir-riżorsi fil-Qrati ta’ Malta permezz ta’ ħatriet bħal din tal-lum, iżda fuq kollox għax qed ikomplu jissudaw il-kredenzjali tagħna fl-oqsma tal-Istat tad-Dritt u l-governanza tajba.

Mil-lum ‘il hemm, pajjiżna ser ikun qed jafdakom bil-ħidma iebsa u delikata li tiġġudikaw u ssolvu, b’mezzi legali, sitwazzjonijiet li jaffettwaw il-komunità tagħna kollha kemm hi. 

Fl-aħħar mill-aħħar, intom ser tkunu qed iġġorru l-piż li tħarsu u tiggarntixxu d-drittijiet u libertajiet tal-individwu, bla ebda eċċezzjoni. 

Hawnhekk nixtieq nisħaq fuq punt importanti li jorbot il-ġustizzja mal-ugwaljanza fis-soċjetà.  

Nitlobkom iżżommu quddiem għajnejkom ir-rwol fundamentali tagħkom li tħarsu u tipproteġu lil min hu vulnerabbli u lil dawk li m’għandhomx il-fakultà li jħarsu lilhom infushom.  

L-aċċess sħiħ għall-ġustizzja irid japplika għal kulħadd, inkluż min huwa żvantaġġat u min forsi jsib ruħu f’sitwazzjoni ta’ bżonnijiet speċjali. Ma hemmx eċċezzjonijiet.

Fil-qadi ta’ dmirijietkom m’għandix dubju li ser tkunu qed tiġu mmexxija mill-prinċipji kardinali tal-imparzjalità, l-integrità, u t-trasparenza.

Jekk iżżommu ma’ dawn il-valuri, tkunu mħarsa minn kull kritika professjonali, kif ukoll dik personali. 

Minn Ġudikant, is-soċjetà tistenna indipendenza sħiħa, minn kull indħil, influwenza jew pressjoni esterna, biex ix-xogħol tagħkom isir bis-serenità assoluta, li jirrikjedu deċiżjonijiet ta’ piż kbir għas-soċjetà kollha.

Jistenna wkoll li taġġornaw ruħkom kontinwament fil-liġi u l-ġurisprudenza.

Barra mill-Qrati, żommu ukoll quddiem għajnejkom, li għall-poplu inġenerali, intom eżempju ta’ korrettezza, etika u onestà fl-imġiba tagħkom.  

Intom Ġudikanti kullimkien – mhux biss fuq il-bank tal-Qorti. 

Ninsab konvint li dawn il-valuri ser ikunu qegħdin imexxukom f’kulma tagħmlu.

Nifirħilkom fil-kariga u fl-obbligi ġodda tagħkom.

Sinjuri Maġistrati, inħeġġiħkom tagħmlu l-almu tagħkom sabiex bil-ħidma tagħkom tkomplu ssaħħu l-amministrazzjoni tal-ġustizzja f’pajjiżna.

Nawguralkom kull suċċess.

Skip to content